Il-Bibbja x’tgħid dwar is-sawm?
It-tweġiba tal-Bibbja
Fi żminijiet Bibliċi, is-sawm kien aċċettabbli għal Alla meta kien isir bil-mottiv it-tajjeb. Imma meta kien isir bi skop ħażin, ma kienx ikun approvat minn Alla. Madankollu, il-Bibbja la tikkmanda n-nies tal-lum biex isumu u lanqas ma tipprojbixxi li jsir dan.
Xi wħud fil-Bibbja għala kienu jsumu?
Meta dak li jkun ifittex l-għajnuna u l-gwida mingħand Alla. In-nies li kienu jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm kienu jsumu biex juru s-sinċerità tagħhom meta jitolbu għall-għajnuna t’Alla. (Esdra 8:21-23) Kultant, Pawlu u Barnaba għażlu li jsumu meta kienu jiġu biex jagħżlu l-anzjani tal-kongregazzjoni.—Atti 14:23.
Meta dak li jkun jiffoka fuq l-iskop t’Alla. Wara li tgħammed Ġesù, hu sam għal 40 jum biex jipprepara lilu nnifsu ħalli jagħmel ir-rieda t’Alla matul il-ministeru li kellu jwettaq.—Luqa 4:1, 2.
Meta dak li jkun juri li nidem minn dnubiet tal-passat. Permezz tal-profeta Ġoel, Alla qal lill-Iżraelin żleali: “Ejjew lura għandi b’qalbkom kollha, u bis-sawm, bil-biki, u bl-ilfiq.”—Ġoel 2:12-15.
Meta kien jitwettaq Jum it-Tpattija. Il-Liġi li Alla ta lill-ġens taʼ Iżrael inkludiet kmand biex isumu f’Jum it-Tpattija taʼ kull sena. a (Levitiku 16:29-31) Is-sawm kien addattat f’din l-okkażjoni għax kien ifakkar l-Iżraelin li huma kienu imperfetti u li kellhom bżonn il-maħfra t’Alla.
X’inhuma xi raġunijiet ħżiena għala dak li jkun isum?
Biex jimpressjona lil ħaddieħor. Ġesù għallem li s-sawm reliġjuż għandu jkun xi ħaġa personali u kwistjoni privata bejn l-individwu u Alla.—Mattew 6:16-18.
Biex jagħti prova li hu sewwa. Is-sawm ma jagħmilx persuna moralment jew spiritwalment aħjar minn ħaddieħor.—Luqa 18:9-14.
Biex jipprova jpatti għal dnub li jkompli jagħmel apposta. (Isaija 58:3, 4) Alla ma kienx jaċċetta li wieħed isum mingħajr ma juri ubbidjenza u ndiema sinċiera għal kwalunkwe dnub li jkun għamel.
Biex iwettaq prattika reliġjuża. (Isaija 58:5-7) F’dan il-każ, Alla hu bħal ġenitur li ma jiħux pjaċir meta t-tfal tiegħu juru mħabba lejh sempliċiment biex ikunu għamlu dmirhom, u mhux mill-qalb.
Il-Kristjani huma mitlubin li jsumu?
Le. Alla talab l-Iżraelin biex isumu f’Jum it-Tpattija. Imma wara li Ġesù patta għad-dnubiet tan-nies niedma, Alla ma baqax jitlob li jitwettaq dan il-jum. (Ebrej 9:24-26; 1 Pietru 3:18) Jum it-Tpattija kien parti mil-Liġi li Alla ta lil Mosè, u l-Kristjani m’għadhomx taħt din il-Liġi. (Rumani 10:4; Kolossin 2:13, 14) Għaldaqstant, kull Kristjan irid jiddeċiedi għalih innifsu jekk iridx isum jew le.—Rumani 14:1-4.
Il-Kristjani jafu li s-sawm mhuwiex l-iktar ħaġa importanti fil-qima tagħhom. Il-Bibbja qatt ma tassoċja s-sawm mal-ferħ. Għall-kuntrarju, il-ferħ hi kwalità li tispikka fil-qima Kristjana vera, xi ħaġa li tirrifletti l-personalità taʼ Ġeħova, “l-Alla l-hieni.”—1 Timotju 1:11; Ekkleżjasti 3:12, 13; Galatin 5:22.
Ideat żbaljati dwar il-ħarsa tal-Bibbja lejn is-sawm
Idea żbaljata: L-appostlu Pawlu ssuġġerixxa li l-koppji Kristjani miżżewġin isumu.—1 Korintin 7:5, King James Version.
Fatt: L-eqdem manuskritti tal-Bibbja ma jsemmux is-sawm fl-1 Korintin 7:5. b Milli jidher, dawk li kkopjaw il-Bibbja ma żidux referenza għas-sawm hawnhekk biss imma anki f’Mattew 17:21; Marku 9:29; u Atti 10:30. Il-maġġorparti tat-traduzzjonijiet moderni tal-Bibbja neħħew dawn ir-referenzi foloz dwar is-sawm.
Idea żbaljata: Il-Kristjani għandhom isumu bħala tifkira tal-40 jum li Ġesù sam fl-art xagħrija wara l-magħmudija tiegħu.
Fatt: Ġesù qatt ma kmanda biex isir sawm bħal dan. Lanqas m’hemm xi indikazzjoni Skritturali li l-Kristjani tal-bidu kienu jagħmlu dan. c
Idea żbaljata: Il-Kristjani għandhom isumu meta jfakkru l-mewt taʼ Ġesù.
Fatt: Ġesù ma kmandax lid-dixxipli tiegħu biex isumu meta jkunu qed ifakkru l-mewt tiegħu. (Luqa 22:14-18) Għalkemm Ġesù qal li d-dixxipli tiegħu kienu se jsumu meta jmut, ma kienx qed jagħti kmand imma kemm qal x’se jiġri. (Mattew 9:15) Il-Bibbja tat istruzzjoni lill-Kristjani biex ma jmorrux bil-ġuħ għat-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù, imma biex jieklu minn qabel.—1 Korintin 11:33, 34.
a Lill-Iżraelin, Alla qalilhom: “Għandkom tgħakksu ruħkom,” jew “tgħakksu lilkom infuskom,” f’Jum it-Tpattija. (Levitiku 16:29, 31; Karm Żammit) Hu mifhum li din l-espressjoni qed tirreferi għas-sawm. (Isaija 58:3) B’hekk, il-Contemporary English Version tpoġġiha b’dan il-mod: “Għandkom tmorru mingħajr ma tieklu biex turu n-niket minħabba d-dnubiet tagħkom.”
b Ara t-Tielet Edizzjoni taʼ A Textual Commentary on the Greek New Testament, minn Bruce M. Metzger, paġna 554.
c Rigward l-oriġini tal-40 jum tar-Randan, in-New Catholic Encyclopedia tgħid: “Fl-ewwel tlett sekli, il-perjodu tas-sawm fi tħejjija għall-festa tal-Għid ma kienx idum iktar minn ġimgħa; normalment kien jieħu ġurnata jew tnejn. . . . L-ewwel darba li jissemma l-perjodu taʼ 40 jum hu fil-ħames liġi tal-Konċilju taʼ Niċea (325), però xi studjużi ma jaqblux li dan qed jirreferi għar-Randan.”—It-Tieni Edizzjoni, it-8 Volum, paġna 468.