Huma l-Flus l-Għerq taʼ Kull Ħażen?
It-tweġiba tal-Bibbja
Le. Il-Bibbja ma tgħidx li l-flus huma ħżiena, u lanqas ma tgħid li l-flus huma l-kaġun prinċipali tal-ħażen kollu. In-nies jgħidu li l-flus huma l-għerq tal-ħażen kollu, imma din hi kwotazzjoni meħuda mill-Bibbja li la hi kompleta u lanqas eżatta. Fir-realtà, il-Bibbja tgħid li “l-imħabba għall-flus hi l-għerq taʼ kull tip taʼ ħsara.”—1 Timotju 6:10, Karm Żammit, enfasi tagħna.
Il-Bibbja x’tgħid dwar il-flus?
Il-Bibbja tirrikonoxxi li l-flus, meta jintużaw bl-għaqal, jistgħu jkunu utli, saħansitra taʼ “protezzjoni.” (Ekkleżjasti 7:12) Barra minn hekk, il-Bibbja tfaħħar lil dawk li juru ġenerożità maʼ ħaddieħor, anki billi forsi jagħtu l-flus.—Proverbji 11:25.
Fl-istess ħin, il-Bibbja twissina biex ma nagħmlux il-flus l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Din tgħid: “Ħa jkun il-mod kif tgħixu ħieles mill-imħabba għall-flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-preżent.” (Ebrej 13:5) It-tagħlima hi li nużaw il-flus sewwa u mhux nagħmlu minn kollox biex insiru sinjuri. Il-mira tagħna għandha tkun li nkunu kuntenti bl-affarijiet li verament għandna bżonn, bħall-ikel, l-ilbies, u fejn noqogħdu.—1 Timotju 6:8.
Il-Bibbja għala twissi dwar l-imħabba għall-flus?
Min hu rgħib mhuwiex se jikseb il-ħajja taʼ dejjem. (Efesin 5:5) Raġuni waħda hi li r-regħba hi forma taʼ idolatrija, jew qima falza. (Kolossin 3:5) Raġuni oħra hi li biex jiksbu dak li jixtiequ, in-nies regħba jabbandunaw prinċipji tajbin. Proverbji 28:20 jgħid li ‘dawk li qed iħaffu biex jiksbu r-rikkezzi mhux se jibqgħu innoċenti.ʼ Dawn jaf jiġu ttantati biex iwettqu atti kriminali, bħal blackmail, estorsjoni, frodi, ħtif taʼ nies, jew qtil.
Anki jekk l-imħabba għall-flus ma twassalx għal kondotta ħażina, din tistaʼ ġġib konsegwenzi negattivi oħra. Il-Bibbja tgħid li “dawk li huma determinati li jsiru għonja jaqgħu f’tentazzjoni u f’nassa u f’ħafna xewqat bla sens li jwasslu għall-ħsara.”—1 Timotju 6:9.
Kif nistgħu nibbenefikaw mill-pariri tal-Bibbja dwar il-flus?
Jekk ma nagħmlux dak li hu ħażin biex nakkwistaw iktar flus, se jkollna rispett lejna nfusna, u l-approvazzjoni u l-appoġġ t’Alla. Alla jwiegħed dan lil dawk li b’mod sinċier jipprovaw jogħġbuh: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.” (Ebrej 13:5, 6) Hu jassigurana wkoll li “bniedem li jaġixxi bil-fedeltà se jikseb ħafna barkiet.”—Proverbji 28:20.