Ix-Xhieda ta’ Ġeħova biddlu l-Bibbja biex taqbel mat-twemmin tagħhom?
Le, m’għamilniex hekk. Għall-kuntrarju, meta skoprejna li t-twemmin tagħna ma kienx kompletament fi qbil mal-Bibbja, aħna biddilna dan it-twemmin.
Ħafna qabel ma bdejna nipproduċu t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida ta’ l-Iskrittura Mqaddsa fl-1950, aħna studjajna l-Bibbja. Użajna kwalunkwe traduzzjoni li kienet disponibbli, u bbażajna kompletament it-twemmin tagħna skont dak li sibna. Ikkunsidra xi ftit eżempji taʼ twemmin li x-Xhieda taʼ Ġeħova ilhom iħaddnu, u ddeċiedi għalik innifsek jekk jaqblux maʼ dak li verament tgħallem il-Bibbja.
Dak li aħna nemmnu: Alla mhux Trinità. Il-ħarġa taʼ Zion’s Watch Tower (kif kien imsejjaħ It-Torri tal-Għassa taʼ dak iż-żmien) taʼ Lulju 1882 qalet: “Il-qarrejja tagħna huma konxji li għalkemm nemmnu f”Ġeħova u Ġesù, u l-ispirtu qaddis, aħna niċħdu t-tagħlim li bl-ebda mod mhu Skritturali li dawn huma tliet allat f’persuna waħda jew, kif jgħidu xi wħud, alla wieħed fi tliet persuni.”
Dak li tgħid il-Bibbja: “Il-Mulej, Alla tagħna, hu Mulej wieħed.” (Dewteronomju 6:4, Il-Bibbja, Saydon) “Alla wieħed hemm: il-Missier li minnu ġej kollox u aħna bih neżistu, u wieħed Mulej: Ġesù Kristu, li permezz tiegħu sar kollox u aħna għalih neżistu.”(1 Korintin 8:6, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Ġesù nnifsu stqarr: “Il-Missier hu akbar minni.”—Ġwanni 14:28, GħBM.
Dak li aħna nemmnu: M’hemm l-ebda turment etern fin-nar tal-infern. It-titlu taʼ Zion’s Watch Tower taʼ Ġunju 1882 kien “Il-ħlas tad-dnub hu l-mewt,” meħud minn Rumani 6:23 tal-King James Version. Fil-ħarġa ntqal: “Kemm hija ċara u sempliċi din l-istqarrija. Kemm hija stramba li ħafna li jgħidu li jaċċettaw il-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla jinsistu f’li jiċħdu din l-istqarrija pożittiva u jisħqu li huma jemmnu, u li l-Bibbja tgħallem, li l-ħlas tad-dnub hu ħajja eterna taʼ turment.”
Dak li tgħid il-Bibbja: “Ir-ruħ li tidneb, tmut.” (Eżekjel 18:4, 20, Il-Bibbja Mqaddsa, Karm Żammit) Il-kastig finali għal dawk li jopponu lil Alla mhuwiex turment etern, imma “qerda taʼ dejjem.”—2 Tessalonikin 1:9, King James Version.
Dak li aħna nemmnu: Is-Saltna t’Alla hija gvern reali, mhux kundizzjoni tal-qalb. Rigward is-Saltna t’Alla, il-ħarġa taʼ Zion’s Watch Tower taʼ Diċembru 1881 qalet: “Ovvjament, it-twaqqif taʼ din is-Saltna se jinvolvi li tegħleb is-saltniet kollha tal-art.”
Dak li tgħid il-Bibbja: “Fi żmien dawn is-slaten, Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Danjel 2:44, GħBM.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jiddependu mit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida biex jappoġġaw it-twemmin tagħhom?
Le, għaliex aħna nkomplu nużaw ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja fix-xogħol tal-ippritkar tagħna. Fil-fatt, filwaqt li nipprovdu kopja tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida b’xejn bħala parti mill-istudju tal-Bibbja bla ħlas, aħna lesti wkoll li nistudjaw maʼ wħud li jippreferu jużaw traduzzjonijiet oħra.