Għala x-Xhieda taʼ Ġeħova biddlu xi ftit mit-twemmin tagħhom?
Aħna dejjem użajna l-Bibbja bħala l-unika awtorità għat-twemmin tagħna, allura aġġustajna dak li nemmnu hekk kif il-fehma tagħna tal-Iskrittura saret iktar ċara. a
Bidliet bħal dawn huma fi qbil mal-prinċipju tal-Bibbja li jinsab fi Proverbji 4:18: “Il-mogħdija tan-nies sewwa hi bħal dawl qawwi li qed jiżdied iktar u iktar sal-milja tal-jum.” Hekk kif tkun tielaʼ x-xemx, id-dawl tagħha jibda juri bil-mod il-mod l-affarijiet iktar ċari. Bl-istess mod, Alla jagħtina l-fehma tal-verità divina b’mod progressiv, fil-ħin xieraq Tiegħu. (1 Pietru 1:10-12) Bħalma bassret il-Bibbja, hu qed jgħaġġel dan il-proċess matul “żmien it-tmiem.”—Danjel 12:4.
Dawn l-aġġustamenti fil-fehma tagħna m’għandhomx jissorprenduna jew iħawduna. Qaddejja t’Alla fil-passat ukoll kellhom ideat u stennijiet żbaljati u kellhom bżonn jaġġustaw il-ħarsa tagħhom.
Mosè offra lilu nnifsu biex ikun il-ħellies tal-ġens tal-Iżrael 40 sena qabel iż-żmien li kellu f’moħħu Alla.—Atti 7:23-25, 30, 35.
L-appostli ma fehmux il-profezija li bassret il-mewt u l-irxoxt tal-Messija.—Isaija 53:8-12; Mattew 16:21-23.
Xi Kristjani tal-bidu kellhom ideat żbaljati dwar iż-żmien meta kellu jiġi “l-jum taʼ Ġeħova.”—2 Tessalonikin 2:1, 2.
Alla iktar tard ikkoreġa l-fehma żbaljata tagħhom, u aħna nitolbu li hu jkompli jagħmel l-istess magħna.—Ġakbu 1:5.
a Aħna ma nipprovawx naħbu dawn il-bidliet fil-fehma tagħna dwar dak li tgħid il-Bibbja. Infatti, aħna nniżżluhom bil-miktub u nippubblikawhom. Pereżempju, ikteb “Kjarifika tat-Twemmin Tagħna” fil-kaxxa fejn tfittex fil-LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa.