‘Mhux Parti mid-Dinja’
“Id-dinja bagħdithom, għax m’humiex parti mid-dinja.”—ĠWANNI 17:14.
Xi Tfisser: Billi Ġesù ma kien ebda parti mid-dinja, hu kien newtrali fil-kwistjonijiet soċjali u politiċi taʼ dak iż-żmien. Hu spjega: “Kieku s-saltna tiegħi kienet parti minn din id-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud. Imma, tabilħaqq, is-saltna tiegħi mhix ġejja minn hawn.” (Ġwanni 18:36) Hu ħeġġeġ ukoll lis-segwaċi tiegħu biex jiċħdu attitudnijiet, diskors, u kondotta li huma kundannati fil-Kelma t’Alla.—Mattew 20:25-27.
Din il-Karatteristika fil-Kristjani tal-Bidu: Skont il-kittieb tar-reliġjon Jonathan Dymond, il-Kristjani tal-bidu “rrifjutaw li jieħdu sehem fi [gwerer]; kienu x’kienu l-konsegwenzi, sew jekk kienu tmaqdir, tfigħ il-ħabs, jew mewt.” Huma għażlu li jbatu minflok ma jikkompromettu l-waqfa newtrali tagħhom. Il-livell morali tagħhom ukoll għamilhom differenti. Lill-Kristjani ntqalilhom: “Peress li ma tkomplux tiġru magħhom f’din it-triq lejn l-istess livell baxx taʼ ħajja sfrattata, huma jitħawdu u jibdew jgħajrukom.” (1 Pietru 4:4) L-istorjografu Will Durant kiteb li l-Kristjani, “bil-qdusija u d-deċenza tagħhom, kienu qishom il-kuxjenza li kienet qed tinkwieta lid-dinja pagana li kien ħsiebha biss fil-pjaċiri.”
Min Għandu Din il-Karatteristika Llum? Dwar in-newtralità Kristjana, enċiklopedija (New Catholic Encyclopedia) tgħid: “Oġġezzjoni kuxjenzjuża mhix moralment aċċettabbli.” Artiklu f’gazzetta Svizzera (Reformierte Presse) jgħid li rapport mid-Drittijiet Afrikani, organizzazzjoni tad-drittijiet umani, dwar il-ġenoċidju tal-Irwanda fl-1994, stabbilixxa l-parteċipazzjoni tal-knejjes kollha, “bl-eċċezzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova.”
F’diskussjoni dwar l-Olokawst Nazista, għalliem taʼ skola sekondarja qal b’dispjaċir li “l-ebda grupp jew organizzazzjoni taʼ ċittadini ordinarji ma tkellmet kontra l-qabda gideb u krudeltajiet li eventwalment wasslu għal atroċitajiet.” Wara li tkellem mal-Mużew tat-Tifkira tal-Olokawst fl-Istati Uniti, hu kiteb: “Issa ħadtha t-tweġiba tiegħi.” Hu tgħallem li x-Xhieda taʼ Ġeħova kienu sodi fit-twemmin tagħhom minkejja l-ħruxija li ġew trattati biha.
Xi ngħidu dwar il-livell morali tagħhom? Rivista (U.S. Catholic) tgħid: “Il-biċċa l-kbira mill-Kattoliċi adulti żgħażagħ tal-lum ma jaqblux mat-tagħlim tal-knisja fuq kwistjonijiet bħall-ko-abitazzjoni [u] sess qabel iż-żwieġ.” Ir-rivista tikkwota lil djaknu tal-knisja li qal: “Nara li hemm persentaġġ kbir—naħseb ħafna ’l fuq minn 50 fil-mija—li diġà jkunu jgħixu flimkien meta jiġu biex jiżżewġu.” Enċiklopedija (The New Encyclopædia Britannica) tgħid li x-Xhieda taʼ Ġeħova “jinsistu fuq livell morali għoli taʼ mġiba personali.”