Fatturi Essenzjali għall-Hena fil-Familja
Ittratta lil Sieħbek fiż-Żwieġ bir-Rispett
Will a jgħid: “Meta Rachel ma tkunx f’sikkitha, hi ddum tibki. Jekk inpoġġu bilqiegħda biex nitkellmu, tibda tieħu għaliha mix-xejn jew saħansitra tirrifjuta li tkellimni. Nagħmel x’nagħmel, jidher li kollu għalxejn. Ma nafx fejn se nagħti rasi!”
Rachel tgħid: “Meta Will ġie d-dar, kont qed nibki. Ipprovajt nispjega għala kont imdejqa, imma ma ħallinix nispiċċa dak li kelli ngħid. Qalli li kont qed nagħmilha bi kbira u li għandi ninsa kollox. Dan għamilni iżjed imdejqa.”
TĦOSSOK kultant bħal Will jew Rachel? It-tnejn li huma jridu jikkomunikaw, iżda spiss iħossuhom frustrati. Għala?
L-irġiel u n-nisa jikkomunikaw differenti minn xulxin u għandhom bżonnijiet uniċi. Mara għandha mnejn tkun trid taqsam is-sentimenti tagħha bil-miftuħ u spiss. Ħafna rġiel, min-naħa l-oħra, jipprovaw iżommu l-paċi billi jsolvu l-problemi malajr u jevitaw kwistjonijiet komplikati. Kif, mela, tistaʼ ssib it-triq tan-nofs u tikkomunika maʼ żewġek jew martek? Billi tittratta lis-sieħeb tiegħek bir-rispett. b
Xi ħadd li għandu r-rispett japprezza lil oħrajn u jara li jifhem is-sentimenti tagħhom. Mindu kont żgħir, int għandek mnejn tgħallimt tirrispetta lil nies li għandhom iktar awtorità jew esperjenza minnek. Madankollu, fiż-żwieġ l-isfida hi li turi rispett lejn xi ħadd li qisu ugwali għalik—is-sieħeb tiegħek. “Kont naf li Phil jismaʼ bil-paċenzja u jifhem lil kull min ikellmu,” tgħid Linda, li ilha miżżewġa tmien snin. “Ridtu juri l-istess empatija miegħi.” X’aktarx li int tismaʼ bil-paċenzja u titkellem bir-rispett mal-ħbieb u anke mal-istranġieri. Madankollu, turi int l-istess konsiderazzjoni mas-sieħeb tiegħek?
Nuqqas taʼ rispett joħloq tensjoni fid-dar u jwassal għal tilwim aħrax. Ħakkiem għaref qal: “Aħjar loqma ħobż niexfa bis-sliem, minn dar mimlija bl-ikel u l-ġlied.” (Proverbji 17:1, Għaqda Biblika Maltija) Il-Bibbja tgħid lir-raġel biex jittratta maʼ martu bl-unur, jew bir-rispett. (1 Pietru 3:7) “Il-mara” wkoll “għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.”—Efesin 5:33.
Kif tistaʼ int tikkomunika bir-rispett? Ikkunsidra xi pariri prattiċi misjubin fil-Bibbja.
Meta Sieħbek Ikollu Xi Ħaġa X’Jgħid
L-Isfida: Ħafna nies iħobbu iżjed jitkellmu milli jħobbu jisimgħu. Int wieħed minnhom? Il-Bibbja tiddeskrivi bħala iblah lil xi ħadd li “jwieġeb qabel ma jismaʼ l-kwistjoni.” (Proverbji 18:13) Għalhekk, qabel titkellem, ismaʼ. Għala? “Nippreferi meta żewġi ma jipprovax isolvi l-problemi tiegħi mill-ewwel,” tgħid Kara, li ilha miżżewġa 26 sena. “M’għandux saħansitra għalfejn jaqbel jew jipprova jifhem għala nqalgħet il-problema. Inkun irridu biss jismagħni u jifhem li s-sentimenti tiegħi huma veri.”
Min-naħa l-oħra, xi rġiel u nisa jaħsbuha darbtejn biex jesprimu lilhom infushom u ma jħossuhomx komdi jekk seħibhom jisforzahom jitkellmu dwar kif iħossuhom. Lorrie, li m’ilhiex miżżewġa, skopriet li żewġha ma jesprimix mill-ewwel kif iħossu. Hi tgħid: “Ikolli nkun paċenzjuża u nistennieh jiftaħ qalbu.”
Soluzzjoni: Jekk int u żewġek għandkom bżonn titkellmu dwar xi ħaġa li tistaʼ ġġib firda, tkellem dwarha meta t-tnejn li intom tkunu kalmi u rilassati. Xi ngħidu jekk żewġek jew martek iżżomm lura biex titkellem? Kun af li “l-ħsieb f’qalb il-bniedem hu bħal ilmijiet fondi, imma min għandu d-dixxerniment se jtellgħu.” (Proverbji 20:5) Jekk ittellaʼ barmil ilma minn bir b’għaġla żejda titlef ħafna ilma. Bl-istess mod, jekk int tkellem lil żewġek b’saħħa żejda, hu għandu mnejn ikun irid jiddefendi ruħu u l-opportunità biex tgħinu jiftaħ qalbu tistaʼ tintilef. Minflok, staqsi b’ġentilezza u b’rispett, u kun paċenzjuża jekk żewġek ma jesprimix ruħu malajr daqs kemm tixtiequ int.
Meta żewġek jew martek tibda titkellem, ‘kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem, tqil biex tinkorla.’ (Ġakbu 1:19) Semmiegħ tajjeb ma jismax biss b’widnejh imma wkoll b’qalbu. Meta l-parti l-oħra fiż-żwieġ titkellem, ipprova ifhem is-sentimenti tiegħu jew tagħha. Is-sieħeb tiegħek iħoss kemm qed tagħtih rispett—jew diżrispett—bil-mod kif tismaʼ.
Ġesù għallimna kif nisimgħu. Pereżempju, meta raġel marid avviċinah għall-għajnuna, Ġesù ma solviex il-problema minnufih. L-ewwel, hu semaʼ t-talba bil-ħrara tar-raġel. Imbagħad ħalla dak li semaʼ jqanqlu profondament. Fl-aħħar, fejjaq lir-raġel. (Marku 1:40-42) Meta żewġek jew martek titkellem, segwi l-istess eżempju. Ftakar, hu jew hi x’aktarx li tkun qed tistenna min tassew jifhimha, mhux min isolvilha l-problema malajr. Għalhekk, ismaʼ b’attenzjoni. Ħalli s-sentimenti tiegħek jintmessu. Issa, u mhux qabel, wieġeb għall-bżonnijiet tagħha. Billi tagħmel dan, int turi li tirrispetta lil martek.
IPPROVA DAN: Meta żewġek jibda jesprimi ruħu miegħek, irreżisti x-xewqa li twieġbu fil-pront. Stenna sakemm jispiċċa jitkellem u int tkun fhimt xi ntqal. Wara, mur ħdejn żewġek u staqsih, “Ħassejt li verament kont qed nisimgħek?”
Meta Int Ikollok Xi Ħaġa X’Tgħid
L-Isfida: “Programmi tad-daħq fuq it-televixin jagħtuk x’tifhem li hu normali li titkellem kontra żewġek jew martek u li tinsulta u tkun sarkastiku,” tgħid Linda, li semmejnieha qabel. Xi nies jgħixu fi djar fejn diskors bla rispett ikun normali. Iżjed tard, meta jiżżewġu, huma jsibuha diffiċli biex jevitaw jitkellmu bil-mod kif kienu mdorrijin fil-familja tagħhom. Ivy, li toqgħod il-Kanada, tgħid: “Jien kbirt f’ambjent fejn is-sarkażmu, it-twerżiq, u t-tgħajjir kienu xi ħaġa taʼ kuljum.”
Soluzzjoni: Meta titkellem m’oħrajn dwar żewġek, għid “dak li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, sabiex jagħmel il-ġid lil min jisimgħu.” (Efesin 4:29) Agħti impressjoni tajba taʼ żewġek bil-mod kif titkellem dwaru.
Anke meta tkun waħdek maʼ żewġek, irreżisti x-xewqa li tkun sarkastika u li tgħajjar. F’Iżrael tal-qedem, Mikal irrabjat għal żewġha, is-Sultan David. Tkellmet b’sarkażmu u qalet li aġixxa bħal wieħed mill-“irġiel bla moħħ.” Kliemha offenda lil David, imma m’għoġobx ukoll lil Alla. (2 Samwel 6:20-23) It-tagħlima? Meta titkellem maʼ żewġek, agħżel kliemek bir-reqqa. (Kolossin 4:6) Phil, li ilu tmien snin miżżewweġ, jammetti li hu u martu xorta għadu jkollhom fuq xiex ma jaqblux. Hu nnota li kultant dak li jgħid jagħmel iżjed ħsara. “Wasalt biex nirrealizza li ‘li tirbaħ’ argument huwa attwalment telf. Insib li huwa iktar taʼ sodisfazzjon u benefiċċju li nibnu r-relazzjoni tagħna.”
Armla anzjana tal-qedem inkuraġġiet lin-nisa tat-tfal tagħha biex ‘isibu post taʼ mistrieħ kull waħda f’dar żewġha.’ (Rut 1:9) Meta kemm ir-raġel u kemm il-mara jonoraw lil xulxin, huma jagħmlu lil darhom “post taʼ mistrieħ.”
IPPROVA DAN: Flimkien mas-sieħeb tiegħek, warrbu l-ħin biex tiddiskutu s-suġġerimenti taħt dan is-sottitlu. Staqsi lil żewġek: “Meta nitkellem dwarek quddiem in-nies, tħossok imfaħħar jew immaqdar? Liema bidliet nistaʼ nagħmel biex inkun aħjar?” Verament agħti widen hekk kif żewġek jitkellem dwar kif iħossu. Ipprova applika s-suġġerimenti li tismaʼ.
Aċċetta d-Differenzi taʼ Sieħbek fiż-Żwieġ
L-Isfida: Uħud li jkunu għadhom kif iżżewġu kkonkludew b’mod żbaljat li dak li l-Bibbja tgħid li hu “ġisem wieħed” ifisser li koppja għandu jkollha opinjoni jew personalità waħda. (Mattew 19:5) Madankollu, malajr isibu li ħsib bħal dan mhux realistiku. Wara li jiżżewġu, id-differenzi tagħhom spiss iwasslu għal argumenti. Linda tgħid: “Differenza kbira bejnietna hi li Phil jinkwieta inqas minni. Kultant hu kapaċi jirrilassa meta jien inkun inkwetata, allura nispiċċa nħossni rrabjata għax jidher li ma jimpurtahx dwar xi ħaġa daqskemm jimpurtani jien.”
Soluzzjoni: Aċċettaw lil xulxin kif intom, u rrispettaw dak li hu differenti dwar is-sieħeb tagħkom. Pereżempju: Għajnejk jaħdmu differenti minn widnejk; madankollu jikkooperaw, biex hekk tistaʼ taqsam it-triq b’wiċċ il-ġid. Adrienne, li ilha miżżewġa għal madwar 30 sena, tgħid: “Sakemm il-mod kif naħsbuha ma jmurx kontra l-Kelma t’Alla, jien u żewġi nħallu lil xulxin liberi biex ikollna opinjonijiet differenti. Wara kollox, aħna miżżewġin u m’aħniex l-istess persuna.”
Meta s-sieħeb tiegħek ikollu opinjoni jew reazzjoni differenti minn tiegħek, tiffokax fuq l-interessi tiegħek biss. Agħti kas is-sentimenti tiegħu. (Filippin 2:4) Ir-raġel t’Adrienne, Kyle, jammetti: “Mhux dejjem nifhem jew naqbel mal-opinjoni taʼ marti dwar l-affarijiet. Imma nfakkar lili nnifsi li nħobb lilha iktar milli nħobb l-opinjoni tiegħi. Meta hi tkun ferħana, jien veru nkun ferħan ukoll.”
IPPROVA DAN: Agħmel lista taʼ kif il-ħarsa li għandu sieħbek dwar l-affarijiet jew kif isolvi l-problemi hija superjuri għal tiegħek.—Filippin 2:3.
Ir-rispett hu wieħed mill-ingredjenti bażiċi biex ikollok żwieġ hieni u dejjiemi. Linda tgħid: “Ir-rispett iġib kuntentizza u sigurtà fiż-żwieġ. Bla dubju huwa taʼ min jibqaʼ jaħdem għal dan.”
[Noti taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.
b Dan l-artiklu japplika kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.
STAQSI LILEK INNIFSEK . . .
▪ Id-differenzi tas-sieħeb tiegħi kif sebbħu lill-familja tagħna?
▪ Għala hu tajjeb li nċedi għall-preferenza tas-sieħeb tiegħi kull meta l-prinċipji tal-Bibbja ma jkunux involuti?