IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET
“Donnu kelli kulma ridt”
SENA TAT-TWELID: 1962
POST TAT-TWELID: Il-Kanada
PASSAT: Ħajja immorali
IL-PASSAT TIEGĦI
Twelidt f’Montreal, l-akbar belt fi Quebec, il-Kanada. Jien kont wieħed minn erbat itfal. Trabbejna minn ġenituri li jħobbuna fil-post sabiħ taʼ Rosemont. Gawdejna ħajja paċifika flimkien.
Kelli interess fil-Bibbja minn età żgħira. Niftakarni taʼ 12-il sena naqra dwar il-ħajja taʼ Ġesù mit-Testment il-Ġdid. Dak li qrajt kien għoġobni ħafna. L-imħabba u l-mogħdrija li Ġesù kellu għal oħrajn messewli qalbi u xtaqt inkun bħalu. Imma sfortunatament din ix-xewqa naqset hekk kif bdejt nikber u nagħmilha maʼ kumpanija ħażina.
Missieri kien idoqq is-saxophone. Apparti li tani l-istrument tiegħu, hu għaddieli l-imħabba li kellu għall-mużika. Din saret l-iktar ħaġa importanti f’ħajti. Il-mużika tant kienet togħġobni li ftit wara tgħallimt indoqq il-kitarra. Maż-żmien, ifformajt rock band maʼ xi ħbieb, u konna ndoqqu f’postijiet differenti. Xi produtturi magħrufin fl-industrija tal-mużika nnotaw dan u offrew li jirreklamaw il-mużika tiegħi. Imbagħad iffirmajt kuntratt maʼ kumpanija popolari biex nibda nbigħ il-mużika. Il-mużika tiegħi saret popolari mhux ħażin u kienet tindaqq spiss fuq ir-radju fi Quebec.
Donnu kelli kulma ridt. Kont għadni żgħir, kont popolari, u kont qed naqlaʼ ħafna flus waqt li nagħmel dak li nħobb. Matul il-ġurnata kont immur il-gym, niġi intervistat, inqattaʼ xi ħin niffirma lin-nies, u nidher fuq it-televixin. Filgħaxija, kont indoqq u mmur il-parties. Apparti li kont nixrob l-alkoħol, bdejt ukoll nieħu d-drogi biex inkampa mal-istress tal-folol u l-ammiraturi. Barra minn hekk, kont immorali u ma kien jinteressani minn ħadd.
Xi wħud kienu jgħiru għalija, għax kont nidher ferħan. Imma fir-realtà, kont inħoss vojt kbir, speċjalment meta nkun waħdi. Kont inħossni dipress u stressjat. Darba, fl-iktar żmien li kont popolari, żewġ produtturi li kont naħdem magħhom mietu bl-AIDS. Kont ixxokkjat! Għalkemm kont inħobb il-mużika, il-ħajja li kont qed ngħix kienet tqallagħni.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI
Minkejja s-suċċess li kelli, kont naf li hemm xi ħaġa sejra ħażin ħafna fid-dinja. Kif jistaʼ jkun hemm din l-inġustizzja kollha? Kont nistaqsi bejni u bejn ruħi għala Alla kien qed iżomm lura milli jaġixxi. Fil-fatt, spiss kont nitlob lil Alla għat-tweġibiet. Waqt li kont fuq brejk mill-kunċerti, erġajt bdejt naqra l-Bibbja. Għalkemm ma kontx nifhem il-biċċa l-kbira minn dak li kont naqra, ikkonkludejt li t-tmiem tad-dinja bilfors kien qrib.
Waqt li kont qed naqra l-Bibbja, skoprejt li darba Ġesù sam fid-deżert għal 40 jum. (Mattew 4:1, 2) Immaġinajt li jekk nagħmel l-istess, forsi Alla kien se jwiġibni. Allura għażilt data meta kont se nibda nsum. Ġimagħtejn qabel bdejt insum, ġew tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova jħabbtuli l-bieb, u jien daħħalthom ġewwa. Kien qisu kont qed nistenniehom. Ħarist dritt f’għajnejn wieħed minnhom, li jismu Jacques, u staqsejtu, “Kif nistgħu nkunu nafu li qed ngħixu fl-aħħar jiem tad-dinja?” Biex iwiġibni fetaħ il-Bibbja u qara t-2 Timotju 3:1-5. Imbagħad ibbombardjajthom bi skoss mistoqsijiet oħra u bqajt imbellah bit-tweġibiet bis-sens u sodisfaċenti li tawni mill-Bibbja. Wara ftit drabi li ġew ikellmuni, indunajt li ma kellix għalfejn insum.
Imbagħad bdejt nistudja l-Bibbja regolarment max-Xhieda. Maż-żmien, qtajt ix-xagħar twil li kelli u bdejt nattendi kull laqgħa fis-Sala tas-Saltna lokali. Il-mod kif laqgħuni l-aħwa f’dawn il-laqgħat kompla jikkonvinċini li fl-aħħar kont sibt il-verità.
Ovvjament, biex napplika dak li kont qed nitgħallem mill-istudju tal-Bibbja, kelli nagħmel bidliet kbar. Fosthom kelli naqtaʼ d-drogi illegali li kont nieħu u ma nibqax ngħix ħajja immorali. Kelli wkoll nibdel l-attitudni tiegħi u nieħu iktar interess f’oħrajn, għax qabel kont naħseb biss fija nnifsi. Bħala ġenitur li kont inrabbi żewġt itfal waħdi, kelli nitgħallem nieħu ħsieb il-bżonnijiet emozzjonali u spiritwali tagħhom. Għalhekk tlaqt il-karriera tal-mużika u bdejt naħdem f’fabbrika b’paga baxxa.
Ma kienx faċli nagħmel dawn il-bidliet. Meta kont qed nipprova naqtaʼ d-drogi, kont nissielet maʼ sintomi koroh u ġieli rġajt waqajt għalihom. (Rumani 7:19, 21-24) Sfida ikbar kienet li nieqaf ngħix ħajja immorali. Barra minn hekk, ix-xogħol ġdid li kelli kien iħallini bla saħħa, u l-ammont żgħir taʼ flus li kont indaħħal kien jiskuraġġini. L-ammont taʼ flus li bdejt indaħħal fi tliet xhur kont naqlagħhom f’sagħtejn biss bħala mużiċist!
It-talb għenni nkompli nagħmel dawn il-bidliet diffiċli. Il-qari regolari tal-Bibbja wkoll kellu rwol importanti ħafna. Versi speċifiċi tal-Bibbja tawni kuraġġ kbir. Wieħed minnhom qiegħed fit-2 Korintin 7:1, fejn iħeġġeġ lill-Kristjani biex ‘jitnaddfu minn kull tinġis tal-laħam u taʼ l-ispirtu.’ Vers ieħor li għenni nkun ċert li nistaʼ naqtaʼ l-vizzji l-ħżiena qiegħed f’Filippin 4:13, li jgħid hekk: “Għal kollox għandi s-saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-qawwa.” Alla Ġeħova wieġeb it-talb tiegħi u għenni biex fl-aħħar nifhem il-verità tal-Bibbja u ngħix fi qbil magħha. Dan immotivani biex niddedika ħajti lilu. (1 Pietru 4:1, 2) Jien tgħammidt bħala Xhud taʼ Ġeħova fl-1997.
KIF IBBENEFIKAJT
Jien konvint li kieku kelli nkompli ngħix il-ħajja taʼ qabel, kont inkun mejjet sal-lum. Imma minflok, issa qed ingawdi ħajja li tgħinni nkun ferħan verament! Il-mara mill-aqwa tiegħi, Elvie, kienet barka kbira għalija. Flimkien, aħna nieħdu pjaċir nużaw ħafna mill-ħin tagħna biex ngħallmu l-Bibbja lil oħrajn bħala qaddejja full-time. Dan jagħtini ħafna ferħ u kuntentizza. Jien grat ħafna lejn Ġeħova talli ġibidni lejh.—Ġwanni 6:44.