L-Irwol taʼ Marija fl-Iskop t’Alla
MATUL il-ministeru taʼ Ġesù, waħda mara għolliet leħinha iktar mill-istorbju tal-folla u għajtet: “Hieni l-ġuf li ġarrek u s-sider li rdajt!” Kieku Ġesù ried li ommu tiġi meqjuma, hawn kellu opportunità tad-deheb biex jirrikkmanda din il-forma taʼ devozzjoni. Minflok, hu wieġeb: “Le, pjuttost, Henjin dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jħarsuha!”—Luqa 11:27, 28.
Ġesù la ta lil ommu xi unuri speċjali u lanqas qatt ma qal lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dan. Dan kif jaqbel mal-qima li ħafna wħud sinċieri jagħtu lil Marija? Ejja nikkunsidraw x’tgħid il-Bibbja rigward it-tagħlim popolari dwar omm Ġesù.
“Mimlija Grazzja,” “Mbierka . . . Fost in-Nisa”
L-anġlu Gabrijel qal lil Marija x’se jkun l-irwol tagħha fl-iskop t’Alla. F’dik l-okkażjoni, hu sellmilha billi qalilha: “Is-sliem għalik, int li ġejt favorita bil-kbir, Ġeħova miegħek.” (Luqa 1:28) Mod ieħor kif tiġi tradotta din it-tislima hi: “Is-sliem għalik, mimlija grazzja, il-Mulej miegħek.” Ftit wara dan, Eliżabetta sellmet lil Marija bil-kliem: “Imbierka int fost in-nisa, u mbierek il-frott taʼ ġufek!” (Luqa 1:42) Ma jindikawx dawn il-frażijiet li għandha tingħata qima speċjali lil Marija?
Fir-realtà, le. Għalkemm dan il-kliem qiegħed imdaħħal f’talba li l-Kattoliċi jindirizzawha lil Marija, il-Bibbja nfisha Mattew 6:9.
ma tagħti l-ebda ġustifikazzjoni biex nitolbu lilha. Gabrijel u Eliżabetta għarfu l-privileġġ taʼ l-għaġeb li kellha Marija bħala l-waħda li se tiled il-Messija, imma l-ħsieb li jitolbu lilha m’huwiex fl-Iskrittura. Għall-kuntrarju, meta d-dixxipli taʼ Ġesù staqsewh biex jgħallimhom jitolbu, hu wriehom li t-talb għandu jiġi indirizzat lil Missieru. Fil-fatt, it-talba mudell famuża taʼ Ġesù tibda bil-kliem: “Missierna fis-smewwiet.”—Fost il-Ħakkiema
Tagħlim ieħor komuni dwar Marija hu li issa hi “r-Reġina tas-sema.” Il-Bibbja qatt ma tagħtiha titlu bħal dan. Madankollu, din turi li hi tokkupa post speċjali fl-arranġament t’Alla fis-sema. X’post hu dan?
Ġesù indika li xi wħud mid-dixxipli leali tiegħu kienu se jaħkmu miegħu f’Saltnatu. (Luqa 22:28-30) Lil dawn l-uħud magħżulin Ġesù se jagħtihom l-awtorità biex iservu bħala “qassisin għal Alla tagħna u se jsaltnu għal fuq l-art.” (Rivelazzjoni 5:10) Il-Bibbja b’mod ċar twassalna għall-konklużjoni li Marija hi fost dawk li ngħataw dan l-unur kbir. Kif nistgħu ngħidu dan?
Int forsi tiftakar li wara l-mewt taʼ Ġesù, Marija kienet ‘tippersisti fit-talb’ flimkien mad-dixxipli taʼ Ġesù u ħutu. Madwar 120 minnhom iltaqgħu għal dan l-għan, inkluż “xi nisa.” (Atti 1:12-15) Il-Bibbja tgħid li “f’jum il-festa taʼ Pentekoste, kienu lkoll flimkien fl-istess post” meta l-ispirtu qaddis t’Alla ssawwab fuqhom, u tahom l-abbiltà li jitkellmu lingwi barranin.—Atti 2:1-4.
Il-fatt li Marija kienet fost dawk li ġew imberkin b’dan il-mod juri li hi u n-nisa l-oħrajn li rċivew l-ispirtu qaddis kienu magħżulin biex ikunu parti mis-Saltna tas-sema taʼ Ġesù. Għalhekk, għandna kull raġuni biex nemmnu li Marija issa qiegħda maʼ Ġesù fil-glorja tas-sema. (Rumani 8:14-17) Ikkunsidra xi privileġġi li hi u l-ħakkiema l-oħrajn imseħbin maʼ Kristu se jkollhom fit-twettiq taʼ l-iskopijiet t’Alla.
Iġibu Barkiet Meraviljużi lill-Umanità
Il-ktieb Bibliku tar-Rivelazzjoni jgħid li 144,000 individwu se jiġu rxoxtati għall-glorja fis-sema biex jaqdu flimkien maʼ Ġesù bħala qassisin, imħallfin, u slaten. (Rivelazzjoni 14:1, 4; 20:4, 6) Bħala qassisin, huma se jkollhom sehem f’li japplikaw il-benefiċċji tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù għall-umanità ubbidjenti kollha, u jwassluha għall-perfezzjoni spiritwali, morali, u fiżika. (Rivelazzjoni 21:1-4) Xi privileġġ se jkun għall-qaddejja leali kollha taʼ Ġeħova li jaraw dan iż-żmien taʼ l-għaġeb! a
Marija kellha u għad għandha sehem fit-twettiq taʼ l-iskopijiet taʼ Ġeħova. Hi jistħoqqilha li nimitawha għall-umiltà, il-fidi, l-ubbidjenza, u d-devozzjoni tagħha bħala omm, biex ma nsemmux is-sabar tagħha taħt prova. Ladarba wildet il-Messija u għandha sehem f’li tqassam il-benefiċċji tal-fidwa lill-umanità, hi għandha tiġi rispettata bil-kbir.
Madankollu, l-iktar lezzjoni importanti li nitgħallmu minn Marija hi li, flimkien mal-qaddejja leali kollha t’Alla, hi tqim lil Ġeħova u lil ebda alla ieħor. Marija, flimkien mal-ħakkiema l-oħrajn imseħbin maʼ Kristu fis-sema, tgħolli leħinha biex tipproklama: “Lil Dak li qiegħed bil-qiegħda fuq it-tron [Alla Ġeħova] u lill-Ħaruf [Ġesù] ikunu l-barka u l-unur u l-glorja u s-setgħa għal dejjem taʼ dejjem.”—Rivelazzjoni 5:13; 19:10.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni rigward dawn il-barkiet, ara kapitlu 8 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kumment f’paġna 10]
L-umiltà, il-fidi, u l-ubbidjenza taʼ Marija jistħoqqilhom li jiġu imitati