Il-Ħrejjef Kontra l-Fatti—Il-Verità Dwar Ġesù
Il-Ħrejjef Kontra l-Fatti—Il-Verità Dwar Ġesù
INT X’TAĦSEB? HUMA L-ISTQARRIJIET LI ĠEJJIN FATTI JEW ĦREJJEF?
Ġesù twieled fil-25 taʼ Diċembru.
Tliet maġi żaru lil Ġesù meta twieled.
Ġesù ma kellux ħutu.
Ġesù kien Alla, imma b’ġisem taʼ bniedem.
Ġesù kien iktar minn sempliċement raġel tajjeb.
ĦAFNA x’aktarx iwieġbu li dawn l-istqarrijiet kollha huma fatti. Oħrajn għandhom mnejn jgħidu li hu diffiċli—saħansitra impossibbli—li tkun taf fiċ-ċert. Forsi dawn iħossu li sakemm temmen b’Ġesù, it-tweġiba mhijiex daqstant importanti.
Madankollu, il-Bibbja tgħid mod ieħor. Tinkuraġġina biex ikollna “għarfien eżatt dwar il-Mulej tagħna Ġesù Kristu.” (2 Pietru 1:8) Dan l-għarfien niksbuh billi neżaminaw l-Evanġelji. Dawn jirrivelaw il-verità dwar Ġesù, u b’hekk inkunu nistgħu nisseparaw il-ħrejjef mill-fatti. Għalhekk, ejja nikkunsidraw dak li jindikaw l-Evanġelji rigward it-twemmin li ssemma hawn fuq.
TWEMMIN: Ġesù twieled fil-25 taʼ Diċembru.
FATT JEW ĦRAFA? ĦRAFA.
M’hemm ebda stqarrija diretta fil-Bibbja dwar ix-xahar jew il-ġurnata tat-twelid taʼ Ġesù. Allura, minn fejn ġiet id-data tal-25 taʼ Diċembru? Skont The Encyclopædia Britannica, xi wħud li kienu jgħidu li huma Kristjani “xtaqu li d-data taħbat mal-festa Rumana pagana li kienet timmarka . . . s-solstizju tax-xitwa, meta l-ġranet jerġgħu jibdew jitwalu u x-xemx tibda tielgħa iktar ’il fuq fis-sema.” Dan l-istess xogħol taʼ referenza jgħid li ħafna drawwiet tal-Milied oriġinaw
mill-“osservanzi pagani agrikoli u solari f’nofs ix-xitwa.”Kien Ġesù se japprova li t-twelid tiegħu jiġi ċelebrat fil-25 taʼ Diċembru? Ikkunsidra: Mhuwiex magħruf il-jum meta twieled Ġesù. L-Iskrittura mkien ma tgħidilna biex niċċelebraw dan it-twelid, u lanqas hemm xi evidenza li l-Kristjani tal-bidu ċċelebrawh. B’kuntrast, il-Bibbja tipprovdi l-jum eżatt tal-mewt taʼ Ġesù, u hu kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex josservaw dak il-jum. a (Luqa 22:19) Jidher ċar li Ġesù ma riedx li l-enfasi titpoġġa fuq it-twelid tiegħu, imma fuq il-valur tal-mewta tiegħu bħala sagrifiċċju.—Mattew 20:28.
TWEMMIN: Tliet maġi (jew slaten f’xi tradizzjonijiet) żaru lil Ġesù meta twieled.
FATT JEW ĦRAFA? ĦRAFA.
Forsi rajt xi stampi jew presepji li juru lil Ġesù bħala tarbija mimdud f’maxtura, imdawwar minn tliet maġi jġorru r-rigali. Madankollu, din ix-xena hi ħrafa, mhux fatt.
Huwa minnu li delegazzjoni mil-Lvant marret biex turi rispett għaċ-ċkejken Ġesù. Iżda dawn il-viżitaturi kienu fil-fatt astroloġi. (Mattew 2:1) U sabu huma lil Ġesù mkebbeb f’maxtura? Le; żaruh f’dar. B’mod evidenti, huma waslu xi xhur wara t-twelid taʼ Ġesù.—Mattew 2:9-11.
Inkwantu għan-numru taʼ viżitaturi, kien hemm 2? 3? 30? Il-Bibbja ma tgħidx. Forsi n-numru tradizzjonali taʼ tlieta ġie mit-tliet tipi taʼ rigali tagħhom. b (Mattew 2:11) Xi wħud saħansitra pproponew li kull wieħed mill-hekk imsejħin maġi rrappreżenta razza differenti tal-bnedmin. Imma din l-idea ma tinstabx fl-Iskrittura. Minflok, bħalma jinnota kummentarju tal-Evanġelju, din il-ħrafa partikulari ġiet ivvintata minn “storjografu tat-tmien seklu li kellu immaġinazzjoni kbira.”
TWEMMIN: Ġesù ma kellux ħutu.
FATT JEW ĦRAFA? ĦRAFA.
Il-fatt li Ġesù kellu ħutu hu indikat b’mod ċar fl-Evanġelji. L-Evanġelju taʼ Luqa jirreferi għal Ġesù bħala “l-ewwel imwieled” taʼ Marija, u dan jindika li iktar tard wildet tfal oħrajn. c (Luqa 2:7) L-Evanġelju taʼ Marku jirrapporta li xi wħud fil-belt taʼ Nazaret ittrattaw lil Ġesù daqs ħutu, u b’hekk ma qisuhx bħala xi ħaġa speċjali. Huma staqsew: “Dan mhux . . . ħu Ġakbu u Ġosè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?”—Mark 6:3, Saydon; Mattew 12:46; Ġwanni 7:5.
Minkejja dak li jgħidu l-Evanġelji, ħafna teoloġi jsostnu li Ġesù ma kellux ħutu. Xi wħud jissuġġerixxu li l-aħwa subien u bniet li għadna kif semmejna kienu attwalment il-kuġini taʼ Ġesù. d Oħrajn jispekulaw li dawn l-aħwa kienu t-tfal tar-rispett taʼ Marija. Imma kkunsidra: Jekk Ġesù kien l-uniku wild taʼ Marija, kienu dawk in-Nazarin se jgħidu dak li qalu? Għall-kuntrarju, xi wħud minnhom x’aktarx li raw b’għajnejhom stess kull tqala taʼ Marija. Huma kienu jafu personalment li Ġesù kien wieħed mill-ħafna tfal li wildet Marija.
TWEMMIN: Ġesù kien Alla, imma b’ġisem taʼ bniedem.
FATT JEW ĦRAFA? ĦRAFA.
L-idea li Alla ġie fuq l-art u għex bħala
l-bniedem Ġesù, li hi l-qofol tad-duttrina tat-Trinità, ilha teżisti żmien twil—imma ma tmurx lura sa żmien Ġesù. Minflok, The Encyclopædia Britannica tosserva: “La l-kelma Trinità u lanqas id-duttrina espliċita ma jidhru fit-Testment il-Ġdid . . . Id-duttrina żviluppat bil-mod il-mod matul diversi sekli u b’ħafna kontroversji.”Fil-fatt, ir-reliġjon tbaxxi lil Ġesù meta tgħallem li hu kien Alla b’ġisem taʼ bniedem. e Kif? Ikkunsidra tixbiha. Xi ħaddiema jitolbu xi ħaġa mingħand dak taʼ fuqhom, imma hu jgħid li m’għandux l-awtorità li jagħtihielhom. Jekk l-istqarrija tiegħu hi vera, dak taʼ fuqhom ikun wera b’mod għaqli li hu konxju tal-limitazzjonijiet tiegħu. Jekk mhix vera—jekk jistaʼ jagħtihielhom imma jagħżel sempliċement li ma jagħtihilhomx—hu jkun qarraq bihom.
Issa Ġesù kif wieġeb meta tnejn mill-appostli tiegħu xtaqu pożizzjonijiet taʼ prominenza? Hu qalilhom: “Li toqogħdu bil-qiegħda fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħi ma nistax nagħtih jien, imma hu taʼ dawk li tħejja għalihom minn Missieri.” (Mattew 20:23) Kieku Ġesù kien tassew Alla, ma kinitx tkun gidba din? Minflok, billi ħalla f’idejn Dak li għandu awtorità akbar, Ġesù ħalla eżempju mill-isbaħ fil-modestja—u wera li ma kienx daqs Alla.
TWEMMIN: Ġesù kien iktar minn sempliċement raġel tajjeb.
FATT JEW ĦRAFA? FATT.
Ġesù stqarr b’mod ċar li hu kien iktar minn raġel tajjeb. Hu qal: “Jien l-Iben t’Alla.” (Ġwanni 10:36) M’għandniex xi ngħidu, kulħadd jistaʼ jsostni li hu l-Iben t’Alla. Imma kieku dak li sostna Ġesù kien falz, x’kien juri li hu? Tabilħaqq, mhux raġel tajjeb, imma impustur kbir!
L-iktar xhieda taʼ min joqgħod fuqha ġiet mingħand Alla nnifsu. Hu qal darbtejn dwar Ġesù: “Dan hu Ibni.” (Mattew 3:17; 17:5) Aħseb ftit: L-Iskrittura tirrapporta ftit biss okkażjonijiet meta leħen Alla stess instemaʼ fuq l-art—madankollu, fi tnejn minnhom iddikjara li Ġesù kien Ibnu! Din hi verament l-aqwa prova li Ġesù kien dak li qal li kien.
Kixef dan l-artiklu xi fatti dwar Ġesù li ma kontx tafhom qabel? Jekk iva, għala ma tkomplix teżamina l-Evanġelji ispirati? Studju bħal dan jistaʼ jkun kemm pjaċevoli u kemm premjanti. Wara kollox, Ġesù nnifsu qal illi li wieħed jitgħallem il-verità dwaru u dwar Missieru ‘jfisser ħajja taʼ dejjem.’—Ġwanni 17:3.
[Noti taʼ taħt]
a Ġesù miet f’Jum il-Qbiż, jew l-14 taʼ Nisan, skont il-kalendarju Lhudi.—Mattew 26:2.
b Mattew jirrapporta li l-barranin “fetħu . . . t-teżori tagħhom” u lil Ġesù tawh deheb, inċens, u mirra. Taʼ interess, dawn ir-rigali li jqumu l-flus għandhom mnejn ġew fil-ħin eżatt, ladarba l-familja taʼ Ġesù—b’mod evidenti taʼ ftit mezzi—malajr ġew sforzati jaħarbu bħala refuġjati.—Mattew 2:11-15.
c Waqt li t-tnissil taʼ Ġesù kien mirakoluż, il-bqija taʼ wliedha, Marija nisslithom b’mod naturali maʼ żewġha, Ġużeppi.—Mattew 1:25.
d Din l-idea, li Ġirolmu sostna madwar is-sena 383 E.K., hi popolari fost dawk li jemmnu li Marija baqgħet verġni tul ħajjitha kollha. Ġirolmu iktar tard esprima xi dubji dwar it-teorija tiegħu, imma fil-moħħ taʼ ħafna—u fil-pożizzjoni uffiċjali tal-Knisja Kattolika—dan il-ħsieb jippersisti.
e Għal diskussjoni sħiħa dwar id-duttrina tat-Trinità, ara l-browxer Għandek Int Temmen fit-Trinità? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 14]
Fatti Oħrajn li Jistgħu Jissorprenduk
Ġesù kif kien bħala persuna? Kien hu tant riġidu, tant indifferenti u maqtugħ għalih waħdu, li ma setax jifhem lin-nies komuni? Xi wħud għandhom mnejn iwieġbu iva. Forsi hu għalhekk li jissorprendu ruħhom meta jsiru jafu li Ġesù . . .
• attenda okkażjonijiet soċjali taʼ ferħ.—Ġwanni 2:1-11.
• ta kommendazzjoni.—Marku 14:6-9.
• kien igawdi l-kumpanija tat-tfal.—Marku 10:13, 14.
• beka fil-beraħ.—Ġwanni 11:35.
• ħass mogħdrija.—Marku 1:40, 41.