Min Kien il-Fundatur Tagħkom?
L-organizzazzjoni taʼ żmienna tax-Xhieda taʼ Ġeħova ġiet stabbilita fi tmiem is-seklu 19. F’dak iż-żmien, grupp żgħir taʼ studenti tal-Bibbja li kienu jgħixu ħdejn Pittsburgh, Pennsylvania, fl-Istati Uniti, beda jagħmel analisi sistematika tal-Bibbja. Dawn l-istudenti kienu jqabblu d-duttrini mgħallmin minn reliġjonijiet oħrajn maʼ dak li l-Bibbja tgħallem verament. Dak li kienu jitgħallmu kienu jippubblikawh f’kotba, f’gazzetti, u fir-rivista li issa jisimha It-Torri tal-Għassa—Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova.
Fost dan il-grupp taʼ studenti sinċieri tal-Bibbja kien hemm raġel jismu Charles Taze Russell. Għalkemm Russell ħa t-tmexxija tax-xogħol edukattiv fuq il-Bibbja dak iż-żmien u kien l-ewwel editur taʼ The Watchtower (It-Torri tal-Għassa), hu ma kienx il-fundatur taʼ xi reliġjon ġdida. L-għan taʼ Russell u tal-Istudenti tal-Bibbja, bħalma kien magħruf il-grupp lura f’dak iż-żmien, kien li jippromwovu t-tagħlim taʼ Ġesù Kristu u li jsegwu l-prattiki tal-kongregazzjoni Kristjana tal-ewwel seklu. Peress li Ġesù hu l-Fundatur tal-Kristjanità, aħna nqisu lilu bħala l-fundatur tal-organizzazzjoni tagħna.—Kolossin 1:18-20.