Is-Saltna t’Alla hi f’qalbek?
It-tweġiba tal-Bibbja
Le, is-Saltna t’Alla mhijiex sempliċement kundizzjoni fil-qalb tal-Kristjani. a Il-Bibbja tidentifika fejn is-Saltna verament tinsab billi ssejħilha “s-Saltna tas-Smewwiet.” (Mattew 4:17, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Ikkunsidra kif il-Bibbja turina li s-Saltna hi gvern reali li qed imexxi mis-sema.
Is-Saltna t’Alla għandha mexxejja, sudditi, liġijiet, u għandha skop biex tistabbilixxi r-rieda t’Alla fis-sema u anke fuq l-art.—Mattew 6:10; Rivelazzjoni 5:10.
Il-gvern, jew is-Saltna, t’Alla se jmexxi fuq “il-popli, il-ġnus, u l-lingwi” kollha taʼ din l-art. (Danjel 7:13, 14) L-awtorità għat-tmexxija tiegħu tiġi, mhux mis-sudditi tiegħu, imma direttament minn Alla.—Salm 2:4-6; Isaija 9:7.
Ġesù qal lill-appostli leali tiegħu li huma se jingħaqdu miegħu fis-Saltna tas-smewwiet biex joqogħdu “bil-qiegħda fuq tronijiet.”—Luqa 22:28, 30.
Is-Saltna t’Alla għandha għedewwa, u dawn se teqridhom.—Salm 2:1, 2, 8, 9; 110:1, 2; 1 Korintin 15:25, 26.
Il-Bibbja ma tgħallimx li s-Saltna tas-smewwiet hi f’qalbek fis-sens li tmexxi minn ġol-qalb tal-individwu. Però, hi turi li “l-kelma tas-Saltna” jew “l-aħbar tajba tas-Saltna” tistaʼ u għandha teffettwa lil qlubna.—Mattew 13:19; 24:14.
Xi tfisser il-frażi “s-Saltna taʼ Alla hi ġo fikom”?
Xi wħud tħawdu dwar fejn tinsab is-Saltna minħabba l-mod kif tpoġġa l-kliem f’Luqa 17:21 f’ċerti traduzzjonijiet tal-Bibbja. Pereżempju, Il-Bibbja taʼ Saydon tgħid li “s-Saltna taʼ Alla hi ġo fikom.” Sabiex nifhmu dan il-vers b’mod korrett, irridu nikkunsidraw il-kuntest.
Ġesù kien qed jitkellem mal-Fariżej, grupp taʼ mexxejja reliġjużi li kienu jopponuh u li kellhom sehem f’li joqtluh. (Mattew 12:14; Luqa 17:20) Tagħmel sens li s-Saltna kienet kundizzjoni f’qalbhom meta kienu tant rashom iebsa? Ġesù qalilhom: “Minn ġewwa mimlijin ipokrisija u ksur tal-liġi.”—Mattew 23:27, 28.
Traduzzjonijiet oħra b’eżattezza jikkjarifikaw l-istqarrija taʼ Ġesù f’Luqa 17:21: “Is-Saltna taʼ Alla fostkom qiegħda.” (Tipa grassa tagħna; GħBM) “Is-saltna t’Alla qiegħda f’nofskom.” (Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida) Is-Saltna tas-smewwiet kienet ‘fost’ jew ‘f’nofs’ il-Fariżej fis-sens li Ġesù, il-wieħed li ġie magħżul minn Alla biex imexxi bħala Sultan, kien wieqaf quddiemhom.—Luqa 1:32, 33.
a Ħafna gruppi reliġjużi Kristjani jgħallmu li s-Saltna t’Alla hi ġewwa l-persuna, jew f’qalbha. Pereżempju, The Catholic Encyclopedia ssostni: “Is-saltna t’Alla tfisser . . . it-tmexxija t’Alla f’qalbna.” B’mod simili, fil-ktieb tiegħu Jesus of Nazareth, il-Papa Benedittu XVI jistqarr li “s-Saltna t’Alla tiġi permezz taʼ qalb ubbidjenti.”