L-Infern Vera Jeżisti? Il-Bibbja X’Tgħid Dwar l-Infern?
It-tweġiba tal-Bibbja
Xi traduzzjonijiet tal-Bibbja bl-Ingliż bħall-King James Version u bil-Malti bħall-Għaqda Biblika Maltija jużaw il-kelma “hell” jew “infern” f’xi versi. (Salm 16:10; Mattew 5:29 a) Bħalma turi l-istampa fil-bidu taʼ dan l-artiklu, ħafna nies jemmnu li l-infern hu post fejn il-ħżiena jinħarqu għal dejjem bħala kastig. Il-Bibbja x’tgħallem?
F’dan l-artiklu
L-infern hu post fejn in-nies ibatu għal dejjem?
Le. F’xi traduzzjonijiet tal-Bibbja, il-kliem li ġie tradott “infern” (bl-Ebrajk “Xeol”; bil-Grieg, “Ħades”) jirreferi għall-“Qabar.” Dan hu l-qabar komuni tal-bnedmin. Il-Bibbja turi li n-nies li qegħdin fil-“Qabar” mhumiex ħajjin.
Il-mejtin ma jafu xejn u ma jistgħux iħossu wġigħ. “La hemm xogħol, la ppjanar, la għarfien, u lanqas għerf fil-Qabar.” (Ekkleżjasti 9:10) Fl-infern m’hemmx nies jgħajtu. Minflok il-Bibbja tgħid: “Ħa jiġu umiljati l-ħżiena, u ħa jkunu siktin fil-qabar.”—Salm 31:17, King James Version; Salm 115:17.
Alla qal li l-kastig tad-dnub hu l-mewt mhux l-infern. Alla qal lill-ewwel raġel, Adam, li jekk ma jobdix il-liġi tiegħu jmut. (Ġenesi 2:17) Alla ma qallux li se jiġi ttorturat għal dejjem fl-infern. Meta Adam għamel id-dnub, Alla qallu x’se jkun il-kastig: “Trab int u trab terġaʼ ssir.” (Ġenesi 3:19) Adam ma kienx se jeżisti iktar. Kieku Alla kien se jibgħatu l-infern, kien se jgħidlu. Alla ma biddilx il-kastig talli ma nobdux il-liġijiet tiegħu. Ħafna żmien wara li Adam għamel id-dnub, Alla ggwida lil raġel biex fil-Bibbja jikteb: “Il-ħlas li jagħti d-dnub hu l-mewt.” (Rumani 6:23) M’hemmx bżonn taʼ kastig ieħor “għax min miet inħeles mid-dnub.”—Rumani 6:7.
Alla jobgħod l-idea li xi ħadd jiġi ttorturat għal dejjem. (Ġeremija 32:35) Din l-idea ma taqbilx maʼ dak li tgħid il-Bibbja. Hi tgħallimna li “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Hu jrid li aħna naqduh għax inħobbuh mhux għax nibżgħu li se jikkastigana għal dejjem.—Mattew 22:36-38.
Nies tajbin marru l-infern. Xi Bibbji li jużaw il-kelma “infern” juru li rġiel leali bħal Ġakobb u Ġob stennew li jmorru l-infern. (Ġenesi 37:35; Ġob 14:13) Dawn il-Bibbji juru li anki Ġesù Kristu kien l-infern wara li miet u qabel ma ġie rxoxtat. (Atti 2:31, 32) Mela żgur li meta dawn il-Bibbji jużaw il-kelma “infern” qed jirreferu għall-Qabar. b
Xi jfisser l-eżempju li qal Ġesù dwar ir-raġel sinjur u Lazzru?
Dan l-eżempju, jew parabbola, qalu Ġesù u nsibuh f’Luqa 16:19-31. Ġesù kien juża dawn l-eżempji biex jgħallem dwar x’inhu tajjeb u ħażin u kif jaħsibha Alla. L-eżempju tar-raġel sinjur u Lazzru ma ġarax vera. (Mattew 13:34) Biex titgħallem iżjed dwar dan l-eżempju, ara l-artiklu “Who Were the Rich Man and Lazarus?”
Ifisser l-infern li persuna ma tarax lil Alla?
Le. It-tagħlim li l-mejtin ikunu jafu jekk hux qed jaraw lil Alla ma jaqbilx mal-Bibbja. Il-Bibbja tgħallem b’mod ċar li l-mejtin ma jafu xejn.—Salm 146:3, 4; Ekkleżjasti 9:5.
Kien hemm min inħeles mill-infern?
Iva. Il-Bibbja titkellem dwar disgħa min-nies li marru fil-Qabar (f’xi Bibbji “infern”) u li reġgħu ġew irxoxtati. c Kieku kienu jafu li qegħdin l-infern, setgħu jitkellmu x’ġara meta kienu hemm. Imma ħadd minnhom ma semma li għadda minn xi ħaġa jew ġie ttorturat. Għala? Għax bħalma tgħallem il-Bibbja, huma ma kienu jafu xejn, qishom reqdin fil-fond.—Ġwanni 11:11-14; 1 Korintin 15:3-6.
a Xi Bibbji bil-Malti ma jużawx il-kelma “infern” f’Salm 16:10. Minflok jużaw “is-saltna taʼ l-imwiet,” (Karm Żammit) jew “fl-imwiet,” (Għaqda Biblika Maltija).
b Ara l-kaxxa “ Il-Kliem Oriġinali li Ntuża fil-Bibbja.”