Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Għandi nagħmel ħbieb ġodda?

Għandi nagħmel ħbieb ġodda?

 “Vera nħossni komdu mal-​klikka taʼ ħbieb tiegħi, għax jien insibha diffiċli nagħmilha maʼ nies oħrajn.”​—Alan, 15-​il sena.

 “Għandi grupp żgħir taʼ ħbieb, u personalment kuntenta hekk. M’iniex it-​tip li nħobb nitkellem maʼ nies li ma nafhomx.”—Sara, 17-​il sena.

 Tħossok int bħal Alan u Sara? Għandek int grupp taʼ ħbieb li dejjem tagħmilha magħhom u ssibha diffiċli biex tagħmel ħbieb ġodda?

 Jekk iva, mela dan l-​artiklu hu għalik!

 Il-​problemi li jġibu magħhom il-​klikek

 M’hemm xejn ħażin billi tkun fi grupp. Li jkollok grupp taʼ ħbieb li dejjem tagħmilha magħhom u tħossok komdu magħhom jgħinek tħossok aċċettat minnhom, int kif int—bit-​tajjeb u l-​ħażin tiegħek.

 “Inħossni ferħana li qiegħda fi grupp u li huma jieħdu pjaċir bija. Meta tkun żgħir, tkun tixtieq li tiġi aċċettat minn oħrajn.”Karen, 19-​il sena.

 Kont taf? It-​12-​il appostlu taʼ Ġesù kienu wħud mill-​ħafna ħbieb tiegħu, imma tlieta minn dawk l-​appostli—Pietru, Ġakbu, u Ġwanni—kienu l-​iktar ħbieb tal-​qalb tiegħu.—Marku 9:2; Luqa 8:51.

 Però, li tassoċja biss maʼ grupp wieħed taʼ ħbieb—u ma tagħmilhiex maʼ oħrajn—jistaʼ jwasslek għal problemi. Pereżempju:

  •   Jistaʼ jwaqqfek milli jkollok ħbiberiji tajbin oħra.

     “Li jkollok biss ħbieb li jħobbu l-​istess affarijiet bħalek jistaʼ jżommok milli jkollok esperjenzi ġodda​—u li ssir taf nies oħrajn.”​—Evan, 21 sena.

  •   Jistaʼ jġiegħlek tidher kburi.

     “Meta jkollok grupp taʼ ħbieb wieħed biss, tistaʼ tagħti l-​impressjoni li ma tridx titkellem maʼ nies oħrajn.”​—Sara, 17-​il sena.

  •   Jistaʼ jwasslek biex tieħu sehem f’bullying.

     “Forsi persuna waħedha mhijiex se tibbulja lil xi ħadd, imma għax oħrajn fil-​grupp qed jagħmlu hekk, jaf jidher li hu owkej—ġieli anki tibda taħseb li hi xi ħaġa tad-​daħq.”—James, 17-​il sena.

  •   Jistaʼ jdaħħlek fl-​inkwiet​—l-​iktar jekk lest li tagħmel kollox biex tibqaʼ f’dak il-​grupp.

     “Ġieli jkun hemm biss wieħed fi grupp li jagħmel xi ħaġa ħażina u l-​grupp kollu jispiċċa jagħmel bħalu.”—Martina, 17-​il sena.

 Dak li tistaʼ tagħmel

  •   Aħseb sew dwar il-​prinċipji tiegħek.

     Saqsi lilek innifsek: ‘X’inhuma l-​prinċipji li nixtieq ngħix bihom? Il-​ħbieb tiegħi jagħmluha iktar faċli jew diffiċli għalija biex inżomm maʼ dawn il-​prinċipji? Inpoġġi jien lill-​ħbieb l-​ewwel akkost taʼ kollox?’

     Prinċipju tal-​Bibbja: “Kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja.”—1 Korintin 15:33.

     “Meta l-​ħbieb fil-​grupp ma jkollhomx l-​istess prinċipji bħal tiegħek, malajr tistaʼ tibda tagħmel affarijiet li int qatt ma kont lesta li tagħmilhom qabel.”​—Ellen, 14-​il sena.

  •   Aħseb sew dwar il-​prijoritajiet tiegħek.

     Saqsi lilek innifsek: ‘Sirt tant close maʼ sħabi tal-​grupp li nasal biex immur kontra dak li jien nemmen li hu tajjeb biex nibqaʼ ħabib magħhom? X’nagħmel jien kieku wieħed minn sħabi jagħmel xi ħaġa ħażina?’

     Prinċipju tal-​Bibbja: “Lil kulmin għandi affezzjoni lejh inwiddbu [jew, nikkoreġih].”​—Rivelazzjoni 3:​19.

     “Jekk xi ħadd fil-​grupp jagħmel xi ħaġa ħażina, int taf tiġi bejn ħaltejn dwar x’se tagħmel, għax tħoss li jekk tikxfu tkun qed tiħodha kontra l-​grupp kollu.”​—Melanie, 22 sena.

  •   Agħmel ħbieb ġodda.

     Saqsi lilek innifsek: ‘Nistaʼ nibbenefika jekk nagħmel ħbieb ġodda?’

     Prinċipju tal-​Bibbja: “Tfittxux l-​interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.”​—Filippin 2:4.

     “Tfal li f’għajnejn ħaddieħor mhumiex popolari jaf għandhom ħajja diffiċli d-​dar. Xħin issir tafhom, ħafna drabi ssib li jkollhom karattru sabiħ.”​—Brian, 19-​il sena.

 Ir-​realtà hi: M’hemm xejn ħażin li jkollok grupp taʼ ħbieb li tħobb tagħmilha magħhom. Imma fl-​istess ħin, int tistaʼ tibbenefika jekk tagħmel ħbieb ġodda. Il-​Bibbja tgħid: “Idraw agħtu, u n-​nies jagħtukom.”—Luqa 6:38.