Ir-Rabaʼ Ħrafa: Alla Hu Trinità
Kif bdiet il-ħrafa?
“Wieħed jistaʼ jkollu l-impressjoni li d-domma tat-Trinità hi fl-aħħar mill-aħħar konċett ivvintat lejn l-aħħar tar-rabaʼ seklu. F’ċertu sens, dan hu minnu . . . L-idea li fformat t’‘Alla wieħed fi tliet Persuni’ ma kinitx stabbilita fis-sod, u żgur li ma daħlitx għalkollox fil-ħajja Kristjana u fil-fidi tagħha, qabel it-tmiem tar-rabaʼ seklu.”—New Catholic Encyclopedia (1967), Volume 14, paġna 299.
“Il-konċilju taʼ Niċea ltaqaʼ fl-20 taʼ Mejju, 325 [E.K.]. Kostantinu nnifsu mexxa, billi ggwida b’mod attiv id-diskussjonijiet, u ppropona personalment . . . il-formula kruċjali li tesprimi r-relazzjoni taʼ Kristu m’Alla fil-kredu maħruġ mill-konċilju, dik ‘taʼ sustanza waħda mal-Missier.’ . . . Minħabba r-rispett u l-biżaʼ li kellhom mill-imperatur, l-isqfijiet, minbarra tnejn, iffirmaw il-kredu, avolja ħafna minnhom għamlu dan kontra qalbhom.”—Encyclopædia Britannica (1970), Volume 6, paġna 386.
Il-Bibbja x’tgħid?
“[Stiefnu], mimli bl-Ispirtu s-Santu u b’għajnejh fis-sema, ra l-glorja taʼ Alla u lil Ġesù qiegħed fuq il-lemin taʼ Alla. U qal: ‘Ara, qiegħed nara s-sema miftuħ u lil Bin il-bniedem fil-lemin taʼ Alla.’”—Atti 7:55, 56, Għaqda Biblika Maltija.
Din il-viżjoni xi rrivelat? Mimli bil-forza attiva t’Alla, Stiefnu ra lil Ġesù “fuq il-lemin taʼ Alla.” Allura, jidher ċar li Ġesù ma sarx Alla wara li ġie rxoxtat lejn is-sema imma, minflok, sar ħliqa spirtu distinta. Ma tissemma ebda tielet persuna ħdejn Alla f’dan ir-rakkont. Minkejja li saru xi attentati biex jinstabu xi siltiet mill-Iskrittura li jappoġġaw id-domma tat-Trinità, Marie-Émile Boismard, qassis Dumnikan, kiteb fil-ktieb tiegħu À l’aube du christianisme—La naissance des dogmes (Fiż-Żerniq tal-Kristjanità—It-Twelid tad-Dommi): “L-istqarrija li hemm tliet persuni f’Alla wieħed . . . ma tinstab imkien fit-Testment il-Ġdid.”
Id-domma li Kostantinu mexxa ’l quddiem kienet intenzjonata li ttemm in-nuqqas taʼ qbil fil-Knisja tar-rabaʼ seklu. Madankollu, fil-fatt qajmet kwistjoni oħra: Kienet Marija, il-mara li wildet lil Ġesù, “Omm Alla”?
Qabbel dawn il-versi Bibliċi: Mattew 26:39; Ġwanni 14:28; 1 Korintin 15:27, 28; Kolossin 1:15, 16
FATT:
Id-domma tat-Trinità hija konċett ivvintat lejn l-aħħar tar-rabaʼ seklu