Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IMITA L-FIDI TAGĦHOM | ĠUŻEPPI

“Jien qiegħed flok Alla?”

“Jien qiegħed flok Alla?”

ĠUŻEPPI kien bilwieqfa fil-​ġnien tad-​dar tiegħu hekk kif beda jidlam. Forsi setaʼ jara xi siġar tat-​tamal jew taʼ xi frott ieħor, għadajjar bil-​pjanti tal-​ilma, u setaʼ jilmaħ il-​palazz tal-​Fargħun fuq in-​naħa l-​oħra tal-​ħajt. Immaġina lil Ġużeppi jismaʼ ħsejjes mill-​bogħod ġejjin mid-​dar tiegħu stess; ibnu Manasse qed idaħħaq lil ħuh Efrajm għadu tarbija. Ġużeppi setaʼ jimmaġina x’kien qed jiġri ġewwa, martu tidħaq kollha ħlewwa bil-​mossi li jdaħħqu tat-​tfal. Hu tbissem. Kien jaf li kien raġel imbierek.

Ġużeppi kien semma lill-​ewwel imwieled tiegħu Manasse għax dan l-​isem għandu x’jaqsam maʼ li wieħed jinsa. (Ġenesi 41:51) Il-​barka t’Alla fi snin reċenti żgur li taffiet l-​uġigħ tal-​memorji taʼ Ġużeppi, taʼ daru, taʼ ħutu, u taʼ missieru. Il-​mibegħda taʼ ħutu ikbar minnu kienet biddlitlu ħajtu. Kienu ħabtu għalih, ikkunsidraw joqtluhx, u mbagħad bigħuh bħala skjav lin-​negozjanti li jivvjaġġaw. Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, ħajtu ħadet gambetta wara l-​oħra. Għal xi 12-​il sena, kien kampa fl-​iskjavitù u mbagħad fil-​priġunerija—għal xi żmien fi rbit tal-​ħadid. Imma issa, hawn hu—it-​tieni ħakkiem wara l-​Fargħun fil-​pajjiż qawwi tal-​Eġittu! *

Għal diversi snin, Ġużeppi kien ra l-​ġrajjiet jitwettqu eżattament kif kien bassar Ġeħova. L-​Eġittu kien daħal sew fis-​sebaʼ snin taʼ ħsad abbundanti, u Ġużeppi kien qed jindokra l-​ħażna tal-​qamħ żejjed tal-​pajjiż. Matul dan iż-​żmien, lilu u lil martu, Asenat, kienu twildulhom żewġ subien. Minkejja dan, ħsibijietu spiss marru fuq familtu mijiet taʼ mili ’l bogħod—speċjalment fuq ħuh iżgħar minnu, Benjamin, u l-​għażiż missierhom, Ġakobb. Ġużeppi forsi tħasseb jekk kinux qawwijin u sħaħ. Forsi tħasseb ukoll jekk ħutu s-​subien ikbar minnu kinux għadhom vjolenti u jekk qattx setaʼ jagħmel paċi maʼ familtu u jerġaʼ jingħaqad magħhom.

Jekk il-​paċi fil-​familja tiegħek qattx inkisret minħabba l-​għira, it-​tradiment, jew il-​mibegħda, forsi għandek xi ħaġa komuni maʼ Ġużeppi. X’nistgħu nitgħallmu mill-​fidi taʼ Ġużeppi hekk kif ħa ħsieb lill-​familja tiegħu?

“MORRU GĦAND ĠUŻEPPI”

F’dawn il-​jiem Ġużeppi kien imħabbat, u s-​snin ħarbu. Bħalma kien bassar Ġeħova f’ħolma li ta lill-​Fargħun, bidla drastika segwiet lis-​sebaʼ snin taʼ ħsad abbundanti. L-​uċuħ tar-​rabaʼ fallew! Fi ftit żmien kien se jaqaʼ l-​ġuħ mal-​pajjiżi kollha tal-​madwar. Però, kif tgħid il-​Bibbja, “fl-​art kollha taʼ l-​Eġittu kien hemm il-​ħobż.” (Ġenesi 41:54) Bla dubju, il-​poplu Eġizzjan kien qed jibbenefika mit-​tbassir ispirat taʼ Ġużeppi u l-​eżempju tiegħu taʼ organizzar tajjeb.

Minħabba li Ġużeppi baqaʼ umli, Ġeħova baqaʼ jużah

L-​Eġizzjani forsi ħassewhom midjunin maʼ Ġużeppi u faħħruh taʼ kemm kien kapaċi jorganizza. Xorta waħda, Ġużeppi ma ried li jieħu l-​krettu ħadd ħlief Alla tiegħu, Ġeħova. Jekk aħna nużaw kwalunkwe talent li jistaʼ jkollna f’servizz umli lil Alla tagħna, hu jistaʼ jużah b’modi li jisbqu kulma nistgħu nimmaġinaw.

Però, maż-​żmien, l-​Eġizzjani wkoll bdew iħossu l-​kruha tal-​ġuħ. Meta talbu l-​għajnuna mingħand il-​Fargħun, hu sempliċement qalilhom: “Morru għand Ġużeppi. Kulma jgħidilkom, agħmluh.” Għalhekk, Ġużeppi beda jiftaħ l-​imħażen fejn kien maħżun il-​qamħ żejjed, u b’hekk in-​nies setgħu jixtru dak li kellhom bżonn.—Ġenesi 41:55, 56.

Madankollu, fl-​artijiet tal-​madwar, in-​nies ma kinux daqshekk fortunati. Mijiet taʼ mili ’l bogħod f’Kangħan, il-​familja taʼ Ġużeppi kienet qed tbati. Ix-​xwejjaħ Ġakobb semaʼ li kien hemm il-​qamħ fl-​Eġittu, għalhekk qal lil uliedu s-​subien jinżlu hemm biex jixtru affarijiet tal-​ikel.—Ġenesi 42:1, 2.

Ġakobb bagħat lill-​10 uliedu subien imma mhux liż-​żgħir, Benjamin. Ġakobb ftakar tajjeb iż-​żmien meta bagħat lill-​maħbub tiegħu Ġużeppi waħdu biex iżur lil ħutu ikbar minnu. Dik kienet l-​aħħar darba li Ġakobb kien ra lit-​tifel. Uliedu l-​kbar kienu ġabu lura d-​dar il-​libsa eleganti taʼ Ġużeppi—sinjal tal-​imħabba u stima taʼ missieru—kollha mqattgħa u mċappsa bid-​demm. Lir-​raġel xiħ b’qalbu maqsuma tawh x’jifhem li l-​bhejjem salvaġġi kienu kielu lil Ġużeppi.—Ġenesi 37:31-35.

“MINNUFIH ĠUŻEPPI FTAKAR”

Wara vjaġġ twil, ulied Ġakobb waslu l-​Eġittu. Meta staqsew biex jixtru l-​qamħ, intqalilhom biex ikellmu uffiċjal għoli fil-​gvern jismu Safenat-​panegħa. (Ġenesi 41:45) Meta rawh, kienu jafu li kien Ġużeppi? Lanqas xejn. Raw biss ħakkiem Eġizzjan imlaħħaq, wieħed li kellhom bżonn l-​għajnuna tiegħu. Biex juru r-​rispett, għamlu dak li kien naturali għalihom: “Mielu quddiemu b’wiċċhom lejn l-​art.”—Ġenesi 42:5, 6.

Xi ngħidu għal Ġużeppi? Hu għarafhom mill-​ewwel lil ħutu! Iżjed minn hekk, meta rahom hemm imilu quddiemu, ħsibijietu marru lura fi tfulitu. Ir-​rakkont jgħidilna li “minnufih Ġużeppi ftakar fil-​ħolm” li Ġeħova kien tah meta kien daqsxejn taʼ tifel, ħolm li bassar żmien meta ħutu kellhom imilu quddiemu—eżattament kif kienu qed jagħmlu issa! (Ġenesi 37:2, 5-​9; 42:7, 9) X’kien se jagħmel Ġużeppi? Jgħannaqhom? Jivvindika ruħu?

Ġużeppi kien jaf li ma kellux jaġixxi fuq ir-​reazzjoni immedjata tiegħu, kienet x’kienet. Biċ-​ċar, Ġeħova kien qed jiggwida kif inbidlu b’mod tal-​għaġeb l-​affarijiet. L-​iskop tiegħu kien involut. Hu kien wiegħed li n-​nisel taʼ Ġakobb kien se jkun ġens qawwi. (Ġenesi 35:11, 12) Jekk ħut Ġużeppi kienu għadhom irġiel vjolenti, egoisti, u bla prinċipji, l-​effetti mal-​medda taż-​żmien setgħu jkunu diżastrużi! Barra minn hekk, li kieku Ġużeppi rreaġixxa bla ma ħasibha, setaʼ jeffettwa xi bilanċ delikat lura d-​dar tagħhom, forsi anki jipperikola lil missieru u lil Benjamin. Kienu għadhom ħajjin? Ġużeppi ddeċieda jżomm l-​identità tiegħu mistura sabiex ikun jistaʼ jgħaddi lil ħutu minn prova u jara x’tip taʼ rġiel kienu saru. Imbagħad setaʼ jkun jaf x’riedu jagħmel Ġeħova.

Aktarx qatt m’int se ssib ruħek f’pożizzjoni mhux tas-​soltu bħal din. Madankollu, l-​inkwiet u l-​frid fil-​familja huma komuni fid-​dinja tal-​lum. Meta nħabbtu wiċċna maʼ sfidi bħal dawn, jistaʼ jkollna t-​tendenza li sempliċement insegwu lil qalbna u naġixxu fuq ir-​reazzjoni immedjata u imperfetta tagħna. Ikun iktar għaqli li nimitaw lil Ġużeppi u nipprovaw nifhmu xi jkun iridna nagħmlu Alla. (Proverbji 14:12) Ftakar, daqskemm hu importanti li nżommu l-​paċi mal-​membri tal-​familja, il-​paċi maʼ Ġeħova u Ibnu hi jerġaʼ iżjed importanti.—Mattew 10:37.

“DIN SE TKUN IL-​PROVA TAGĦKOM”

Ġużeppi beda serje taʼ provi intenzjonati biex jara x’kellhom f’qalbhom ħutu. Beda billi kellimhom bl-​aħrax, permezz taʼ interpretu, u akkużahom li kienu spiji barranin. Biex jiddefendu ruħhom, qalulu dwar familthom—inkluż il-​punt importanti li kellhom ħuhom iżgħar minnhom id-​dar. Ġużeppi pprova jaħbi l-​eċċitament tiegħu. Veru li kien għadu ħaj ħuh iż-​żgħir? Issa Ġużeppi kien jaf kif kellu jipproċedi. Qal: “Din se tkun il-​prova tagħkom,” u mbagħad qalilhom li ried jara lil ħuhom iż-​żgħir. Iżjed tard hu qabel li jħallihom jirritornaw id-​dar biex iġibu liż-​żgħir jekk wieħed minnhom jaqbel li jinżamm bħala ostaġġ.—Ġenesi 42:9-20.

Hekk kif l-​aħwa ddiskutew bejniethom, bla ma kienu jafu li Ġużeppi setaʼ jifhimhom, huma ċanfru lilhom infushom għad-​dnub terribbli li kienu għamlu 20 sena qabel. “Bla dubju aħna ħatjin rigward ħuna,” qalu huma, “għax rajna kemm kellu ruħu mnikkta meta talabna bil-​ħniena biex nagħdruh, imma ma tajniehx widen. Huwa għalhekk li dan in-​niket ġie fuqna.” Ġużeppi fehem x’kienu qed jgħidu, u kellu jwarrab biex ma jarawx id-​dmugħ tiegħu. (Ġenesi 42:21-​24) Però, kien jaf li ndiema vera tinvolvi ħafna iżjed milli sempliċi sentiment taʼ dispjaċir minħabba l-​konsegwenzi taʼ għemil mill-​agħar. Għalhekk kompla għaddej bil-​prova tiegħu.

Hu bagħathom lura d-​dar u żamm lil Simegħon bħala priġunier. Ukoll, qabbad lil min jaħbi l-​flus fl-​ixkejjer tal-​ikel li ħadu magħhom id-​dar. L-​aħwa vvjaġġaw lura d-​dar u, b’diffikultà, ipperswadew lil Ġakobb iħallihom jieħdu lill-​maħbub tiegħu Benjamin magħhom l-​Eġittu. Meta waslu l-​Eġittu, bla ħabi qalu lill-​qaddej taʼ Ġużeppi bil-​flus li kienu sabu fl-​ixkejjer tagħhom, u offrew li jħallsu lura l-​ammont kollu. Din l-​offerta kienet taʼ min jammiraha, imma Ġużeppi ried jara iżjed il-​karattru veru tagħhom. Hu pprovdielhom l-​ikel, u bilkemm setaʼ jaħbi kemm kien imqanqal meta ra lil Benjamin. Imbagħad bagħathom lejn id-​dar, għal darb’oħra mgħobbijin bl-​ikel, imma din id-​darba fl-​ixkora taʼ Benjamin ġiet moħbija tazza tal-​fidda.—Ġenesi 42:26–44:2.

Imbagħad Ġużeppi għamlilhom nasba. Qabbad lin-​nies tiegħu jarrestaw lil ħutu, u jakkużawhom bis-​serq tat-​tazza. Meta din instabet fl-​ixkora taʼ Benjamin, kollha kemm huma nġiebu lura għand Ġużeppi. Issa Ġużeppi kellu l-​opportunità jkun jaf x’tip taʼ rġiel kienu ħutu. Ġuda għamilha taʼ kelliem għalihom. Hu talbu jkollu ħniena minnhom, saħansitra offra li l-​11 li huma jsiru skjavi fl-​Eġittu. Ġużeppi wieġeb billi qal li Benjamin biss kellu jibqaʼ l-​Eġittu bħala skjav imma li l-​bqija kellhom jitilqu.—Ġenesi 44:2-17.

Ġuda tqanqal biex iwieġeb b’diskors li jmiss il-​qalb. “Minn ommu baqaʼ hu waħdu, u missieru tassew iħobbu,” qal Ġuda. Dan il-​kliem bilfors li qanqal lil Ġużeppi, għax kien l-​iben il-​kbir taʼ Rakele, il-​mara maħbuba taʼ Ġakobb, li kienet mietet hi u tiled lil Benjamin. Bħal missieru, Ġużeppi milli jidher kien jgħożż il-​memorji taʼ Rakele. Forsi dik il-​konnessjoni għamlet lil Benjamin saħansitra iżjed għażiż għal Ġużeppi.—Ġenesi 35:18-20; 44:20.

Ġuda kompla jitlob bil-​ħniena biex Ġużeppi ma ijassarx lil Benjamin. Anki offra li jsir skjav hu flok Benjamin. Imbagħad ikkonkluda b’din il-​mistoqsija taʼ qsim il-​qalb: “Kif nistaʼ nitlaʼ għand missieri u t-​tifel ma jkunx miegħi, u mbagħad nara l-​għali li ġej fuq missieri?” (Ġenesi 44:18-​34) Din hi evidenza taʼ raġel mibdul tassew. Mhux biss wera spirtu taʼ ndiema imma wera wkoll ammont rimarkevoli taʼ empatija, altruiżmu, u mogħdrija.

Ġużeppi ra li ħutu ddispjaċiehom għal dak li kienu għamlulu

Ġużeppi ma felaħx iżjed. Kellu jisfoga l-​emozzjonijiet li kienu nbnew ġo fih. Qal lill-​qaddejja kollha tiegħu joħorġu u tant beka b’vuċi għolja li l-​ħoss instemaʼ mill-​palazz tal-​Fargħun. Imbagħad fl-​aħħar wera min kien: “Jien ħukom Ġużeppi.” Għannaq lil ħutu li kienu miblugħin u bil-​qalb tajba ħafrilhom għal dak kollu li kienu għamlulu. (Ġenesi 45:1-​15) B’hekk wera l-​karattru taʼ Ġeħova, li jaħfer bil-​kbir. (Salm 86:5) Nagħmlu l-​istess aħna?

“GĦADEK ĦAJ”!

Meta l-​Fargħun semaʼ l-​istorja kollha dwar l-​għagħa fid-​dar taʼ Ġużeppi, hu qal lil Ġużeppi jġib lix-​xwejjaħ missieru l-​Eġittu, flimkien mal-​familja kollha. Mela, m’għaddiex ħafna żmien qabel ma Ġużeppi fl-​aħħar ingħaqad mill-​ġdid mal-​maħbub missieru. Ġakobb beka u qal: “Din id-​darba lest li mmut, issa li rajt lil wiċċek, peress li għadek ħaj.”—Ġenesi 45:16-28; 46:29, 30.

Infatti, Ġakobb għex għal 17-​il sena oħra l-​Eġittu. Għex biżżejjed biex jagħti barkiet profetiċi lit-​12-​il tifel tiegħu. Lil Ġużeppi, il-​11-​il tifel tiegħu, tah id-​doppju li s-​soltu jingħata lill-​ewwel imwieled. Tnejn mit-​tribujiet taʼ Iżrael kellhom joħorġu minnu. U xi ngħidu għal Ġuda, ir-​rabaʼ tifel, li wera li kien aħjar minn ħutu meta wera spirtu daqshekk niedem? Hu rċieva barka kbira: Il-​Messija kellu jiġi mill-​arblu tar-​razza tiegħu!—Ġenesi, kapitli 48, 49.

Meta Ġakobb miet taʼ 147 sena, ħut Ġużeppi beżgħu li issa ħuhom setgħan setaʼ jivvindika ruħu minnhom. Imma Ġużeppi wieġeb billi aċċertahom mill-​imħabba tiegħu. Kien ilu jgħid li ladarba Ġeħova kien mexxa kollox biex il-​familja tmur l-​Eġittu, ħutu kellhom jieqfu jħossuhom ħatja taʼ x’kien ġara. Issa żied din il-​mistoqsija rimarkevoli: “Jaqaw jien qiegħed flok Alla?” (Ġenesi 15:13; 45:7, 8; 50:15-​21) Ġużeppi ra li Ġeħova hu l-​Imħallef perfett. Allura Ġużeppi min kien biex jikkastiga lil dawk li Ġeħova kien ħafrilhom?—Ebrej 10:30.

Qatt issibha bi tqila biex taħfer? Dan jistaʼ jkun speċjalment diffiċli meta xi ħadd ikun għamlilna l-​ħsara apposta. Imma jekk naħfru mill-​qalb lil dawk li huma verament niedma, se ngħinu biex infejqu ħafna feriti—inkluż tagħna stess. U se nimitaw il-​fidi taʼ Ġużeppi u l-​eżempju taʼ missieru kollu ħniena, Ġeħova.

^ par. 4 Ara l-​artikli “Imita l-​fidi tagħhom” fl-​edizzjonijiet tal-​1 t’Awwissu 2014 u taʼ Novembru-Diċembru 2014 taʼ It-​Torri tal-​Għassa; u tal-​1 taʼ Frar 2015 taʼ It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż.