Jerġaʼ Jinstab Teżor Bibliku
Jerġaʼ Jinstab Teżor Bibliku
ĦAFNA sekli ilu, il-materjali għall-kitba ma kinux disponibbli faċilment daqs illum. Biċċiet tal-parċmina u materjali oħrajn kienu jerġgħu jintużaw billi kienet titneħħa l-linka tal-kitbiet, permezz tal-ħasil jew il-brix, meta ma jkunux għadhom meħtiġin. Ir-riżultat huwa magħruf bħala palinsest, kelma meħuda mill-Grieg li tfisser “mibrux għal darb’oħra.” Anki versi Bibliċi kienu jinbarxu biex jitneħħew minn fuq parċmina fina ħalli terġaʼ tintuża biex titniżżel bil-miktub informazzjoni oħra.
Palinsest tal-Bibbja importanti hu l-Kodiċi taʼ Efrajm is-Sirjan li hu reskritt, li tfisser “miktub fuq.” Dan il-kodiċi hu tassew taʼ valur għax hu wieħed mill-eqdem kopji li jeżistu taʼ siltiet mill-Iskrittura Griega Kristjana. Minħabba f’hekk, hu wieħed mill-aqwa sorsi biex tiġi stabbilita l-eżattezza taʼ din il-parti tal-Kelma t’Alla.
Il-kitbiet Skritturali li nkitbu oriġinalment fuq dan il-kodiċi tal-ħames seklu kienu tneħħew fis-seklu 12 E.K. u fuqhom inkitbet traduzzjoni Griega taʼ 38 prietka taʼ Efrajm, l-istudjuż Sirjan. Fl-aħħar tas-seklu 17, l-esperti għall-ewwel darba nnotaw il-kitbiet Bibliċi li kienu miktubin taħt il-prietki. Fis-snin taʼ wara, irnexxielhom jaqraw ftit mill-kitbiet oriġinali li kienu fuq il-manuskritt. Madankollu, kien tassew diffiċli għalihom li jaqrawhom kollha minħabba li l-linka mħassra bilkemm kienet tidher u tingħaraf, ħafna mill-paġni kienu mtertqin, u ż-żewġ kitbiet kienu miktubin fuq xulxin. Huma użaw il-kimiki fuq il-manuskritti biex jipprovaw jagħmlu l-kitbiet Bibliċi jispikkaw ħalli jkunu jistgħu jaqrawhom—imma ma tantx irnexxielhom. Ħafna mill-istudjużi għalhekk ikkonkludew li ma setgħux isalvaw il-materjal imħassar kollu kemm hu.
Kmieni fis-snin 40 tas-seklu 17, Konstantin von Tischendorf, studjuż tal-lingwa tas-sengħa mill-Ġermanja, ħadem iebes biex jistudja l-kodiċi. Tischendorf qattaʼ sentejn jaqra u jfisser il-manuskritt. X’għenu jirnexxi fejn oħrajn ma rnexxilhomx?
Tischendorf kellu fehma eżatta tal-kitba unċjali Griega—li tikkonsisti f’ittri kapitali kbar mhux magħqudin flimkien. a Minħabba li kellu vista tajba, hu skopra li billi sempliċement iżomm il-parċmina quddiem id-dawl hu setaʼ jaqra l-kitba oriġinali. Biex jagħmlu xogħol simili llum, l-istudjużi jużaw l-għajnuniet viżwali bħad-dawl infrared, ultravjola, u polarizzat.
Tischendorf ippubblika dak li sab jew irnexxielu jaqra mill-Kodiċi taʼ Efrajm fis-sena 1843 u 1845. Minħabba f’hekk, kiseb ir-reputazzjoni bħala wieħed minn taʼ quddiem fil-paleografija (li tfisser studju tal-kitbiet tal-qedem) Griega.
Id-daqs tal-Kodiċi taʼ Efrajm hu taʼ xi 31 ċentimetru bi 23 ċentimetru, u dan hu l-eqdem eżempju taʼ manuskritt li fih kolonna waħda biss taʼ kitba f’kull paġna. Mill-209 paġni li għadhom jeżistu, 145 minnhom huma siltiet mill-kotba kollha tal-Iskrittura Griega Kristjana minbarra t-2 Tessalonikin u t-2 Ġwanni. Il-bqija tal-paġni fihom traduzzjoni bil-Grieg taʼ partijiet mill-Iskrittura Ebrajka.
Illum, dan il-kodiċi jinżamm fil-Librerija Nazzjonali f’Pariġi, Franza. Ħadd ma jaf minn fejn oriġina l-manuskritt, għalkemm Tischendorf kien jaħseb li ġej mill-Eġittu. L-istudjużi jqisu l-Kodiċi taʼ Efrajm bħala wieħed minn grupp taʼ erbaʼ manuskritti unċjali importanti tal-Bibbja Griega. It-tlieta l-oħra huma l-manuskritt Sinajtiku, dak Alessandrin, u dak tal-Vatikan bin-numru 1209, li lkoll inkitbu fir-rabaʼ u l-ħames seklu E.K.
Il-messaġġ tal-Iskrittura Mqaddsa ġie preservat għalina b’mod taʼ min jammirah u f’ħafna forom, inkluż fil-forma taʼ palinsest. Għalkemm f’dan il-każ individwu li ma japprezzax ipprova jħassar is-siltiet Bibliċi, il-messaġġ ġie preservat. Dan jaċċertana iktar dwar il-verità tal-kliem tal-appostlu Pietru, meta qal: “Il-kelma taʼ Ġeħova tibqaʼ għal dejjem.”—1 Pietru 1:25.
[Nota taʼ taħt]
a Tischendorf hu l-iktar magħruf għas-sejba taʼ traduzzjoni Griega tal-Iskrittura Ebrajka li hi fost l-eqdem li qatt instabu. Din instabet fil-Monasterju taʼ Santa Katerina li jinsab taħt il-Muntanja Sinaj. Il-manuskritt hu magħruf bħala l-Kodiċi Sinajtiku.
[Diagramma/Stampa f’paġna 10]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara l-pubblikazzjoni)
Il-Kodiċi reskritt taʼ Efrajm is-Sirjan, palinsest importanti mfisser minn Tischendorf (1815-1874)
KITBIET SKRITTURALI ORIĠINALI
IL-KLIEM TAʼ PRIETKA GRIEGA MIKTUB FUQ IL-KITBIET ORIĠINALI
[Sors]
© Bibliothèque nationale de France
[Stampa f’paġna 11]
Il-Kodiċi Sinajtiku, misjub fil-Monasterju taʼ Santa Katerina
[Stampa f’paġna 11]
Tischendorf