IBQAʼ ATTENT!
Il-Kriżi Globali tal-Ikel Tmur għall-Agħar bil-Gwerra fl-Ukrajna
Fid-19 taʼ Mejju 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda ġie informat minn iktar minn 75 uffiċjal għoli li minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, “il-kriżi globali tal-ikel, li diġà ġiet affettwata bil-pandemija tal-COVID-19 u bil-bidla fil-klima, qed twassal biex ikun hemm il-ġuħ f’xi pajjiżi.” Ftit wara, il-ġurnal The Economist stqarr li “minħabba l-gwerra, id-dinja, li diġà mimlija b’ħafna problemi, se jkollha saħansitra iktar nies li jbatu l-ġuħ.” Il-Bibbja bassret li kien se jkun hemm kriżijiet tal-ikel bħal dawn fi żmienna, iżda tipprovdilna wkoll l-għajnuna biex inkampaw magħhom.
Il-Bibbja bassret kriżijiet tal-ikel
Ġesù pprofetizza: “Se jkun hemm il-ġlied bejn poplu u ieħor u bejn pajjiż u ieħor, u se jkun hemm nuqqas taʼ ikel.”—Mattew 24:7.
Il-ktieb Bibliku tar-Rivelazzjoni jiddeskrivi erbaʼ rikkieba taż-żwiemel simboliċi. Wieħed minn dawn ir-rikkieba jirrappreżenta l-gwerer. Warajh hemm ieħor li jirrappreżenta l-ġuħ, żmien meta kien se jkun diffiċli biex ikollok biżżejjed ikel u meta n-nies kienu se jbigħuh bi prezz għoli ħafna. “Rajt, u, ara, żiemel iswed; u dak li kien riekeb fuqu kellu miżien f’idu. U smajt leħen . . . jgħid: ‘Kilo qamħ jiswa dinar [paga taʼ ġurnata], u tliet kilojiet xgħir jiswew dinar.’”—Rivelazzjoni 6:5, 6.
Il-profeziji tal-Bibbja dwar il-kriżijiet tal-ikel qed jitwettqu llum fi żmien li l-Bibbja ssejjaħlu “l-aħħar jiem.” (2 Timotju 3:1) Biex issir taf iżjed dwar “l-aħħar jiem” u l-ġirja tal-erbaʼ rikkieba taż-żwiemel taʼ Rivelazzjoni, ara l-vidjow Id-Dinja Nbidlet mill-1914 u aqra l-artiklu “L-erbaʼ rikkieba taż-żwiemel—Min huma?”
Kif il-Bibbja tistaʼ tgħinna
Il-Bibbja fiha pariri prattiċi li jistgħu jgħinuna nkampaw maʼ ċirkustanzi diffiċli, inkluż l-għoli fil-prezz tal-ikel jew anki n-nuqqas taʼ ikel. Ara xi eżempji fl-artiklu “How to Live on Less.”
Ukoll, il-Bibbja tagħtina tama li l-affarijiet se jmorru għall-aħjar. Twiegħed żmien meta “se jkun hemm abbundanza taʼ ċereali fuq l-art” u kulħadd se jkollu ħafna x’jiekol. (Salm 72:16) Biex tkun taf iżjed dwar it-tama li tagħti l-Bibbja għall-futur u għala tistaʼ tafdaha, aqra l-artiklu “Tama Vera għal Futur Aħjar.”