L-Akbar Prova taʼ l-Imħabba t’Alla
Ersaq Qrib Lejn Alla
ABRAHAM kien iħobb lil Alla. Dan il-patrijarka leali kien iħobb ukoll lil Iżakk, l-iben li kellu fi xjuħitu. Imma meta Iżakk x’aktarx li kellu 25 sena, Abraham iffaċċja prova li kienet kontra l-istint naturali taʼ missier—Alla qallu biex jissagrifika lil ibnu. Madankollu, l-istorja ma spiċċatx bil-mewt taʼ Iżakk. Fil-mument kritiku, Alla interviena permezz t’anġlu. Ir-rakkont tal-Bibbja, imniżżel f’Ġenesi 22:1-18, jagħtina dehra profetika fuq fuq dwar l-imħabba kbira li Alla għandu għalina.
“Alla . . . għadda lil Abraham minn prova,” jgħid vers 1. Abraham kien bniedem taʼ fidi, imma issa l-fidi tiegħu kienet se tiġi mġarrba iktar minn qatt qabel. Alla qal: “Jekk jogħġbok, ħu lil ibnek Iżakk, l-uniku iben tiegħek li tant tħobb, u . . . offrih bħala offerta tal-ħruq fuq waħda mill-muntanji li ngħidlek jien.” (Vers 2) Ftakar li Alla ma jippermettix li l-qaddejja tiegħu jiġu mġarrbin iktar milli jifilħu. Għalhekk, din il-prova wriet il-fiduċja tiegħu f’Abraham.—1 Korintin 10:13.
Abraham obda minnufih. Naqraw: “Abraham bakkar fil-għodu u xedd is-sarġ lill-ħmar tiegħu u ħa miegħu lil tnejn mill-qaddejja tiegħu u lil ibnu Iżakk; u qattaʼ l-ħatab għall-offerta tal-ħruq. Imbagħad qam u telaq.” (Vers 3) Milli jidher, Abraham ma qal lil ħadd dwar id-dettalji tal-prova.
Imbagħad kellu jivvjaġġa għal tlett ijiem u dan ippermettielu jimmedita bis-serjetà. Imma d-determinazzjoni t’Abraham ma ddgħajfitx. Il-kliem li qal wera l-fidi tiegħu. Wara li ra mill-bogħod il-muntanja magħżula, hu qal lill-qaddejja tiegħu: “Intom ibqgħu hawnhekk . . . , imma jien u t-tifel irridu mmorru hemmhekk u nqimu u niġu lura ħdejkom.” Meta Iżakk staqsa fejn kienet in-nagħġa li kellhom joffru, Abraham qal: “Alla jipprovdiha hu n-nagħġa.” (Versi 5, 8) Abraham kien jemmen li kien se jiġi lura maʼ ibnu. Għala? Għaliex hu “qies li Alla setaʼ jqajmu [lil Iżakk] saħansitra mill-imwiet.”—Ebrej 11:19.
Fuq il-muntanja, meta Abraham qabad “is-sikkina . . . biex joqtol lil ibnu,” anġlu żammlu idu. Imbagħad Alla pprovdielu muntun, maqbud fil-friegħi tas-siġar, li Abraham setaʼ joffrih “minflok ibnu.” (Versi 10-13) F’għajnejn Alla kien daqslikieku Iżakk kien fil-fatt ġie sagrifikat. (Ebrej 11:17) Studjuż wieħed jispjega li l-fatt li Abraham kien lest li joffri lil ibnu kien l-istess daqslikieku kien issagrifika lil ibnu.
Il-fiduċja taʼ Ġeħova f’Abraham ġiet vindikata. U l-fiduċja t’Abraham f’Ġeħova ġiet premjata, għaliex Alla rripeta l-patt tiegħu m’Abraham u żied miegħu, il-patt li wiegħed barkiet għan-nies tal-ġnus kollha.—Versi 15-18.
Fl-aħħar, Alla ma ħalliex lil Abraham jissagrifika lil ibnu, imma Alla iktar tard kien se jissagrifika lill-ibnu stess. Il-fatt li Abraham kien lest li joffri lil Iżakk iffigura bil-quddiem l-offerta t’Alla taʼ l-Iben uniġenitu tiegħu, Ġesù, għal dnubietna. (Ġwanni 3:16) Is-sagrifiċċju taʼ Kristu huwa l-akbar prova taʼ l-imħabba taʼ Ġeħova għalina. Peress li Alla għamel sagrifiċċju bħal dan għalina, aħna nagħmlu tajjeb nistaqsu lilna nfusna, ‘Liema sagrifiċċji lest li nagħmel jien sabiex nogħġob lil Alla?’