X’Għandek Bżonn Biex Tifhem il-Bibbja?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-Bibbja nfisha tispjega x’għandek bżonn tagħmel biex tifhimha. Int min int u tgħix fejn tgħix, il-messaġġ t’Alla fil-Bibbja “la hu diffiċli wisq għalik, u lanqas hu ’l bogħod.”—Dewteronomju 30:11.
Dak li għandek bżonn biex tifhem il-Bibbja
Żomm attitudni tajba. Aċċetta l-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla. Kun umli, għax Alla jopponi lis-suppervi. (1 Tessalonikin 2:13; Ġakbu 4:6) Madankollu, evita li tiżviluppa fidi għamja—Alla jridek tuża “l-qawwa tar-raġuni.”—Rumani 12:1, 2.
Itlob għall-għerf. “Tistrieħx fuq fehmtek stess,” tgħid il-Bibbja fi Proverbji 3:5. Minflok, ‘ibqaʼ itlob lil Alla’ għall-għerf biex tifhem il-Bibbja.—Ġakbu 1:5.
Kun konsistenti. Se tibbenefika ħafna iktar mill-istudju tal-Bibbja jekk tagħmlu fuq bażi regulari minflok ma tagħmlu meta jfettillek.—Ġożwè 1:8.
Studja skont is-suġġett. Studju dwar suġġett, li fih tanalizza x’tgħid il-Bibbja dwar suġġett partikulari, huwa mod effettiv kif issir taf x’tgħallem l-Iskrittura. Ibda bid-“duttrina elementari,” biex ngħidu hekk, u mbagħad ‘irsisti lejn il-maturità,’ jiġifieri, tagħlim iktar avanzat. (Ebrej 6:1, 2) Se ssib li tkun tistaʼ tqabbel skrittura maʼ oħra u titgħallem li diversi partijiet mill-Bibbja jagħtu spjegazzjoni waħda lill-oħra, saħansitra l-partijiet li huma “tqal biex tifhimhom.”—2 Pietru 3:16.
Ikseb l-għajnuna taʼ ħaddieħor. Il-Bibbja tinkuraġġina biex naċċettaw l-għajnuna taʼ min jifhem il-Bibbja. (Atti 8:30, 31) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova joffru studju tal-Bibbja bla ħlas. Bħall-Kristjani tal-bidu, huma jużaw referenzi Skritturali biex jgħinu lil ħaddieħor jifhem dak li l-Bibbja tgħallem verament.—Atti 17:2, 3.
Affarijiet li m’għandekx bżonn
Intelliġenza kbira jew edukazzjoni għolja. It-12-il appostlu taʼ Ġesù fehmu l-Iskrittura u għallmuha lil ħaddieħor, avolja l-appostli kienu meqjusin minn xi wħud bħala “rġiel komuni u taʼ ftit skola.”—Atti 4:13.
Flus. Int tistaʼ ssir taf x’tgħallem il-Bibbja mingħajr ma toħroġ flus minn butek. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Irċivejtu b’xejn, agħtu b’xejn.”—Mattew 10:8.