Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .

Il-Ħajja taʼ Dejjem f’Ġenna tal-Art Se Tkun Tedjanti?

Il-Ħajja taʼ Dejjem f’Ġenna tal-Art Se Tkun Tedjanti?

▪ Il-​Bibbja toffrilna t-​tama li nistgħu ngħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art. (Salm 37:29; Luqa 23:43) Il-​fatt li ngħixu għal dejjem f’ambjent perfett se jsir tedjanti?

Din hi mistoqsija taʼ min jaħseb fuqha. Xi riċerkaturi sabu li dwejjaq kroniku jistaʼ jagħmel lil persuna ansjuża, dipressa, u inklinata biex tieħu xi riskji. Dawk li ma jkollhomx skop fil-​ħajja jew li jixbgħu mir-​rutina tagħhom taʼ kuljum jistgħu jċedu għad-​dwejjaq. Il-​ħajjiet taʼ dawk li jgħixu fil-​Ġenna tal-​art se jkunu mingħajr skop? Ir-​rutina taʼ kuljum se tkun monotona?

L-​ewwel, ikkunsidra li hu Alla Ġeħova, l-​Awtur tal-​Bibbja, li jagħmel l-​offerta taʼ ħajja taʼ dejjem. (Ġwanni 3:16; 2 Timotju 3:16) Il-​kwalità primarja t’Alla hi l-​imħabba. (1 Ġwanni 4:8) Ġeħova jħobbna profondament u tana l-​affarijiet tajbin kollha li qed ingawdu issa.—Ġakbu 1:17.

Il-​Ħallieq tagħna jaf li sabiex inkunu ferħanin għandna bżonn xogħol sodisfaċenti. (Salm 139:14-​16; Ekkleżjasti 3:12) Fil-​Ġenna tal-​art, il-​ħaddiema mhux se jħossuhom qishom xi robot. Ix-​xogħol li jagħmlu se jibbenefikaw direttament minnu huma stess u dawk li jħobbu huma. (Isaija 65:22-​24) Jekk kellek xogħol full-​time interessanti u li jimmotivak, kont se tqis il-​ħajja bħala li hi tedjanti?

Ukoll, ikkunsidra li Alla Ġeħova mhux se jħalli sempliċement lil kulħadd jgħix fil-​Ġenna tal-​art. Joffri l-​għotja taʼ ħajja taʼ dejjem lil dawk biss li jimitaw lil Ibnu, Ġesù. (Ġwanni 17:3) Waqt li kien fuq l-​art, Ġesù kien jitgħaxxaq jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru. Hu għallem lis-​segwaċi tiegħu kemm bil-​kliem u kemm bl-​eżempju li l-​hena dejjiemi jiġi iktar meta tagħti milli meta tirċievi. (Atti 20:35) Fil-​Ġenna tal-​art restawrata, kulħadd se jgħix fi qbil mal-​akbar żewġ kmandamenti—li huma l-​imħabba għal Alla u l-​imħabba għall-​proxxmu. (Mattew 22:36-​40) Immaġina li tkun imdawwar b’nies mhux egoisti li jħobbu lilek u li jħobbu xogħolhom! Taħseb li tiddejjaq f’kumpanija bħal din?

Il-​ħajja fil-​Ġenna tal-​art x’se tkun tinvolvi iktar? Kuljum, se nkunu nistgħu nitgħallmu xi ħaġa ġdida dwar il-​Ħallieq tagħna. Ir-​riċerkaturi diġà skoprew ħafna affarijiet rimarkevoli dwar ix-​xogħlijiet kreattivi taʼ Ġeħova. (Rumani 1:20) Imma s’issa għadna lanqas biss bdejna niskopru dak li hemm. Eluf taʼ snin ilu, ir-​raġel leali Ġob irriveda dak li kien jaf dwar ix-​xogħlijiet kreattivi t’Alla, u l-​konklużjoni tiegħu għadha minnha. “Dawn m’humiex ħlief it-​trufijiet taʼ [triqat Alla],” qal Ġob, “u kemm hu ftit dak li nisimgħu dwaru! Imma r-​ragħad setgħan tiegħu min jistaʼ jifhmu?”—Ġob 26:14.

Ngħixu kemm ngħixu, qatt ma se niskopru dak kollu li hemm x’nitgħallmu dwar Alla Ġeħova u x-​xogħlijiet tiegħu. Il-​Bibbja tgħid li Alla qiegħed fi qlubna x-​xewqa li ngħixu għal dejjem. Imma tgħid ukoll li aħna ‘qatt ma se nsiru nafu mill-​bidu sat-​tmiem l-​għemil li għamel l-​Alla l-​veru.’ (Ekkleżjasti 3:10, 11) Taħseb li xi darba se tiddejjaq titgħallem affarijiet ġodda dwar il-​Ħallieq tiegħek?

Anki issa, dawk li huma beżlin jagħmlu xogħol li jibbenefika lil oħrajn u li jġib glorja lil Alla rari jħossuhom imdejqin. Nistgħu nkunu żguri li jekk nibqgħu beżlin nagħmlu xogħol simili, qatt ma se niddejqu—saħansitra jekk ngħixu għal dejjem.

[Sorsi tal-Istampa f’paġna 31]

L-​Art: Image Science and Analysis Laboratory, NASA-​Johnson Space Center; il-​Galassja: The Hubble Heritage Team (AURA/STScI/NASA)