Il-Ġwejdin Huma Prezzjużi Għal Ġeħova
Ersaq Qrib Lejn Alla
IL-KBURIJA, l-għira, l-ambizzjoni. Karatteristiki bħal dawn huma komuni fost dawk li jirnexxu f’din id-dinja. Imma se jressquna qrib lejn Alla Ġeħova karatteristiki bħal dawn? Għall-kuntrarju, Ġeħova japprezza lil min ikun ġwejjed fost l-aduraturi tiegħu. Dan jidher ċar mir-rakkont misjub fil-ktieb tan-Numri, kapitlu 12. Il-post hu x-xagħri tas-Sinaj, wara l-ħelsien taʼ Israel mill-Eġittu.
Mirjam u Aron, ħut Mosè akbar minnu, “bdew jitkellmu kontra” ħuhom iżgħar minnhom. (Vers 1) Minflok ma sempliċement tkellmu maʼ Mosè, huma tkellmu kontra tiegħu, x’aktarx billi gergru m’oħrajn fil-kamp. Mirjam, li tissemma l-ewwel, milli jidher bdiet hi. L-ewwel raġuni għat-tgergir kienet li Mosè kien iżżewweġ mara Kusija. Kienet Mirjam għajjura għax ma kinitx se tingħata attenzjoni daqs din il-mara l-oħra—li fuq kollox ma kinitx Israelija?
Ir-raġunijiet għat-tgergir daħlu iżjed ’il ġewwa. Mirjam u Aron baqgħu jgħidu: “Jaqaw Ġeħova tkellem permezz taʼ Mosè biss? Mhux permezz tagħna wkoll tkellem?” (Vers 2) Kien il-motiv veru wara t-tgergir xi xewqa għal iktar awtorità u rikonoxximent?
Fir-rakkont, Mosè ma wiġibx hu għat-tgergir. Biċ-ċar, hu ssaporta l-abbuż bil-kwiet. Il-fatt li kien paċenzjuż u ma gergirx afferma d-deskrizzjoni tiegħu fil-Bibbja bħala “l-iktar ġwejjed mill-bnedmin kollha” fuq l-art. a (Vers 3) Mosè ma kellux għalfejn jiddefendi ruħu. Ġeħova kien qed jismaʼ u qabeż għal Mosè.
Ġeħova qies it-tgergir tagħhom daqslikieku sar kontrih. Wara kollox, kien hu li kien ħatar lil Mosè. Filwaqt li ċanfar lil dawk li gergru, Alla fakkarhom li hu kellu relazzjoni unika maʼ Mosè: “Wiċċ imbwiċċ inkellmu.” Ġeħova mbagħad staqsa lil Mirjam u lil Aron: “Allura, għala ma bżajtux titkellmu kontra . . . Mosè?” (Vers 8) Billi tkellmu kontra Mosè, huma kienu attwalment ħatja li tkellmu kontra Alla. Għal dan id-diżrispett sfaċċat, huma kellhom jesperjenzaw ir-rabja taʼ Ġeħova.
Mirjam, li jidher ċar li kienet ix-xewwiexa, intlaqtet bil-ġdiem. Aron malajr talab bil-ħniena lil Mosè biex jinterċedi għaliha. Immaġina ftit—il-fejqan taʼ Mirjam kien issa jiddependi mill-interċessjoni tal-wieħed li kienu gergru kontrih! Mosè bl-umiltà għamel dak li ntalab jagħmel. Għall-ewwel darba f’dan ir-rakkont, Mosè tkellem u talab bil-ħrara lil Ġeħova għan-nom t’oħtu. Mirjam tfejqet, iżda kellha tissaporti l-mistħija taʼ sebat ijiem kwarantina.
Dan ir-rakkont jagħtina d-dehen fil-kwalitajiet li Ġeħova japprezza u l-karatteristiki li hu kontra tagħhom. Jekk irridu nersqu qrib lejn Alla, irridu nissieltu biex inqaċċtu ’l barra xi traċċi taʼ kburija, għira, u ambizzjoni li naraw fina. Huma l-ġwejdin li Ġeħova jħobb. Hu jwiegħed: “Il-ġwejdin se jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.”—Salm 37:11; Ġakbu 4:6.
[Nota taʼ taħt]
a Meta bniedem ikun ġwejjed ikollu kwalità soda li tgħinu jissaporti l-inġustizzja bil-paċenzja u mingħajr ma jpatti.