Jistaʼ Jiddispjaċih Alla?
Ersaq Qrib Lejn Alla
Jistaʼ Jiddispjaċih Alla?
BĦALA bnedmin imperfetti kultant jiddispjaċina. Pereżempju, jistaʼ jiddispjaċina wara li nindunaw li għamilna xi żball. Taʼ interess, il-Bibbja tgħid li Ġeħova jistaʼ jiddispjaċih. ‘Imma Alla hu perfett,’ tgħid int. ‘Hu ma jiżbaljax!’ Mela, f’liema sens jiddispjaċih Alla? It-tweġiba tistaʼ tgħinna nifhmu xi ħaġa tal-għaġeb: Ġeħova għandu sentimenti, u l-azzjonijiet tagħna jistgħu jeffettwaw is-sentimenti tiegħu. Ikkunsidra l-kliem li hemm imniżżel fi Mħallfin 2:11-18.
Il-ktieb Bibliku tal-Imħallfin jirrakkonta perijodu mqalleb fl-istorja taʼ Israel. Il-ġens issa kien qed joqgħod f’Kangħan, l-art li Alla kien wiegħed lil Abraham. Għad-diversi sekli taʼ wara, l-aġir taʼ Israel jistaʼ jinġabar fil-qosor bħala mudell taʼ mġiba li jinkludi erbaʼ fażijiet: ribelljoni, moħqrija, supplikazzjoni, u ħelsien. *
Ribelljoni. Influwenzati mill-Kangħanin, l-Israelin “abbandunaw lil Ġeħova” u bdew imorru wara allat oħrajn; b’mod speċifiku “bdew jaqdu lil Bagħal u lix-xbihat t’Għastoret.” * Ribelljoni bħal din kienet apostasija. Mhux taʼ b’xejn li l-Israelin “offendew lil Ġeħova,” l-Alla li kien ħeles lil Israel mill-Eġittu!—Versi 11-13; Imħallfin 2:1.
Moħqrija. Provokat minn rabja ġusta, Ġeħova kien se jneħħi l-protezzjoni tiegħu minn fuq in-nies li tawh daharhom. L-Israelin imbagħad kienu jaqgħu f’idejn l-“għedewwa tagħhom,” li kienu jidħlu u jaħtfulhom l-art.—Vers 14.
Supplikazzjoni. Issa li kienu qed jesperjenzaw niket kbir, l-Israelin kien jiddispjaċihom għall-aġir ħażin tagħhom u kienu jsejħu lil Alla għall-għajnuna. Is-supplikazzjoni tagħhom tistaʼ tiġi indikata mill-espressjoni ‘t-tnehid minħabba dawk li kienu qed jaħqruhom.’ (Vers 18) Li jissupplikaw lil Alla kien parti mill-aġir normali tagħhom. (Imħallfin 3:9, 15; 4:3; 6:6, 7; 10:10) Alla kif wieġeb?
Ħelsien. Ġeħova kien jismaʼ t-tnehid taʼ Israel u “kien jiddispjaċih.” Il-kelma Ebrajka tradotta “kien jiddispjaċih” tistaʼ tfisser li “wieħed ibiddel il-ħsieb jew l-intenzjoni.” Xogħol taʼ referenza jgħid: “Ġeħova, imqanqal mit-tnehid tagħhom, biddel l-iskop taʼ kastig tiegħu għal wieħed taʼ ħelsien.” Fil-ħniena tiegħu, Ġeħova kien “iqajmilhom l-imħallfin,” li kienu jeħilsu lin-nies tiegħu mill-għedewwa tagħhom.—Vers 18.
Innotajt x’qanqal lil Alla biex iħossu dispjaċut, jew ibiddel ħsiebu? Kienet il-bidla fl-attitudni min-naħa tal-poplu tiegħu. Aħseb dwar din il-bidla b’dan il-mod: Missier li jħobb għandu mnejn jiddixxiplina lit-tifel li jkun żbalja, forsi billi jneħħilu xi privileġġ. Imma meta jara li t-tifel iddispjaċieh verament, il-missier jiddeċiedi li jtemm il-kastig.
X’nitgħallmu minn Ġeħova minn dan ir-rakkont? Filwaqt li dnub apposta jirrabjah, qlub nedmin iqanqluh biex jurihom ħniena. Huwa tajjeb li naħsbu bis-serjetà dwar kif dak li nagħmlu jistaʼ jeffettwa s-sentimenti t’Alla. Għala ma titgħallimx kif tistaʼ ‘tferraħ qalb’ Ġeħova? (Proverbji 27:11) Qatt ma se jiddispjaċik.
[Noti taʼ taħt]
^ par. 5 Imħallfin 2:11-18 hu parti minn sommarju taʼ introduzzjoni li jagħti ħarsa fuq fuq tal-mudell taʼ mġiba tal-Israelin li hu rakkontat bid-dettall fil-kapitli taʼ wara.
^ par. 6 Bagħal kien l-iktar alla prominenti tal-Kangħanin, u Għastoret kienet alla mara li kienet kunsidrata bħala mart Bagħal.