Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
X’qanqal lil waħda mara li kienet tagħmel kuntrabandu bid-djamanti u li kienet tisraq mingħand dak li jħaddimha biex issir ħaddiema onesta? X’għen lil waħda mara li pprovat tagħmel suwiċidju darbtejn biex issib skop f’ħajjitha? Kif setaʼ wieħed li jabbuża mill-alkoħol u d-drogi jikseb is-saħħa biex jaqtaʼ l-vizzji qerridin tiegħu? Ikkunsidra x’għandhom x’jgħidu huma.
DETTALJI
ISEM: MARGARET DEBRUYN
ETÀ: 45
PAJJIŻ: IL-BOTSWANA
STORJA: KUNTRABANDU U SERQ
IL-PASSAT TIEGĦI: Missieri oriġinalment kien mill-Ġermanja imma sar ċittadin tal-Lbiċ taʼ l-Afrika (issa n-Namibja). Ommi kienet mill-Botswana, mit-tribù tal-Mangologa. Jien twilidt f’Gobabis, in-Namibja.
Fis-snin 70 tas-seklu l-ieħor, il-Gvern taʼ l-Afrika t’Isfel kellu ħafna kontroll fuq in-Namibja u fl-irħula u l-villaġġi kien jinforza strettament il-liġijiet taʼ l-apartheid, jiġifieri, id-diskriminazzjoni razzjali. Minħabba li l-ġenituri tiegħi kellhom żwieġ taʼ żewġ razez differenti, huma ġew perswaduti biex jisseparaw. Allura, ommi rritornat lura miegħi u maʼ ħuti f’Ghansi, il-Botswana, u bdejna ngħixu hemmhekk.
Fl-1979, jien mort noqgħod Lobatse, il-Botswana, u bdejt ngħix maʼ ġenituri adottivi sakemm spiċċajt l-istudji tiegħi. Iktar tard, sibt xogħol bħala skrivana f’post fejn isewwu l-karozzi. Trabbejt bit-twemmin li Alla ma jipprovdix għan-nies, li trid tagħmel kulma hemm bżonn—tajjeb jew ħażin—biex tipprovdi għalik innifsek u għall-familja tiegħek.
Ladarba kelli pożizzjoni taʼ responsabbiltà fuq ix-xogħol, użajt l-opportunità biex nisraq il-partijiet tal-karozzi mingħand l-imgħallem tiegħi. Kulmeta kienet tgħaddi ferrovija mir-raħal bil-lejl, jien u sħabi konna nitilgħu fuqha u nisirqu kulma kien jiġi għal idejna. Ukoll, jien involvejt ruħi fil-kuntrabandu tad-djamanti, id-deheb, u r-ram. Bdejt nabbuża mid-drogi, sirt vjolenti ħafna, u kelli ħafna rġiel.
Imbagħad, fl-1993, finalment inqbadt nisraq u tlift ix-xogħol. “Sħabi” abbandunawni, għaliex beżgħu li huma wkoll setgħu jinqabdu.
Ir-reazzjoni tagħhom weġġgħetni, u ddeċidejt li ma nafda lil ħadd.KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Fl-1994, iltqajt maʼ Tim u Virginia, tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova li kienu missjunarji. Huma kellmuni fil-post taʼ l-impjieg il-ġdid tiegħi, u għenuni nitgħallem dwar il-Bibbja fis-siegħa tal-brejk tiegħi. Iktar tard, meta ħassejt li stajt nafdahom, ħallejthom jiġu d-dar tiegħi biex jistudjaw il-Bibbja miegħi.
Malajr indunajt li biex nogħġob lil Alla kelli nagħmel xi bidliet fl-istil taʼ ħajti. Per eżempju, tgħallimt mill-1 Korintin 6:9, 10 li “la ż-żienja, . . . la l-ħallelin, la r-rgħiba, la s-sakranazzi, la ż-żeblieħa, lanqas l-imbroljuni ma jirtu s-saltna t’Alla.” Ħaġa ħaġa, waqqaft il-vizzji l-ħżiena tiegħi. Ma bqajtx nisraq. Ma bqajtx nissieħeb mal-membri tal-gruppi kriminali li kont trabbejt magħhom. Imbagħad, b’saħħa mingħand Ġeħova, keċċejt l-irġiel li kelli ’l barra minn ħajti.
KIF IBBENEFIKAJT: B’ħafna sforz, tgħallimt nikkontrolla t-tempra tiegħi u ma ngħajjatx maʼ wliedi meta xi ħaġa tmur ħażin. (Efesin 4:31) Jien nipprova nsolvi l-affarijiet b’mod paċifiku. Dan il-metodu taʼ komunikazzjoni jġib ir-riżultati mixtiqin u jressaqna eqreb lejn xulxin bħala familja.
Il-ħbieb li kelli qabel, anki l-ġirien stess, saru jafu li jistgħu jafdawni. Sirt impjegata onesta u fdata li nistaʼ nieħu ħsieb il-provvisti u l-flus bir-reqqa. B’dan il-mod, nistaʼ nappoġġa lili nnifsi waqt li nqattaʼ ħafna mill-ħin tiegħi ngħin lin-nies jitgħallmu dwar il-Bibbja. B’qalbi kollha naqbel mal-kliem taʼ Proverbji 10:22: “Il-barka taʼ Ġeħova—hi li ġġib l-għana, u hu ma jżid l-ebda wġigħ magħha.”
DETTALJI
ISEM: GLORIA ELIZARRARÁS DE CHOPERENA
ETÀ: 37
PAJJIŻ: IL-MESSIKU
STORJA: IPPROVAT TAGĦMEL SUWIĊIDJU
IL-PASSAT TIEGĦI: Trabbejt fl-inħawi sinjuri taʼ Naucalpan, fl-Istat tal-Messiku. Minn meta kont żgħira, kont ribelluża ħafna u kont inħobb immur il-parties. Bdejt inpejjep meta kelli 12-il sena, nixrob l-alkoħol t’14, u nieħu d-drogi taʼ 16. Ftit snin wara, tlaqt mid-dar. Ħafna minn sħabi kienu minn familji mħarbtin, u kienu jiġu abbużati fiżikament jew verbalment. Ħajti tant dehret bla tama li darbtejn ipprovajt nagħmel suwiċidju.
Meta kelli 19-il sena, bdejt naħdem bħala mudella. Għalhekk, kont nissieħeb maʼ nies involuti fil-politika u fid-dinja tad-divertiment. Maż-żmien iżżewwiġt u kelli t-tfal, imma jien kont nieħu d-deċiżjonijiet kollha tal-familja tiegħi. Ukoll, komplejt inpejjep u nixrob, u bqajt ngħix ħajja soċjali mimlija daqs bajda. Fil-konversazzjoni tiegħi kont nuża ħafna kliem baxx, u kont nieħu gost ngħid ċajt maħmuġ. Kienu jitilgħuli malajr ħafna.
Ħafna min-nies li għażilt li nissieħeb magħhom kellhom l-istess stil taʼ ħajja. Għalihom, jien kont nidher li kelli kollox. Imma jien komplejt inħoss li ħajti kienet vojta, mingħajr skop.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Bdejt nistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova fl-1998. Il-Bibbja għallmitni li l-ħajja għandha skop. Tgħallimt li Alla Ġeħova jrid iġedded l-art u jagħmilha Ġenna, li se jirxoxta l-mejtin, u li jien stajt inkun parti minn dak il-futur.
Tgħallimt ukoll li l-mod kif stajt nesprimi l-imħabba tiegħi għal Alla kien billi nobdih. (1 Ġwanni 5:3) Din kienet sfida għall-ewwel għaliex jien qatt ma kont aċċettajt gwida mingħand ħadd. Madankollu, maż-żmien irrikonoxxejt li ma stajtx inkompli nidderieġi l-ħajja tiegħi waħdi. (Ġeremija 10:23) Tlabt lil Ġeħova biex jiggwidani. Tlabtu biex jgħinni nġib ħajti fi qbil mal-livelli tiegħu u ngħallem lil uliedi jgħixu b’mod differenti minn kif kont għext jien.
Kien diffiċli ħafna għalija li nagħmel il-bidliet neċessarji, imma bdejt napplika l-parir misjub f’Efesin 4:22-24: “Għandkom tinżgħu l-personalità l-qadima li taqbel maʼ kif kontu ġġibu ruħkom qabel . . . u tilbsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.” Għalija, li nilbes il-personalità l-ġdida kien ifisser li naqtaʼ vizzji maħmuġin bħat-tipjip, u kelli nitgħallem vokabolarju ġdid, wieħed mingħajr kliem oxxen. Domt kważi tliet snin biex nagħmel il-bidliet meħtiġin sabiex stajt nitgħammed bħala waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
Ukoll, bdejt nieħu bis-serjetà l-irwol tiegħi bħala mara miżżewġa u omm. Bdejt napplika l-parir fl-1 Pietru 3:1, 2: “Intom in-nisa, kunu sottomessi lejn żwieġkom, sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-kondotta tan-nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-kondotta safja tagħkom flimkien mar-rispett profond.”
KIF IBBENEFIKAJT: Jien tassew grata lejn Ġeħova għax issa naf li l-ħajja fil-fatt għandha skop. Inħoss li jien persuna ħafna aħjar issa u lil uliedi nistaʼ nagħtihom trobbija tajba. Kultant qalbi tikkundannani għal dak li għamilt fil-passat, imma Ġeħova jaf lil qalbi. (1 Ġwanni 3:19, 20) Mingħajr ebda dubju, jien ġejt protetta minn ħafna ħsara minħabba li qed ngħix skond il-livelli tal-Bibbja u dan il-fatt ġabli paċi ġewwinija.
DETTALJI
ISEM: JAILSON CORREA DE OLIVEIRA
ETÀ: 33
PAJJIŻ: IL-BRAŻIL
STORJA: ABBUŻA MILL-ALKOĦOL U D-DROGI
IL-PASSAT TIEGĦI: Twilidt f’Bagé, belt Brażiljana taʼ xi 100,000 abitant ħdejn il-fruntiera taʼ bejn il-Brażil u l-Urugwaj. L-agrikultura u t-trobbija taʼ l-imrieħel kienu l-industriji prinċipali. Trabbejt f’distrett fqir fejn il-gruppi kriminali kienu jxerrdu l-vjolenza, u l-abbuż mill-alkoħol u d-droga kien komuni fost iż-żgħażagħ.
Wara li tlaqt mill-iskola, bdejt nixrob, inpejjep il-marijuana, u nismaʼ mużika heavy metal. Ma kontx nemmen f’Alla. Ħassejt li t-tbatija u t-taħwid kollu fid-dinja jagħtu prova li Alla ma jeżistix.
Kont indoqq il-kitarra u nikteb il-mużika u spiss kont nispira ruħi mill-ktieb Bibliku tar-Rivelazzjoni.
Il-grupp tiegħi ma kellux suċċess daqskemm ħsibt li se jkollu, allura bdejt niddependi iktar u iktar mid-drogi qawwijin. Ma kienx jimpurtani jekk xi darba mmut b’overdose. Ħafna mill-kantanti li kont nadura spiċċaw ħajjithom b’dak il-mod.Kont inħallas il-vizzju tiegħi tad-drogi billi nissellef il-flus mingħand nannti, li rabbietni. Kont nigdbilha jekk kienet tistaqsini għalxiex qed nissellef il-flus. Biex tkompli tgħaxxaqha, jien kont ninvolvi ruħi fl-ispiritiżmu. Il-maġija konnessa m’affarijiet sopranaturali kienet taffaxxinani, u kont naħseb li din setgħet tgħinni nikteb mużika aħjar.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Wara li bdejt nistudja l-Bibbja u nattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova, l-attitudni tiegħi bdiet tinbidel. Bil-mod il-mod, żviluppajt ix-xewqa li ngħix u nkun ferħan. Imqanqal minn din l-attitudni l-ġdida, iddeċidejt li naqtaʼ x-xagħar twil tiegħi. Jien kont ħallejtu jitwal bħala sinjal tad-dwejjaq u r-ribelljoni tiegħi. Imbagħad irrealizzajt li jekk ridt inkun aċċettabbli għal Alla, kelli nieqaf nabbuża mill-alkoħol, naqtaʼ d-drogi, u nieqaf inpejjep. Rajt ukoll li kelli bżonn nibdel l-għażla tal-mużika tiegħi.
L-ewwel darba li attendejt laqgħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova, innotajt vers Skritturali li kien jidher fuq wieħed mill-ħitan. Kien meħud minn Proverbji 3:5, 6, u kien jgħid: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.” Meta qgħadt naħseb dwar din l-iskrittura ħassejtni rassigurat li Ġeħova kien se jgħinni nirranġa ħajti jekk inħallih.
Xorta waħda, li nibdel l-istil taʼ ħajti li kellu għeruq fondi u li nwaqqaf il-vizzji tiegħi li kienu jinvolvu l-abbuż tad-drogi u l-alkoħol kien diffiċli daqslikieku kelli naqtaʼ idi barra. (Mattew 18:8, 9) Ma stajtx nagħmel dawn il-bidliet bil-mod il-mod. Kont naf li dan ma kienx se jaħdem fil-każ tiegħi. Allura qtajt il-vizzji tiegħi ħabta u sabta. Bdejt nevita wkoll il-postijiet u n-nies kollha li setgħu jħajruni lura lejn l-istil qadim u qerried tal-ħajja li kelli.
Tgħallimt nifraħ b’dak li kont inwettaq kuljum u ma nikkonċentrax fuq il-mumenti taʼ skuraġġiment. Ħassejt li kien ikun unur li nkun fiżikament, moralment, u spiritwalment nadif fil-ħarsa taʼ Ġeħova. Tlabt u rċivejt l-għajnuna taʼ Ġeħova biex ma noqgħodx naħseb dwar kif kont qabel imma biex inħares ’il quddiem. Kultant kont nerġaʼ naqaʼ. Imma xorta insistejt li jkolli l-istudju persunali tal-Bibbja maʼ l-għalliem tiegħi, avolja kultant kont inkun bl-effetti tas-sakra.
Il-verità dwar Alla li tgħallimt mill-Bibbja—li jimpurtah minna bħala individwi, li se jeqred ir-reliġjon falza, u li issa qed jappoġġa x-xogħol taʼ l-ippridkar madwar id-dinja—għamlet sens għalija. (Mattew 7:21-23; 24:14; 1 Pietru 5:6, 7) Kollox ġie f’postu b’dawn il-fatti kollha. Fl-aħħar, iddeċidejt li niddedika ħajti lil Alla. Ridt nuri l-gratitudni tiegħi għal dak kollu li kien għamel miegħi.
KIF IBBENEFIKAJT: Issa nħoss li ħajti għandha skop u tifsir. (Ekkleżjasti 12:13) U minflok ma nieħu mingħand il-familja tiegħi, issa qed inkun nistaʼ nagħti xi ħaġa lura. Qsamt l-affarijiet tajbin mill-Bibbja maʼ nannti, u issa hi ddedikat ħajjitha lil Ġeħova. Diversi membri oħrajn tal-familja tiegħi u wieħed minn sħabi taʼ qabel li kien parti mill-grupp għamlu l-istess.
Issa jien miżżewweġ, u jien u marti nqattgħu l-maġġuranza mill-ħin tagħna ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar il-Bibbja. Inħossni premjat bil-kbir għax tgħallimt ‘nafda f’Ġeħova b’qalbi kollha.’
[Kumment f’paġna 29]
“Bil-mod il-mod, żviluppajt ix-xewqa li ngħix u nkun ferħan”