SUĠĠETT PRINĊIPALI | TIXTIEQ TISTUDJA L-BIBBJA?
Għala għandek tistudja l-Bibbja?
-
X’inhu l-iskop tal-ħajja?
-
In-nies għala jbatu u jmutu?
-
X’se jiġri fil-futur?
-
Alla jimpurtah minni?
Qatt staqsejt lilek innifsek mistoqsijiet bħal dawn? Jekk inhu hekk, m’intix waħdek. Nies minn madwar id-dinja qed jitħassbu dwar il-mistoqsijiet importanti tal-ħajja. Tistaʼ ssibhom it-tweġibiet?
Miljuni taʼ nies jgħidu, “Iva!” Għala? Għax sabu tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tagħhom fil-Bibbja. Trid tkun taf x’tgħid il-Bibbja? Mela forsi tixtieq tibbenefika minn programm taʼ studju tal-Bibbja b’xejn offrut mix-Xhieda taʼ Ġeħova. *
Veru, meta jiġu biex jaraw x’tgħid il-Bibbja, xi nies jgħidu: “Għandi ħafna x’nagħmel.” “Hi diffiċli wisq.” “Ma rridx nintrabat.” Imma oħrajn għandhom ħarsa differenti. Huma jilqgħu l-opportunità biex jitgħallmu x’tgħallem il-Bibbja. Ikkunsidra ftit eżempji:
-
“Kont immur fi knejjes Kattoliċi u Protestanti, tempju Sikh, u monasterju Buddist, u studjajt it-teoloġija l-università. Madankollu, ħafna mill-mistoqsijiet li kelli dwar Alla baqgħu ma twiġbux. Imbagħad ħabbtitli l-bieb waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Peress li impressjonatni bit-tweġibiet tagħha bbażati fuq il-Bibbja, qbilt li nistudja l-Bibbja.”—Gill, l-Ingilterra.
-
“Kelli ħafna mistoqsijiet dwar il-ħajja, imma t-tweġibiet li tani l-qassis ma ssodisfawnix. Però, wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova wieġeb il-mistoqsijiet tiegħi billi uża l-Bibbja biss. Meta staqsieni jekk ridtx inkun naf iżjed, aċċettajt bil-qalb kollha.”—Koffi, il-Benin.
-
“Kont kurjuż dwar x’jiġri mill-mejtin. Kont naħseb li l-mejtin jistgħu jagħmlu l-ħsara lill-ħajjin, imma xtaqt inkun naf x’tgħid il-Bibbja. Għalhekk, bdejt nistudja l-Bibbja maʼ ħabib li kien Xhud.”—José, il-Brażil.
-
“Ipprovajt naqra l-Bibbja imma ma stajtx nifhimha. Imbagħad ġew ix-Xhieda taʼ Ġeħova għandi u spjegawli biċ-ċar diversi profeziji tal-Bibbja. Ridt nara xi stajt nitgħallem iktar.”—Dennize, il-Messiku.
-
“Kont nistaqsi lili nnifsi jekk Alla kienx verament jimpurtah minni. Għalhekk iddeċidejt li nitlob lill-Alla tal-Bibbja. L-għada ħabbtuli l-bieb ix-Xhieda u aċċettajt studju tal-Bibbja.”—Anju, in-Nepal.
Dawn l-esperjenzi jfakkruna fil-kliem taʼ Ġesù: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) Iva, il-bnedmin jitwieldu bi bżonn spiritwali. Alla biss jistaʼ jissodisfa dak il-bżonn, u jagħmel dan permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja.
Allura x’jinvolvi studju tal-Bibbja? Kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalik? Dawn il-mistoqsijiet se jitwieġbu fl-artiklu li jmiss.
^ par. 8 Ġeħova hu l-isem t’Alla kif irrivelat fil-Bibbja.