Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 SUĠĠET PRINĊIPALI | IT-TIPJIP—KIF IQISU ALLA?

It-tipjip—Kif iqisu Alla?

It-tipjip—Kif iqisu Alla?

Naoko, li ssemmiet fl-artiklu tal-ftuħ, rigward ir-rebħa tagħha fuq it-tipjip qalet, “Stajt inbiddel ħajti minħabba li tgħallimt il-verità dwar il-kwalitajiet u l-iskop t’Alla.” Dak li tgħallmet jinsab fil-Bibbja. Għalkemm il-Bibbja qatt ma ssemmi t-tabakk, tgħinna nifhmu kif Alla jqis it-tipjip. * Għal ħafna nies, dan l-għarfien tahom l-inċentiv li kellhom bżonn biex jirreżistu jew jaqtgħu l-vizzju. (2 Timotju 3:16, 17) Ejja nikkunsidraw tliet effetti taʼ ħsara tat-tipjip magħrufin sew u naraw x’tgħid il-Bibbja dwarhom.

IT-TIPJIP HUWA VIZZJUŻ

It-tabakk fih wieħed mill-iktar drogi vizzjużi magħrufin—in-nikotina. Taħdem bħala stimulant kif ukoll kalmant. It-tipjip iwassal in-nikotina sal-moħħ f’qasir żmien u ripetutament. Ladarba kull nifs jagħti doża waħda taʼ nikotina, bniedem li jpejjep pakkett kuljum jieħu l-ekwivalenti taʼ xi 200 doża kuljum, doża ogħla minn dik taʼ kwalunkwe droga oħra. Dożi hekk frekwenti jagħmlu n-nikotina vizzjuża b’mod uniku. Malli jaqbad il-vizzju, wieħed li jpejjep jesperjenza sintomi taʼ rtirar (withdrawal symptoms) jekk il-kilba tiegħu għan-nikotina ma tiġix sodisfata.

“Tkunu lsiera tiegħu għax tobduh.”—Rumani 6:16

Tistaʼ verament tobdi lil Alla jekk tkun ilsir tal-vizzju tat-tabakk?

Il-Bibbja tgħinna jkollna l-ħarsa t-tajba tal-ħaġa meta tgħid: “Ma tafux li jekk tibqgħu tippreżentaw ruħkom lil xi ħadd bħala lsiera biex tobduh tkunu lsiera tiegħu?” (Rumani 6:16) Meta l-ħsib u l-azzjonijiet taʼ dak li jkun ikunu ddominati minn kilba għat-tabakk, ma jdumx ma jsir ilsir taʼ prattika t’għajb. Madankollu, Alla, li jismu Ġeħova, jixtieq li nkunu liberi mhux biss minn prattiki li jagħmlu l-ħsara lil ġisimna, imma wkoll minn dawk li jagħmlu l-ħsara lill-ispirtu tagħna, jiġifieri l-inklinazzjoni mentali ewlenija tagħna. (Salm 83:18; 2 Korintin 7:1) B’hekk, meta individwu jikber fl-apprezzament u r-rispett lejn Ġeħova, hu jagħraf li Ġeħova jistħoqqlu l-aqwa li jistaʼ jagħtih, u li ma jistax jagħti l-aqwa tiegħu lil Alla waqt li jibqaʼ skjav taʼ vizzju li jġib il-mewt. Li wieħed japprezza dan jgħinu jkollu r-rieda biex jirreżisti xewqat taʼ ħsara.

Olaf, li jgħix il-Ġermanja, għeleb il-vizzju tas-sigaretti li kellu għal 16-il sena u li bdieh meta kellu 12. Olaf ħaseb li t-tipjip mhux perikoluż. Imma maż-żmien sar vizzju bla kontroll. Hu jgħid: “Darba meta spiċċawli s-sigaretti, tant kont frustrat li ġbart il-loqom kollha minn axtrej, laqqatt it-tabakk, u bramt sigarett f’biċċa gazzetta. Meta noqgħod naħseb, nistaʼ nara kemm kien taʼ mistħija.” Kif qataʼ l-vizzju t’għajb tas-sigaretti? “Il-fattur kruċjali kien ix-xewqa  biex nogħġob lil Ġeħova,” qal hu. “L-imħabba taʼ Ġeħova għall-bnedmin u t-tama li hu jagħti tawni s-saħħa biex naqtaʼ dan il-vizzju darb’għal dejjem.”

IT-TIPJIP HU TAʼ DANNU GĦALL-ĠISEM

‘Ġie pprovat xjentifikament li t-tipjip tas-sigaretti jagħmel il-ħsara lil kważi kull organu fil-ġisem u li jżid il-mard u r-rata tal-mewt,’ jgħid The Tobacco Atlas. Hu magħruf sew li t-tipjip jikkaġuna mard li ma jittiħidx bħall-kanċer, u l-mard tal-qalb u tal-pulmun. Imma skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), it-tipjip hu wkoll kaġun kbir tal-mewt minn mard li jittieħed, bħat-tuberkulosi.

“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.”—Mattew 22:37

Tkun qed tħobb u tirrispetta lil Alla jekk tabbuża mill-ġisem li tak u tieħu pjaċir b’vizzju maħmuġ?

Permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja, Alla Ġeħova jgħallimna jkollna ħarsa xierqa lejn ħajjitna, ġisimna, u l-fakultajiet tagħna. Ibnu, Ġesù, irrefera għal dan meta qal: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37) Hu ċar li Alla jridna nużaw ħajjitna u ġisimna tajjeb u nittrattawhom bir-rispett. Hekk kif nitgħallmu dwar Ġeħova u l-wegħdi tiegħu, insiru nħobbu u ngħożżu kulma għamel għalina. Dan jimmotivana biex inżommu ’l bogħod minn kwalunkwe ħaġa li tniġġsilna ġisimna.

Jayavanth, tabib fl-Indja, kien ilu jpejjep 38 sena. Hu qal: “Tgħallimt dwar il-perikli tat-tipjip mill-ġurnali mediċi. Kont naf li kien ħażin, u kont nagħti parir lill-pazjenti tiegħi biex jaqtgħu l-vizzju. Imma jien stess ma stajtx naqtgħu, avolja pprovajt xi ħames jew sitt darbiet.” X’għenu jieqaf fl-aħħar? Hu jgħidilna: “Waqaft inpejjep għax bdejt nistudja l-Bibbja. Ix-xewqa li nogħġob lil Ġeħova mmotivatni naqtaʼ l-vizzju mill-ewwel.”

IT-TIPJIP HU TAʼ DANNU GĦAL ĦADDIEĦOR

Id-duħħan li jiġi mit-tipjip taʼ ħaddieħor u dak li jiġi minn sigaretti mqabbdin huma tossiċi. Li tieħu n-nifs minn duħħan bħal dan jistaʼ jqabbad il-kanċer u mard ieħor, u kull sena joqtol 600,000 ruħ li ma jpejpux, il-maġġoranza minnhom nisa u tfal. Rapport mill-WHO jwissi: “M’hemm ebda livell sigur li ma jikkaġunax ħsara meta wieħed ikun espost għad-duħħan tat-tipjip taʼ ħaddieħor.”

“Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”—Mattew 22:39

Tħobb verament lill-proxxmu u lil familtek jekk tesponihom għall-perikli tad-duħħan tat-tipjip tiegħek?

Skont Ġesù, l-imħabba lejn il-proxxmu—il-familja  tagħna, ħbiebna, u oħrajn madwarna—tiġi t-tieni wara l-imħabba lejn Alla. “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek,” qal hu. (Mattew 22:39) Jekk aħna għandna vizzju li jagħmel ħsara lil dawk qribna, ma nkunux qed nuru mħabba għall-proxxmu. Imħabba ġenwina ġġegħelna nsegwu t-twissija tal-Bibbja: “Ħalli ħadd ma jibqaʼ jfittex dak li jaqbel lilu, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.”—1 Korintin 10:24.

Armen, li jgħix fl-Armenja, jiftakar: “Peress li familti ġiet effettwata mit-tipjip, talbitni bil-ħrara biex naqtgħu. Imma jien ma ridtx nammetti li jistaʼ jkollu effett ħażin fuqha.” Hu jispjega x’biddillu fehemtu: “L-għarfien tiegħi tal-Bibbja u mħabbti għal Ġeħova għenuni naqtaʼ t-tipjip u nammetti li kien taʼ dannu mhux biss għalija imma wkoll għal dawk taʼ madwari.”

IT-TIPJIP MEQRUD GĦAL DEJJEM!

L-għarfien tal-Bibbja għen lil Olaf, lil Jayavanth, u lil Armen jaqtgħu vizzju t’għajb li kien qed iweġġaʼ lilhom u lil ħaddieħor. Irnexxielhom mhux biss għax sempliċement kienu jafu li t-tipjip hu taʼ ħsara imma għax saru jħobbu lil Ġeħova u xtaqu jogħġbuh. L-irwol vitali tal-imħabba huwa enfasizzat fl-1 Ġwanni 5:3, li jgħid: “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” M’għandniex xi ngħidu, li ssegwi prinċipji Bibliċi mhux dejjem ikun faċli, imma meta persuna tkun imqanqla minn imħabba profonda għal Alla, l-ubbidjenza mhix se tkun taʼ piż.

Permezz taʼ kampanja edukattiva globali, Alla Ġeħova issa qed jgħin lil miljuni taʼ nies jaqtgħu l-jasar għat-tabakk jew iżommu ’l bogħod minnu. (1 Timotju 2:3, 4) Dalwaqt, permezz taʼ Saltnatu—gvern tas-sema taħt Ibnu, Ġesù Kristu—Ġeħova se jelimina s-sistema kummerċjali rgħiba li hi responsabbli talli tjassar lil miljuni taʼ nies għat-tabakk. Hu se jeqred l-epidemija tat-tipjip għal dejjem u jwassal lill-bnedmin ubbidjenti għall-perfezzjoni tal-ġisem u tal-moħħ.—Isaija 33:24; Rivelazzjoni 19:11, 15.

Jekk int qed tissielet biex taqtaʼ t-tipjip, taqtax qalbek. Billi titgħallem tħobb lil Ġeħova u tapprezza kif hu jqis it-tipjip, int ukoll tistaʼ ssib il-motivazzjoni li għandek bżonn biex tirnexxi. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jipprovdulek assistenza prattika fuq bażi persunali biex titgħallem u tapplika prinċipji Bibliċi. Ibqaʼ ċert li jekk trid l-għajnuna taʼ Ġeħova biex taqtaʼ l-vizzju tat-tabakk, hu se jagħtik il-qawwa u s-saħħa li għandek bżonn.—Filippin 4:13.

^ par. 3 Hawn it-tipjip jirreferi għal li ddaħħal fil-pulmun id-duħħan tat-tabakk direttament mis-sigaretti, sigarri, pipi, jew ħukijiet (water pipes). Però, il-prinċipji f’dan l-artiklu japplikaw ukoll għat-tabakk li tomgħod, it-tabakk tal-imnieħer, is-sigaretti elettroniċi li fihom in-nikotina, u prodotti oħra.