Ġesù Kristu—Kif il-Messaġġ Tiegħu Jeffettwak
Ġesù Kristu—Kif il-Messaġġ Tiegħu Jeffettwak
“Jien ġejt biex ikollhom il-ħajja, ħajja bl-abbundanza.” —ĠWANNI 10:10.
ĠESU KRISTU ġie primarjament fuq l-art biex jagħti u mhux biex jirċievi. Permezz tal-ministeru tiegħu, hu ta rigal imprezzabbli lill-umanità—messaġġ li jirrivela l-verità dwar Alla u r-rieda Tiegħu. Dawk li jwieġbu għal dan il-messaġġ jistgħu jgawdu ħajja aħjar issa, bħalma jistgħu jixhdu miljuni taʼ Kristjani veri. a Imma fil-qalba tal-messaġġ li pprietka Ġesù hemm l-iktar rigal prezzjuż—il-ħajja perfetta li hu ta għan-nom tagħna. Il-benesseri etern tagħna jiddependi minn kif inwieġbu għal dan l-aspett fundamentali tal-messaġġ tiegħu.
Dak li taw Alla u Kristu Ġesù kien jaf li hu kien se jmut mewta taʼ wġigħ f’idejn l-għedewwa tiegħu. (Mattew 20:17-19) Madankollu, fil-kliem tiegħu li hu magħruf sew u li nsibu fi Ġwanni 3:16, hu qal: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” Ġesù qal ukoll li hu ġie biex “jagħti ruħu [jew, ħajtu] b’fidwa għal ħafna.” (Mattew 20:28) Għala qal li ħajtu kienet se tingħata minflok ma tittieħed?
Imqanqal minn imħabba li ma titqabbel ma xejn, Alla għamel provvediment biex il-bnedmin jinħelsu mid-dnub li wirtu u mill-konsegwenzi tiegħu—l-imperfezzjoni u l-mewt. Alla għamel dan billi bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fuq l-art biex imut mewta taʼ sagrifiċċju. Ġesù obda minn jeddu, billi ta l-ħajja umana perfetta tiegħu għan-nom tagħna. Dan il-provvediment, imsejjaħ il-fidwa, hu l-aqwa rigal mingħand Alla lill-bnedmin. b Huwa rigal li jistaʼ jwassal għall-ħajja taʼ dejjem.
X’hemm bżonn li tagħmel Hija l-fidwa rigal għalik personalment? Dan jiddependi minnek. Biex nagħtu eżempju: Immaġina li xi ħadd għandu f’idejh rigal għalik. Fil-fatt, dan ma jsirx ir-rigal tiegħek qabel ma tiftaħ idejk u taċċettah. B’mod simili, Ġeħova jestendi l-fidwa lilek, imma dan ir-rigal mhuwiex tiegħek personalment jekk ma tiftaħx idejk u taċċettah. Kif?
Ġesù qal li huma dawk li ‘jeżerċitaw il-fidi’ fih li se jirċievu l-ħajja taʼ dejjem. Il-fidi tinvolvi l-mod kif int tgħix ħajtek. (Ġakbu 2:26) Li teżerċita l-fidi f’Ġesù jfisser li ġġib ħajtek fi qbil mal-affarijiet li hu qal u għamel. Biex tagħmel dan, trid tkun taf lil Ġesù u lil Missieru tajjeb. “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan,” qal Ġesù, “li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.
Xi 2,000 sena ilu, Ġesù Kristu xandar messaġġ li biddel il-ħajjiet taʼ miljuni taʼ nies madwar id-dinja. Tixtieq tkun taf iktar dwar dan il-messaġġ u dwar kif int u l-maħbubin tiegħek tistgħu tibbenefikaw minnu, mhux biss issa, imma wkoll għal dejjem? Ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma lesti li jgħinuk.
L-artikli taʼ wara dan se jagħmluk iktar midħla taʼ Ġesù Kristu, ir-raġel li pprietka messaġġ li jistaʼ jbiddillek ħajtek għal dejjem.
[Noti taʼ taħt]
a Mhux kull min isostni li hu Kristjan hu segwaċi ġenwin taʼ Kristu. Is-segwaċi veri taʼ Ġesù huma dawk li jgħixu fi qbil mal-veritajiet li hu għallem dwar Alla u r-rieda Tiegħu.—Mattew 7:21-23.
b Għal iktar informazzjoni dwar it-tagħlim Skritturali tal-fidwa, ara kapitlu 5, “Il-Fidwa—L-Aqwa Rigal Mingħand Alla,” tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.