Ir-Raġel li Biddel id-Dinja
Ir-Raġel li Biddel id-Dinja
Biljuni taʼ nies għexu u mietu fuq din l-art. Ħafna ma ħallew ebda marka biex niftakruhom. Madankollu, ftit influwenzaw l-istorja—u x’aktarx il-ħajja tiegħek taʼ kuljum.
TQUM filgħodu u tipprepara biex titlaq għax-xogħol. Sakemm tlesti, tixgħel id-dawl. Taqbad ktieb jew rivista biex taqraha fuq tal-linja. Tiftakar tieħu l-antibijotika preskritta li qed tgħinek tiġġieled kontra xi infezzjoni. Il-ġurnata tiegħek bilkemm bdiet, u diġà bbenefikajt mill-influwenza taʼ ftit irġiel famużi.
Michael Faraday Imwieled fl-1791, dan l-espert Ingliż tal-fiżika vvinta l-mutur elettriku u d-dinamo, magna li tbiddel l-enerġija mekkanika f’enerġija elettrika. L-iskoperti u l-invenzjonijiet tiegħu għenu biex jagħmlu l-elettriċità iktar disponibbli għan-nies.
Ts’ai Lun Dan kien uffiċjal fil-qorti imperjali taċ-Ċina u ngħata l-kredtu bħala dak li żviluppa proċess li jagħmel il-karti madwar is-sena 105 E.K. li wassal għall-produzzjoni tal-karti fuq skala kbira.
Johannes Gutenberg Madwar is-sena 1450, dan l-inventur Ġermaniż żviluppa l-ewwel stamperija li tuża tipi li jiċċaqalqu. L-istamperija għamlitha possibbli biex isir stampar li ma jqumx ħafna flus, u b’hekk kien hemm aċċess għal informazzjoni dwar varjetà kbira taʼ suġġetti madwar id-dinja.
Alexander Fleming Fis-sena 1928, ir-riċerkatur Skoċċiż skopra sustanza antibijotika li semmieha penisilin. Issa l-antibijotiċi jintużaw f’ħafna postijiet biex jiġġieldu kontra infezzjonijiet tal-batterji.
Mingħajr dubju, l-iskoperti u l-invenzjonijiet taʼ ftit irġiel ippermettew lil biljuni taʼ nies biex ikollhom ċerti vantaġġi jew biex igawdu saħħa aħjar.
Madankollu, hemm raġel wieħed li jispikka fuq l-oħrajn kollha. Mhuwiex magħruf għal xi skoperta xjentifika jew għal xi żvilupp ġdid fil-mediċina. Minflok, dan ir-raġel li kellu trobbija sempliċi u li miet kważi 2,000 sena ilu ħalla messaġġ warajh—messaġġ qawwi taʼ tama u faraġ. Meta jitkejjel b’kemm il-messaġġ tiegħu effettwa l-ħajjiet tan-nies madwar id-dinja, ħafna jaqblu li verament hu r-raġel li biddel id-dinja.
Dan ir-raġel kien Ġesù Kristu. Liema messaġġ ipprietka? U dan il-messaġġ liema effett jistaʼ jkollu fuq ħajtek?