Min Jistaʼ Jkun Jaf il-Futur?
“Jien id-Divin . . . , jien li mill-bidu ngħid it-tmiem, u minn żmien twil ilu l-affarijiet li ma sarux.”—Isaija 46:9, 10.
F’DAWN iż-żminijiet li m’humiex stabbli, analisti politiċi, finanzjarji, u soċjali studjaw l-istorja u t-tendenzi moderni bi sforz biex ibassru l-futur. Oħrajn, iddisprati biex ikunu jafu x’hemm jistenniehom personalment fil-futur, ifittxu l-astroloġija u l-ispiritiżmu għat-tweġibiet. Nies bħal dawn spiss jiddiżappuntaw ruħhom bir-riżultati. Tassew li m’huwiex possibbli għalkollox li tkun taf x’se jiġri lil din id-dinja, lill-familji tagħna, u lilna bħala individwi? Fl-aħħar mill-aħħar, jistaʼ xi ħadd jara l-futur bil-quddiem?
Fil-kliem tiegħu lill-profeta Isaija li ġie kwotat hawn fuq, Ġeħova, Alla li Jistaʼ Kollox, iddeskriva l-abbiltà tiegħu stess li jbassar il-futur. Permezz taʼ Isaija, Alla bassar il-ħelsien taʼ l-Israelin tal-qedem mill-jasar Babiloniż u r-ritorn tagħhom biex jibnu mill-ġdid lil Ġerusalemm u t-tempju. Kemm kienet eżatta din il-profezija? Madwar 200 sena bil-quddiem, Isaija qal eżatt x’kien se jkun l-isem tal-konkwistatur futur taʼ Babilonja, Ċiru. Barra minn hekk, Isaija ddeskriva b’mod eżatt l-istrateġija taʼ Ċiru—dik li jdawwar ir-rotta tax-Xmara Ewfrat li kienet isservi biex tipproteġi l-belt. Hu saħansitra bassar li Ċiru kellu jsib li l-bibien il-kbar tal-belt li jintlewew fi tnejn tħallew miftuħin bi traskuraġni, u dan ikkontribwixxa għar-rebħa faċli taʼ Ċiru.—Isaija 44:24–45:7.
Imqabbel m’Alla, il-bniedem m’għandux setgħa jitkixxef il-futur. “Tiftaħarx dwar il-jum t’għada,” kiteb is-sultan għaref Salamun, “għax ma tafx jum x’jistaʼ jiled.” (Proverbji 27:1) Dik l-osservazzjoni għadha minna. L-ebda bniedem ma jistaʼ jara l-futur bil-quddiem, lanqas tiegħu stess. X’jagħmel lil Alla differenti? Hu jifhem kompletament kull ħaġa li ħalaq, inkluż in-natura u l-inklinazzjoni tal-bniedem. Meta jagħżel li jagħmel hekk, Alla jistaʼ jara bil-quddiem eżattament kif se jaġixxu individwi jew ġnus sħaħ. Iżjed minn hekk, hu għandu abbiltà bla limitu biex jikkontrolla r-riżultati tal-ġrajjiet. Meta jbassar li se tiġri xi ħaġa permezz tal-profeti tiegħu, hu jsir il-wieħed ‘li jagħmel il-kelma tal-qaddej tiegħu sseħħ, u li jwettaq kompletament dak li jxandru l-messaġġiera tiegħu.’ (Isaija 44:26) Alla Ġeħova biss jistaʼ verament jagħmel dik l-istqarrija.
Isaija għex iktar minn 700 sena qabel Ġesù, il-Messija. Madankollu, Isaija pprofetizza dwar il-miġja tal-Messija. Però, partikolarment mis-seklu 18 ’il quddiem, kritiċi tal-Bibbja attakkaw l-awtentiċità tal-ktieb taʼ Isaija. Huma sostnew li l-profeziji taʼ Isaija ma kinux verament imbassrin minn qabel imma ġew miktubin wara li seħħew, jiġifieri, li kittieb li ġie iktar tard sempliċement niżżel bil-miktub dak li kien diġà seħħ. Huwa minnu dan? Fl-1947 ġiet skoperta kopja tal-ktieb taʼ Isaija, flimkien maʼ skrolli oħrajn tal-qedem, ġo għar viċin il-Baħar il-Mejjet. Studjużi ddeterminaw li din il-kopja
kienet saret iktar minn mitt sena qabel it-twelid tal-Messija, jew il-Kristu, li kien imbassar. Iva, il-Bibbja rrivelat il-futur!Isaija u kittieba oħrajn tal-Bibbja ma setgħux ibassru ġrajjiet futuri bbażati biss fuq l-għarfien tagħhom. Minflok, dawn “tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-ispirtu qaddis.” (2 Pietru 1:21) Fl-artikli li ġejjin, se niffokaw fuq xi dettalji tal-ħajja taʼ Ġesù li kienu mbassrin permezz taʼ Isaija. U mbagħad se nikkunsidraw ġrajjiet li Ġesù u d-dixxipli tiegħu bassru għal żmienna u għall-futur.