Is-Sinagoga—Fejn Ippritkaw Ġesù u d-Dixxipli Tiegħu
Is-Sinagoga—Fejn Ippritkaw Ġesù u d-Dixxipli Tiegħu
“Imbagħad mar idur il-Galilija kollha, jgħallem fis-sinagogi tagħhom u jippriedka l-aħbar tajba tas-saltna.”—MATTEW 4:23.
GĦAL darba wara l-oħra fir-rakkont tal-Evanġelju nsibu lil Ġesù f’xi sinagoga. Kemm jekk f’Nazaret, il-belt fejn trabba, kemm jekk f’Kafarnahum, il-belt li saret daru, jew fi kwalunkwe belt jew raħal li żar matul it-tliet snin u nofs tal-ministeru tiegħu li fihom ħabrek ħafna, Ġesù spiss għażel is-sinagoga bħala l-post fejn jipprietka u jgħallem dwar is-Saltna t’Alla. Fil-fatt, meta ħares lura lejn il-ministeru tiegħu, Ġesù qal: “Dejjem għallimt f’xi sinagoga u fit-tempju, fejn il-Lhud kollha jiltaqgħu flimkien.”—Ġwanni 18:20.
Bl-istess mod, l-appostli taʼ Ġesù u Kristjani oħrajn tal-bidu spiss kienu jgħallmu fis-sinagogi Lhud. Iżda, il-Lhud kif bdew iqimu fis-sinagogi? U dawn il-postijiet għall-qima kif kienu lura fi żmien Ġesù? Ejja narawhom iktar mill-qrib.
Aspett Ċentrali tal-Ħajja Lhudija Tliet darbiet fis-sena, l-irġiel Lhud kienu jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm għall-festi li kienu jinżammu fit-tempju sagru hemmhekk. Imma għall-qima tagħhom minn jum
għal jum, is-sinagoga lokali kienet biżżejjed għall-ħtiġijiet tagħhom, kemm jekk kienu jgħixu fil-Palestina u kemm jekk f’waħda mill-ħafna kolonji Lhud li kienu stabbiliti ’l barra mill-Palestina.Is-sinagoga meta bdiet tintuża? Xi wħud jemmnu li kien madwar iż-żmien tal-eżilju tal-Lhud lejn Babilonja (607-537 Q.E.K.), perijodu li fih it-tempju taʼ Ġeħova kien rovina. Jew setaʼ kien ftit wara li l-Lhud ġew lura mill-eżilju, meta l-qassis Esdra ħeġġeġ lill-poplu tiegħu biex jikseb għarfien akbar dwar il-Liġi t’Alla u fehma akbar tagħha.—Esdra 7:10; 8:1-8; 10:3.
Oriġinalment, il-kelma għal “sinagoga” kienet tfisser sempliċement “assemblea” jew “kongregazzjoni.” Hekk kienet użata fis-Settanta, traduzzjoni Griega tal-Iskrittura Ebrajka. Iżda, maż-żmien il-kelma bdiet tirreferi għall-bini fejn in-nies kienu jinġemgħu għall-qima. Sal-ewwel seklu E.K., kważi kull raħal kbir li żar Ġesù kellu s-sinagoga tiegħu; il-bliet kellhom diversi; Ġerusalemm kellha ħafna. Kif kien dan il-bini?
Dar Modesta għall-Qima Meta kienu jkunu se jibnu xi sinagoga, il-Lhud ġeneralment kienu jfittxu post fl-għoli u jippjanaw il-bini sabiex id-daħla tiegħu (1) tkun faċċata taʼ Ġerusalemm. Iżda, donnu jidher li livelli bħal dawn kienu flessibbli mhux ħażin, għax ma setgħux jiġu sodisfati dejjem.
Meta kienet tkun lesta, is-sinagoga spiss kienet tkun modesta u ftit kien ikollha għamara. Però, aspett ċentrali tagħha kien arka (2), jew maħżen, li kien fiha l-iktar ħaġa taʼ valur għall-komunità—ir-rombli tal-Iskrittura Sagra. Meta kienu jsiru l-laqgħat, l-arka, li setgħu jġorruha, kienet titpoġġa f’postha, u mbagħad kienet tittieħed lura f’kamra għas-sigurtà (3).
Ħdejn l-arka u faċċata tal-kongregazzjoni kien hemm is-siġġijiet taʼ quddiem (4) għall-uffiċjali li jippresiedu tas-sinagoga u għall-mistidnin dinjitużi. (Mattew 23:5, 6) Ħdejn iċ-ċentru tas-sala kien hemm pjattaforma merfugħa u fuqha kien hemm podju u siġġu għall-kelliemi (5). Faċċata tal-pjattaforma fuq tlett iġnub kien hemm il-bankijiet għall-kongregazzjoni (6).
Normalment, is-sinagoga kienet titmexxa u tiġi appoġġata mill-kongregazzjoni lokali. Kontribuzzjonijiet volontarji minn kulħadd, sinjur u mhux, għenu biex il-bini ssirlu l-manutenzjoni u biex jinżamm f’kundizzjoni tajba. Imma, kif kienu jsiru l-laqgħat fis-sinagoga?
Il-Qima fis-Sinagoga Il-programm tal-qima fis-sinagoga kien jinkludi tifħir, talb, il-qari tal-Iskrittura, kif ukoll tagħlim u ppritkar. Il-kongregazzjoni kienet tibda billi tgħid ix-Shema, li kienet ekwivalenti għall-istqarrija tal-fidi tal-Lhud. Ngħatat isimha mill-ewwel kelma tal-ewwel skrittura li kienet tingħad: “Ismaʼ [“Shema”], O Israel: Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed.”—Dewteronomju 6:4.
Imbagħad kien hemm il-qari u l-ispjegazzjoni tat-Tora, l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja, li nkitbu minn Mosè. (Atti 15:21) Kien ikun hemm qari ieħor wara dan, u kienu jintużaw siltiet mill-kitbiet tal-profeti (haftarahs) u dawn kienu jingħataw spjegazzjoni u jiġu applikati għal ħajjithom. Kultant, kelliema li kienu jkunu qed iżuru kienu jieħdu ħsieb din il-parti mill-programm, bħalma għamel Ġesù f’dik l-okkażjoni deskritta f’Luqa 4:16-21.
M’għandniex xi ngħidu, ir-romblu li ngħata lil Ġesù f’dik il-laqgħa ma kienx immarkat b’kapitli u versi kif inhuma l-Bibbji moderni tagħna. Għalhekk, nistgħu nġibu quddiem għajnejna lil Ġesù jiftaħ ir-romblu b’idu x-xellugija u jgerbu bil-leminija sakemm isib is-silta li kien qed ifittex. Wara l-qari, ir-romblu kien jiġi mgerbeb lura lejn il-bidu tiegħu.
Ħafna drabi, dan il-qari kien isir bl-Ebrajk oriġinali u jiġi tradott bl-Aramajk. Fil-kongregazzjonijiet li kienu jitkellmu bil-Grieg kienet tintuża s-Settanta.
Parti Essenzjali għall-Ħajja taʼ Kuljum Is-sinagoga tant kienet parti essenzjali għall-ħajja Lhudija taʼ kuljum li hi serviet għal diversi skopijiet, flimkien maʼ bini ieħor li kien magħha jew li kien jinsab fl-istess kumpless taʼ bini. Kultant kienu jinżammu hemmhekk seduti tal-qorti, kif ukoll laqgħat tal-komunità, u saħansitra assembleat bl-ikel servut fi kmamar tal-pranzu konnessi magħha. Il-vjaġġaturi ġieli kienu joqogħdu fi kmamar apposta fil-kumpless tas-sinagoga.
Kważi f’kull raħal kbir, is-sinagoga kellha skola wkoll, spiss ġol-istess bini. Nistgħu nimmaġinaw kamra mimlija studenti żgħażagħ qed jitgħallmu jaqraw l-ittri kbar miktubin fuq tavla tax-xamaʼ minn għalliem. Dawn l-iskejjel kienu raġuni importanti għala s-soċjetà Lhudija tal-qedem kienet taf taqra u tikteb, u saħansitra n-nies komuni kienu familjari mal-Iskrittura.
Iżda, l-iskop prinċipali tas-sinagoga kien li tipprovdi post għall-qima regulari. Għalhekk, mhix xi sorpriża li l-laqgħat tal-Kristjani tal-ewwel seklu kienu simili ferm għal dawk il-laqgħat tas-sinagoga Lhudija. Bl-istess mod, fil-laqgħat Kristjani l-iskop kien biex iqimu lil Ġeħova permezz tat-talb, għanjiet taʼ tifħir, u qari tal-Kelma t’Alla u diskussjonijiet dwarha. Kien hemm iktar similaritajiet. Fiż-żewġ postijiet taʼ qima, id-diversi bżonnijiet u spejjeż kienu jiġu koperti permezz taʼ kontribuzzjonijiet volontarji; il-privileġġ tal-qari tal-Kelma t’Alla u tad-diskussjoni dwarha f’ebda post ma kien ristrett għal klassi tal-kleru; fiż-żewġ każi, il-laqgħat kienu jiġu organizzati u mmexxijin minn irġiel ixjeħ responsabbli.
Illum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jistinkaw biex iżommu mal-mudell li ħallew Ġesù u s-segwaċi tiegħu tal-ewwel seklu. B’hekk, il-laqgħat tagħhom fis-Sala tas-Saltna għandhom xi aspetti simili għal dawk il-laqgħat tas-sinagoga tal-qedem. Fuq kollox, ix-Xhieda jinġemgħu bl-istess mira li dawk li jħobbu l-verità dejjem kellhom inkomuni—biex ‘jersqu qrib lejn Alla.’—Ġakbu 4:8.
[Stampa f’paġna 16, 17]
Din ir-rikostruzzjoni hi bbażata fuq pjan tas-Sinagoga Gamla tal-ewwel seklu
[Stampa f’paġna 18]
L-iskejjel tas-sinagogi għallmu lis-subien minn madwar l-età taʼ 6 snin sa 13-il sena