Alla jbiddel fehmtu?
It-tweġiba tal-Bibbja
Iva, ibiddel fehmtu fis-sens li jbiddel l-attitudni tiegħu meta n-nies ibiddlu l-imġiba tagħhom. Pereżempju, meta Alla bagħat messaġġ taʼ ġudizzju lin-nies taʼ Iżrael tal-qedem, hu qal: “Għandhom mnejn jisimgħu, u jerġgħu kull wieħed idur minn triqtu l-ħażina, biex jibdieli mill-ħsara li biħsiebi nagħmlilhom minħabba l-ħażen taʼ l-egħmejjel tagħhom.”—Ġeremija 26:3, Il-Bibbja Mqaddsa, Karm Żammit.
F’ħafna Bibbji dan il-vers ġie tradott bħala li Alla kien se “jindem” mill-ħsara li kien se jagħmel, u dan jistaʼ jinftiehem li kien għamel xi żball. Però, il-kelma Ebrajka oriġinali tistaʼ tfisser “tibdil fil-ħsieb jew fl-intenzjoni.” Wieħed studjuż kiteb: “Meta xi ħadd ibiddel l-imġiba tiegħu, Alla jbiddel il-ġudizzju tiegħu.”
M’għandniex xi ngħidu, is-sempliċi fatt li Alla jistaʼ jbiddel fehmtu ma jfissirx li hu għandu jagħmel hekk. Ikkunsidra xi sitwazzjonijiet li fihom il-Bibbja tgħid li Alla ma biddilx fehmtu:
Alla ma ħalliex lil Balak iġiegħlu jbiddel fehmtu u jisħet il-ġens taʼ Iżrael.—Numri 23:18-20.
Meta s-Sultan Sawl taʼ Iżrael baqaʼ ma warrabx il-ħażen, Alla ma biddilx fehmtu dwar li jiċħdu bħala sultan.—1 Samwel 15:28, 29.
Alla se jwettaq il-wegħda tiegħu li jagħmel lil Ibnu qassis għal dejjem. Alla mhux se jbiddel fehmtu.—Salm 110:4.
Ma tgħidx il-Bibbja li Alla qatt ma jinbidel?
Iva, fil-Bibbja hemm miktub li Alla qal: “Jien Ġeħova; jien ma nbdiltx.” (Malakija 3:6) B’mod simili, il-Bibbja tgħid li Alla “ma jinbidilx u m’huwiex bħal dell li jiċċaqlaq.” (Ġakbu 1:17) Madankollu, dan ma jmurx kontra dak li tgħid il-Bibbja dwar li Alla jbiddel fehmtu. Il-personalità u l-livelli t’Alla taʼ mħabba u ġustizzja jibqgħu dejjem l-istess, u huwa f’dan is-sens li Alla ma jinbidilx. (Dewteronomju 32:4; 1 Ġwanni 4:8) Xorta waħda, hu jistaʼ jagħti istruzzjonijiet differenti lin-nies fi żminijiet differenti. Pereżempju, Alla lis-Sultan David tah istruzzjonijiet opposti biex jiġġieled żewġ gwerer, u madankollu t-tnejn li huma rnexxew.—2 Samwel 5:18-25.
Jiddispjaċih Alla li ħalaq il-bnedmin?
Le, imma hu jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tan-nies jinjorawh jew jiċħduh. Minħabba l-kundizzjonijiet li kien hemm qabel id-Dulluvju taʼ żmien Noè, il-Bibbja tgħid: “Ġeħova ddispjaċieh li kien għamel il-bnedmin fuq l-art, u ħassu mweġġaʼ f’qalbu.” (Ġenesi 6:6) F’dan il-vers, il-kelma “ddispjaċieh” ġejja mill-kelma Ebrajka li tistaʼ tfisser “tibdil fil-fehma.” Alla biddel fehmtu dwar il-biċċa l-kbira tan-nies li għexu qabel id-Dulluvju minħabba li kienu saru mill-agħar. (Ġenesi 6:5, 11) Imma minkejja li kien imnikket għax għażlu li jagħmlu l-ħażen, hu ma biddilx fehmtu rigward ir-razza umana kollha kemm hi. Infatti, hu salva l-umanità mid-Dulluvju permezz taʼ Noè u familtu.—Ġenesi 8:21; 2 Pietru 2:5, 9.