IBQAʼ ATTENT!
Għaliex Hawn Daqshekk Mibegħda?—X’Tgħid il-Bibbja?
L-aħbarijiet mimlijin b’rapporti dwar nies li jgħidu jew jagħmlu affarijiet taʼ mibegħda minħabba preġudizzju, nies li jattakkaw lil oħrajn għaliex huma differenti minnhom, u dwar gwerer.
“Minħabba nies li jinkuraġġixxu l-vjolenza u l-mibegħda, kif ukoll minħabba l-konflitt bejn Iżrael u Gaża, il-platforms tas-social media huma mimlijin hate speech iktar minn qatt qabel.”—The New York Times, 15 taʼ Novembru, 2023.
“Mis-7 t’Ottubru ʼl hawn, il-hate speech u l-vjolenza minħabba preġudizzju żdiedu iktar minn qatt qabel.”—Dennis Francis, president tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, 3 taʼ Novembru, 2023.
Il-hate speech, il-vjolenza, u l-gwerer mhumiex xi ħaġa ġdida. Fil-fatt, il-Bibbja tiddeskrivi wħud fil-passat li “[mmiraw] il-kliem kattiv tagħhom bħal vleġeġ” u li ġġieldu gwerer u għamlu affarijiet vjolenti. (Salm 64:3; 120:7; 140:1) Madankollu, il-Bibbja tispjega li l-mibegħda li naraw illum għandha tifsir importanti.
Il-Mibegħda—Sinjal taż-żmien li qed ngħixu fih
Il-Bibbja tispjega li hemm żewġ raġunijiet għala l-mibegħda hi daqshekk komuni llum.
1. Qalet bil-quddiem li kien se jasal żmien meta “l-biċċa l-kbira tan-nies ma jibqgħux iħobbu lil oħrajn.” (Mattew 24:12) Minflok ma juru mħabba, ħafna nies kienu se juru kwalitajiet li jinkuraġġixxu l-mibegħda.—2 Timotju 3:1-5.
2. Il-mibegħda kbira li naraw illum tirrifletti l-influwenza kattiva u mill-agħar taʼ Satana x-Xitan. Il-Bibbja tgħid li “d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.”—1 Ġwanni 5:19; Rivelazzjoni 12:9, 12.
Madankollu, il-Bibbja turi wkoll li Alla dalwaqt se jneħħi għalkollox l-affarijiet li jikkaġunaw il-mibegħda. Mhux hekk biss, imma hu se jneħħi wkoll l-uġigħ kollu li ġabet il-mibegħda. Il-Bibbja twiegħed:
Alla se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:4.