Ix-Xhieda ta’ Ġeħova għandhom il-Bibbja tagħhom stess?
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova użaw ħafna traduzzjonijiet differenti fl-istudju tagħhom tal-Bibbja. Imma speċjalment iħobbu jużaw it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa, jekk din tkun disponibbli bil-lingwa tagħhom, għax tuża l-isem t’Alla u hi miktuba b’eżattezza u b’mod ċar.
L-użu tal-isem t’Alla. Xi pubblikaturi tal-Bibbja naqqsu milli jonoraw l-Awtur tagħha. Pereżempju, traduzzjoni tal-Bibbja fiha lista taʼ xi 70 persuna li b’xi mod jew ieħor għenu biex tiġi stampata. Però, din l-istess Bibbja tħalli barra għalkollox l-isem tal-Awtur—Alla Ġeħova!
Mill-banda l-oħra, it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida reġgħet poġġiet l-isem divin f’eluf taʼ postijiet fejn kien fit-test oriġinali, filwaqt li l-kumitat li għamel it-traduzzjoni jibqaʼ anonimu.
B’eżattezza. Mhux it-traduzzjonijiet kollha fihom il-messaġġ oriġinali tal-Bibbja. Pereżempju, traduzzjoni minnhom tpoġġi Mattew 27:40 b’dan il-mod: “Jekk int l-Iben t’Alla, inżel mis-salib!” Madanakollu, it-test oriġinali uża terminu li jfisser “arblu.” Forsi t-tradutturi daħħlu l-kelma “salib” għax emmnu li Ġesù miet fuq salib. Imma l-Bibbja mkien ma tgħid hekk. Għalhekk, it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida b’eżattezza tgħid: “Jekk int bin Alla, inżel minn fuq iz-zokk tat-tortura!”
B’mod ċar. Traduzzjoni tajba m’għandhiex tkun eżatta biss imma wkoll ċara u faċli li tinftiehem. F’Mattew 5:3, Ġesù uża espressjoni li letteralment tfisser “henjin il-foqra fl-ispirtu.” Ladarba din l-espressjoni ftit tagħmel sens illum il-ġurnata, it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tpoġġi dan il-vers b’tali mod li jkun faċli biex jinftiehem. Tgħid: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.”
Minbarra li tuża l-isem t’Alla u li hi miktuba b’eżattezza u b’mod ċar, it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida għandha xi ħaġ’oħra li tispikka: Titqassam lin-nies mingħajr ħlas. Għalhekk, miljuni taʼ nies jistgħu jaqraw il-Bibbja bi lsien pajjiżhom—anki dawk li ma jaffordjawx li jixtru Bibbja.