X’inhi l-għadira tan-nar? Hija l-istess bħall-infern jew Geħenna?
It-tweġiba tal-Bibbja
L-għadira tan-nar hi simbolu taʼ qerda eterna. Hija l-istess bħal Geħenna, imma hija differenti mill-infern, li hu l-qabar komuni tal-umanità.
Mhijiex għadira letterali
Il-ħames versi tal-Bibbja li jsemmu “l-għadira tan-nar” juru li hi għadira simbolika u mhux waħda letterali. (Rivelazzjoni 19:20; 20:10, 14, 15; 21:8) Dawn li ġejjin se jiġu mitfugħin fl-għadira tan-nar:
Ix-Xitan. (Rivelazzjoni 20:10) Peress li x-Xitan huwa spirtu, in-nar letterali ma jistaʼ jagħmillu xejn.—Eżodu 3:2; Imħallfin 13:20.
Il-mewt. (Rivelazzjoni 20:14) Din mhijiex xi ħaġa letterali imma tirrappreżenta stat taʼ inattività, l-oppost tal-ħajja. (Ekkleżjasti 9:10) Il-mewt ma tistax tiġi maħruqa letteralment.
“Il-bhima salvaġġa” u “l-profeta falz.” (Rivelazzjoni 19:20) Ladarba dawn huma simboli, ma jkunx raġunevoli li nikkonkludu li l-għadira li se jiġu mitfugħin fiha hija wkoll simbolika?—Rivelazzjoni 13:11, 12; 16:13.
Simbolu taʼ qerda eterna
Il-Bibbja tgħid li l-għadira tan-nar “tfisser it-tieni mewt.” (Rivelazzjoni 20:14; 21:8) L-ewwel tip taʼ mewt li tissemma fil-Bibbja ġiet minħabba d-dnub t’Adam. Din il-mewt tistaʼ ma tkunx xi ħaġa eterna għax se jkun hemm irxoxt u eventwalment din se tiġi eliminata minn Alla.—1 Korintin 15:21, 22, 26.
M’hemm l-ebda ħelsien mill-għadira tan-nar simbolika
L-għadira tan-nar tirrappreżenta tip taʼ mewt differenti jew it-tieni mewt. Għalkemm anki din tirrappreżenta stat taʼ inattività totali, hija differenti mill-mewt l-oħra għax il-Bibbja ma ssemmi xejn dwar li se jkun hemm irxoxt minnha. Pereżempju, il-Bibbja tgħid li Ġesù għandu “l-imfietaħ tal-infern u tal-mewt,” u dan juri li għandu l-awtorità li jeħles lin-nies mill-mewt li ġiet bid-dnub t’Adam. (Rivelazzjoni 1:18; 20:13, King James Version) Madankollu, la Ġesù u lanqas ħadd m’għandu muftieħ tal-għadira tan-nar. Din l-għadira simbolika tirrappreżenta kastig etern, jiġifieri qerda permanenti.—2 Tessalonikin 1:9.
L-istess bħal Geħenna, il-Wied taʼ Ħinnom
Geħenna (geenna bil-Grieg) tissemma 12-il darba fil-Bibbja. Bħall-għadira tan-nar, hija simbolu taʼ qerda eterna. Għalkemm xi traduzzjonijiet jittraduċu din il-kelma bħala “infern,” Geħenna hi differenti mill-infern (xeol bl-Ebrajk, ħajdes bil-Grieg).
Il-kelma “Geħenna” letteralment tfisser “Wied ta’ Ħinnom,” u kienet tirreferi għal wied li kien eżatt barra Ġerusalemm. Fiż-żminijiet Bibliċi, ir-residenti tal-belt kienu jużaw dan il-wied bħala miżbla. Kienu jżommu n-nar il-ħin kollu jaqbad biex jeqirdu l-iskart; id-dud kien jiekol kwalunkwe ħaġa li ma kinitx tintlaħaq min-nar.
Ġesù uża Geħenna bħala simbolu taʼ qerda għal dejjem. (Mattew 23:33) Hu qal li f’Geħenna “d-dud . . . ma jmutx u n-nar ma jintefiex.” (Marku 9:47, 48) Hu b’hekk irrefera għall-kundizzjonijiet li kien hemm fil-Wied taʼ Ħinnom u wkoll għall-profezija taʼ Isaija 66:24, li tgħid: “Joħorġu u jħarsu lejn l-iġsma mejtin tan-nies li kienu qed jiksru l-liġi kontrija; għax id-dud taʼ fuqhom ma jmutx u n-nar tagħhom ma jintefiex.” It-tixbiha taʼ Ġesù ma tiddeskrivix tortura imma qerda totali. Id-dud u n-nar iġibu fix-xejn lil iġsma mejtin u mhux lil nies ħajjin.
Il-Bibbja ma tindikax li se jkun hemm xi ħadd jew xi ħaġa li tiġi lura minn Geħenna. “L-għadira tan-nar” u “Geħenna tan-nar” it-tnejn jirrappreżentaw qerda permanenti, għal dejjem.—Rivelazzjoni 20:14, 15; 21:8; Mattew 18:9.
Kif “jiġu turmentati lejl u nhar għal dejjem taʼ dejjem”?
Jekk l-għadira tan-nar hi simbolu taʼ qerda, il-Bibbja għala tgħid li fiha x-Xitan, il-bhima salvaġġa, u l-profeta falz se “jiġu turmentati lejl u nhar għal dejjem taʼ dejjem”? (Rivelazzjoni 20:10) Ikkunsidra erbaʼ raġunijiet għala dan it-turment ma jirreferix għal tortura letterali:
Biex ix-Xitan jiġi turmentat għall-eternità, ikollu jitħalla jgħix għal dejjem. Però, il-Bibbja tgħid li hu se jinġieb fix-xejn, jew mhux se jitħalla jibqaʼ jeżisti.—Ebrej 2:14.
Il-ħajja taʼ dejjem hi għotja mingħand Alla, u mhux kastig.—Rumani 6:23.
Il-bhima salvaġġa u l-profeta falz huma simboli, u allura ma jistgħux jesperjenzaw tortura letterali.
Il-kuntest tal-Bibbja jindika li t-turment tax-Xitan hu trażżin jew qerda għal dejjem.
Fil-Bibbja, il-kelma “turment” tistaʼ tfisser ukoll “kundizzjoni taʼ trażżin.” Pereżempju, il-kelma Griega għal “turmentaturi” li ntużat f’Mattew 18:34, ħafna traduzzjonijiet ittraduċewha “kalzriera.” Dan juri li hemm konnessjoni bejn il-kliem “turment” u “trażżin.” Bl-istess mod, ir-rakkonti relatati taʼ Mattew 8:29 u Luqa 8:30, 31 iqabblu t-“turment” mal-“abbiss,” post figurattiv taʼ inattività totali jew mewt. (Luqa 8:30, 31; Rumani 10:7; Rivelazzjoni 20:1, 3) Infatti, il-ktieb tar-Rivelazzjoni juża l-kelma “turment” f’sens simboliku diversi drabi.—Rivelazzjoni 9:5; 11:10; 18:7, 10.