Sabuha l-Arka taʼ Noè?
KULTANT donnu jkun jidher li hemm ħafna pubbliċità dwar it-tfittxija għall-arka taʼ Noè. Wieħed jistaʼ jifhem għala dan l-eċċitament kollu. Il-bastiment ġgantesk li fih Noè u l-familja tiegħu baqgħu ħajjin wara d-Dilluvju lura fl-2370-2369 Q.E.K. ċertament li jkun skoperta arkeoloġika meraviljuża. Iżda, minkejja ħafna sforzi, it-tfittxija għall-arka taʼ Noè għadha sejra. Fost l-ispekulazzjoni u l-istqarrijiet sensazzjonali kollha, x’inhu magħruf attwalment?
Il-Bibbja tirrivela li l-arka taʼ Noè “straħet fuq il-muntanji t’Ararat.” (Ġenesi 8:4) Ir-reġjun t’Ararat jinkludi l-quċċata prominenti li issa tissejjaħ il-Muntanja Ararat fil-Lvant tat-Turkija, qrib il-fruntieri tal-Armenja u tal-Iran.
Għadd taʼ spedizzjonijiet lejn dawn l-inħawi biex tinstab l-arka taʼ Noè wasslu għal stqarrijiet interessanti imma mhux għal prova konklużiva. Ritratti affaxxinanti mill-ajru, biċċiet tal-injam miksijin bil-qatran li nstabu, u rapporti li ntlemħet qanqlu t-tfittxija għal prova li hi iktar tanġibbli. Madankollu, it-tfittxija hi diffiċli. Post possibbli li spiss jissemma qiegħed xi 4,600 metru ’l fuq mal-ġnub tal-Muntanja Ararat. Iżjed minn hekk, minħabba t-tensjonijiet politiċi li hemm f’dawk l-inħawi, spedizzjonijiet barranin mhux dejjem jingħataw aċċess legali biex jitilgħu fuq il-muntanja.
Minkejja dan, ħafna entużjasti dwar l-arka huma ħerqanin biex jaraw li jsiru iktar spedizzjonijiet lejn dan il-post. Huma jemmnu li partijiet mill-arka għadhom mhumiex mimsusin fuq il-Muntanja Ararat, li l-quċċata tagħha tkun miksija bis-silġ u li tinħeba taħt il-borra u s-silġ fil-biċċa l-kbira mis-sena. Huma jsostnu li huwa biss fis-snin bi sjuf sħan li jkun hemm xi tama li jaraw l-arka u jaslu sa ħdejha.
Tamiet bħal dawn ġew inkuraġġiti minn għadd taʼ rapporti. Ġużeppi Flavju, storjografu Lhudi tal-ewwel seklu E.K., jirreferi għal diversi storjografi iktar bikrin li qalu li l-arka kienet għadha tidher fl-għoli fil-muntanji tal-Ararat. Intqal ukoll li n-nies kienu jieħdu bħala suvenirs biċċiet mill-injam tagħha miksi bil-qatran. Fost l-irġiel kwotati minn Ġużeppi Flavju kien hemm Berossu, kronista Babiloniż tat-tielet seklu Q.E.K.
Fis-seklu li għadda, wieħed mir-rapporti iktar affaxxinanti ġie minn raġel Armenjan, George Hagopian. Dan tkellem dwar li meta kien tifel żar l-arka maʼ zijuh kmieni fis-seklu 20 u attwalment telaʼ fuq l-istruttura. Hagopian miet fl-1972, imma t-testimonjanza tiegħu għadha timla lil ħafna bl-eċċitament u bl-istagħġib.
Bażi Reali għall-Fidi?
Hemm tassew bażi biex nemmnu li l-esploraturi skoprew l-arka jew għad forsi jiskopruha? Jistaʼ jkun, imma donnu jidher li hemm saħansitra iktar bażi għal xettiċiżmu dwar sejba bħal din. L-ewwel nett, ftakar li l-Bibbja ma tgħidx eżatt fejn straħet l-arka hekk kif
l-ilmijiet tad-dilluvju bdew jonqsu. Sempliċement issemmi “l-muntanji t’Ararat.”Hija biss ħaġa naturali li l-esploraturi u l-ispekulaturi jippontaw lejn l-ogħla quċċata fir-reġjun. Madankollu, l-Iskrittura ma tispeċifikax li Alla rranġa biex l-arka tistrieħ fuq il-quċċata nett tal-Muntanja Ararat, li llum hija quċċata għolja u kiesħa silġ kważi 5 kilometri ’l fuq mil-livell tal-baħar. a Ftakar, Noè u l-familja tiegħu għexu fl-arka għal diversi xhur wara li straħet. (Ġenesi 8:4, 5) Ukoll, ma tantx jidher li hu probabbli li wara li ħarġu mill-arka huma u l-ħafna annimali li kienu abbord kellhom jixxabbtu biex jinżlu minn quċċata t’għoli impressjonanti bħal dawk li jitilgħu u jinżlu mal-muntanji. Mela, forsi l-medda art fejn straħet l-arka kienet iktar aċċessibbli milli jimmaġinaw xi esploraturi taʼ żmienna, u madankollu xorta għolja biżżejjed biex tixraq id-deskrizzjoni li hemm f’Ġenesi 8:4, 5. U straħet fejn straħet l-arka fir-reġjun tal-Ararat, ma setgħetx sparixxiet sekli ilu minħabba t-tmermir u s-serq taʼ biċċiet minnha matul iż-żmien?
Barra minn hekk, hemm xi ħaġa dubjuża f’dak li jsostnu kultant il-pubbliċisti dwar li l-esplorazzjonijiet tagħhom għandhom importanza reliġjuża. L-organizzatur taʼ spedizzjoni sostna li s-sejba tal-arka “tikkonferma l-fidi taʼ miljuni . . . u ħafna mbagħad se jkollhom il-fidi.” F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-2004, hu qal li s-sejba tal-arka tkun “l-akbar ġrajja mill-irxoxt taʼ Kristu ’l hawn.” Iktar tard, l-esplorazzjoni tiegħu ġiet kanċellata.
Sejra s-sejba tal-arka taʼ Noè tassew tikkonferma l-fidi u saħansitra toħloqha? Il-Bibbja turi li l-fidi ġenwina ma tiddependix mill-oġġetti li nistgħu naraw u mmissu. (2 Korintin 5:7) Xi nies tant huma xettiċi li jinsistu li l-evidenza fiżika biss tistaʼ tgħinhom ipoġġu l-fidi tagħhom f’ċerti rakkonti Bibliċi. Iżda, il-verità hi li għal dawn l-individwi ebda ammont t’evidenza ma jipproduċi l-fidi. Ġesù nnifsu qal li xi nies sempliċement ma jistgħux jiġu konvinti dwar veritajiet spiritwali—lanqas jekk jaraw lil xi ħadd iqum mill-imwiet!—Luqa 16:31.
Mill-banda l-oħra, il-fidi ġenwina ma tfissirx li wieħed jiblaʼ kollox; hi bbażata fuq evidenza solida. (Ebrej 11:1) Hemm illum evidenza solida li tistaʼ tgħin lil nies raġunevoli jpoġġu l-fidi tagħhom fir-rakkont Bibliku dwar id-Dilluvju? Dażgur li hemm. Ġesù Kristu stqarr b’mod ċar: “Noè daħal fl-arka, u wasal id-dilluvju.” (Luqa 17:26, 27) Din hi l-aqwa evidenza li jistaʼ jkollna. Għala?
Ġesù kien fis-sema qabel ma ġie fuq l-art. (Ġwanni 8:58) Hu ra l-arka tinbena; ra d-Dilluvju. Issa, liema evidenza tidher li tikkonvinċik l-iktar? It-testimonjanza reali tal-Wieħed li ra b’għajnejh u li wera b’mod perfett li hu taʼ min joqgħod fuqu u li ta prova li hu l-Iben t’Alla? Jew il-possibbiltà remota tal-esploraturi li jsibu xi biċċiet tal-injam antiki fuq xi quċċata taʼ muntanja friżata? Meta tiġi kunsidrata minn dan il-lat, l-evidenza li l-arka taʼ Noè kienet teżisti hi diġà kbira ferm.
[Nota taʼ taħt]
a Il-muntanja li llum tissejjaħ il-Muntanja Ararat hi vulkan li ilu inattiv mill-1840. Għandha għoli taʼ 5,165 metru u tkun miksija bis-silġ is-sena kollha.
[Kumment f’paġna 13]
Hemm evidenza solida li tikkonferma r-rakkont Bibliku dwar id-Dilluvju?
[Kumment f’paġna 14]
Ġesù Kristu stqarr b’mod ċar: “Noè daħal fl-arka, u wasal id-dilluvju”