2 Alla Mhux Veru Jimpurtah—Huwa Minnu Dan?
Dak li għandek mnejn smajt: “Jekk Alla verament jimpurtah mill-umanità, kieku jneħħi l-ħażen u t-tbatija mid-dinja. U anki kieku jinteressah min-nies inġenerali, ma jimpurtahx minn dak li jiġri lili.”
Dak li tgħallem il-Bibbja: Alla Ġeħova ma jikkaġunax il-ħażen. (Ġakbu 1:13) Filwaqt li jistaʼ jneħħi l-ħażen meta jrid, hu qed jippermetti li s-soċjetà korrotta teżisti għalissa sabiex iwieġeb mistoqsijiet li tqajmu fil-bidu tal-istorja umana. Fl-aħħar mill-aħħar se jaġixxi għall-benefiċċju tal-umanità u jneħħi l-inkwiet kollu li qalgħu dawk li jiċħdu l-ħakma tiegħu.—Ġenesi 3:1-6; Isaija 65:17. a
Minbarra t-tħassib ġenerali tiegħu għall-familja umana, Alla juri interess kbir fina bħala individwi. Mattew 10:29-31 juri li josserva dettalji dwarna li lanqas aħna stess ma nafuhom: “Ma jinbigħux żewġ għasafar tal-bejt għal munita taʼ valur żgħir? Iżda lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-art mingħajr ma jkun jaf Missierkom. Għax saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud. Għalhekk tibżgħux: intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.”
Kif jgħinek il-fatt li tkun taf il-verità: Aħna normalment nevitaw nies li huma kattivi jew li ma jimpurtahomx. Mela, mhux taʼ b’xejn li l-gidba li Alla ma jimpurtahx iġġiegħel lil ħafna nies jevitaw għalkollox li jsiru jafuh jew inkella jersqu lejh biss meta jiġu daharhom mal-ħajt. Il-fatt li tkun taf li Alla Ġeħova verament jimpurtah jistaʼ jwasslek biex tkun trid titgħallem iktar dwaru u tiżviluppa ħbiberija miegħu.
Pereżempju, int għandek mnejn tlabt lil Alla imma ġejt f’dubju jekk hux jisimgħek jew jekk hux se jwieġbek. Il-Bibbja taċċertana li s-‘Semmiegħ tat-talb’ iżomm dan il-mezz taʼ komunikazzjoni miftuħ il-ħin kollu għal dawk kollha li jersqu lejh b’mod sinċier.—Salm 65:2.
Alla jistiednek biex ‘titfaʼ l-ansjetà kollha tiegħek fuqu, għax hu jimpurtah minnek.’ (1 Pietru 5:7) Anki fi żminijiet taʼ niket kbir nistgħu inkunu żguri mill-interess tiegħu, għax il-Kelma tiegħu tgħid: “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.”—Salm 34:18.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar għala Alla jippermetti s-sofferenza, ara kapitlu 11 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
[Kumment f’paġna 5]
Jekk Alla ma jimpurtahx, għala jistidinna nitolbuh?