Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ”

“Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ”

“Iblah hu dak ir-raġel li qatt ma jaqra gazzetta; u saħansitra iktar iblah hu dak ir-raġel li jemmen kulma jaqra sempliċement għax qiegħed miktub fil-gazzetta.” —August von Schlözer, storjografu u kittieb Ġermaniż (1735-1809).

IKTAR minn 200 sena ilu, in-nies ma setgħux jemmnu kulma kien hemm miktub fil-gazzetti. Illum ma nistgħux nemmnu kulma naqraw jew naraw fuq l-Internet. Hemm ammont kbir taʼ informazzjoni fuq l-Internet, u t-teknoloġija moderna tagħmilhielna faċli biex insibuha. Ħafna informazzjoni hi vera, utli, u ma fiha xejn ħażin, imma ħafna informazzjoni oħra hi falza, bla siwi, u perikoluża. Hu għalhekk li rridu nagħżlu bir-reqqa dak li naqraw. Meta xi wħud jibdew jużaw l-Internet, għandhom mnejn jaħsbu li rapport tal-aħbarijiet bilfors li hu minnu sempliċement għax qiegħed fuq l-Internet jew għax bagħathulhom ħabib bl-e-mail. Jafu jemmnu storja anke jekk tinstemaʼ stramba ħafna. Imma l-Bibbja twissina: “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ, imma min hu prudenti jqis il-passi tiegħu.”—Proverbji 14:15.

L-oppost taʼ li nkunu bla esperjenza, jew li nibilgħu kollox, hu li nkunu prudenti, jew għaqlin. Meta nkunu prudenti, noqogħdu attenti u nemmnu biss dak li nafu li hu minnu. Mhux se nitqarrqu u nemmnu storja falza li naqraw fuq l-Internet, hi kemm hi popolari. X’jistaʼ jgħinek tkun prudenti? L-ewwel, saqsi lilek innifsek: ‘L-istorja ġejja minn Websajt uffiċjali taʼ min joqgħod fuqha? Jew inkella hi minn Websajt li tippermetti lil kulħadd jikteb l-opinjoni tiegħu, jew saħansitra minn sors mhux magħruf? Diġà ntwera li l-istorja hi falza minn Websajt li tistaʼ toqgħod fuqha?’ * (Ara n-nota taʼ taħt.) Imbagħad, uża “d-dehen.” (Proverbji 1:3) Jekk rapport tal-aħbarijiet jidher li ma jitwemminx, mela probabbli mhux minnu. Ukoll, meta taqra xi aħbar negattiva dwar ħaddieħor, aħseb dwar min se jibbenefika jekk tinxtered l-istorja u għala xi ħadd forsi jkun irid ixerred storja bħal din.

L-E-MAILS LI TIRĊIEVI DEJJEM TIBGĦATHOM LIL ĦADDIEĦOR?

Xi nies forsi jibagħtu xi aħbar lill-kuntatti kollha tagħhom mingħajr ma jiċċekkjaw jekk l-istorja hix minnha jew le jew mingħajr ma jaħsbu dwar x’jistaʼ jiġri wara li jibagħtuha. Forsi jagħmlu dan għax dejjem iridu l-attenzjoni tan-nies u jridu jkunu l-ewwel nies li jxerrdu l-aħbar. (2 Samwel 13:28-33) Imma bniedem prudenti ma jarax biss sal-ponta taʼ mnieħru iżda jaħseb dwar il-ħsara li tistaʼ tiġi kkaġunata. Pereżempju, l-istorja tistaʼ tħassar ir-reputazzjoni taʼ xi ħadd jew taʼ organizzazzjoni.

Dak li jibgħat l-aħbar jaf ma jiċċekkjax jekk hix minnha għax biex jagħmel dan jeħtieġ il-ħin u l-isforz. Hu sempliċement jaħseb li dawk li jirċievu l-messaġġ tiegħu jistgħu jiċċekkjaw huma jekk iridu. Imma l-ħin tagħhom hu prezzjuż ukoll. (Efesin 5:15, 16) Allura minflok ma nibagħtu affarijiet li m’aħniex ċerti minnhom, ikun aħjar jekk naħsbu, “La għandi d-dubji, żgur mhux utli!”

Saqsi lilek innifsek: ‘Dejjem nibgħat l-e-mails li nirċievi lil ħaddieħor? Qatt kelli niskuża ruħi mal-kuntatti tiegħi talli bgħattilhom xi informazzjoni żbaljata jew saħansitra gideb? Xi ħadd ġieli saqsieni biex nieqaf nibgħatlu l-e-mails?’ Tinsiex li jekk il-ħbieb tiegħek għandhom e-mail, huma wkoll jistgħu jużaw l-Internet u m’għandhomx bżonn l-għajnuna tiegħek biex ifittxu għal affarijiet li jinteressawhom. Ma jridux jirċievu ħafna e-mails li jinkludu stejjer, vidjows, jew stampi tad-daħq. Ukoll, ma jkunx għaqli li tibgħat rekordings jew noti dettaljati taʼ taħditiet Bibliċi. * (Ara n-nota taʼ taħt.) U ftakar li dak li jkun se jibbenefika l-iktar jekk jagħmel ir-riċerka tiegħu, ifittex l-iskritturi, jew jipprepara t-tweġibiet tiegħu stess għal-laqgħat, milli jekk tibgħatlu din l-informazzjoni int.

Għandi jien nibgħat din l-e-mail li rċivejt lil ħaddieħor?

X’għandek tagħmel jekk tara xi ħaġa fuq l-Internet li tgħid gideb sfaċċat dwar l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Irrifjuta dak il-gideb mill-ewwel! Temmnux. Ma jkunx għaqli li taqsam dak li taqra m’oħrajn u ssaqsihom għall-opinjoni tagħhom għax dan se jservi biss biex tkompli tinxtered din l-informazzjoni li tagħmel ħsara. Jekk xi ħaġa li rajt fuq l-Internet tkiddek, itlob lil Ġeħova għall-għerf u tkellem m’aħwa maturi. (Ġakbu 1:5, 6; Ġuda 22, 23) M’għandniex niskantaw li n-nies jgħidu l-gideb dwarna. In-nies qalu l-gideb dwar Ġesù, u hu wissa lid-dixxipli tiegħu li l-għedewwa tagħhom kienu se jippersegwitawhom u “bil-gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen” kontrihom. (Mattew 5:11; 11:19; Ġwanni 10:19-21) Għalhekk, jekk int għaqli u taħseb sew, se tkun tistaʼ tagħraf meta xi ħadd qed jigdeb u jipprova jqarraq b’ħaddieħor.—Proverbji 2:10-16.

URI RISPETT GĦAL OĦRAJN

Irridu noqogħdu attenti wkoll meta naqsmu xi aħbar dwar ħutna rġiel u nisa jew meta naqsmu xi esperjenza li smajna m’oħrajn. Xi kultant ma jkunx sew jew taʼ mħabba li naqsmu ċerta informazzjoni, anke jekk din tkun minnha. (Mattew 7:12) Pereżempju, ma jkunx taʼ mħabba jew inkuraġġanti li taqsam maʼ ħaddieħor informazzjoni negattiva dwar xi ħadd. (2 Tessalonikin 3:11; 1 Timotju 5:13) U xi affarijiet jafu jkunu kunfidenzjali. Dak li jkun forsi jrid jgħid din l-informazzjoni iktar tard jew b’xi mod speċifiku. Għalhekk, għandna nirrispettaw id-dritt tiegħu li jiddeċiedi meta u kif se jaqsam l-informazzjoni. Infatti, jekk naqsmu din l-informazzjoni m’oħrajn qabel ma jkun il-waqt, jistaʼ jkun li nagħmlu ħafna ħsara.

Illum il-ġurnata, malajr tiġri l-kelma, kemm jekk hi minnha u kemm jekk le, kemm jekk hi utli u kemm jekk mhijiex, kemm jekk ma fiha xejn ħażin u kemm jekk hi perikoluża. Anke jekk tibgħat messaġġ lil persuna waħda biss, dik il-persuna tistaʼ tibagħtu lil ħafna nies madwar id-dinja fi ftit sekondi biss. Għalhekk, irreżisti t-tentazzjoni li malajr tibgħat informazzjoni li rċivejt lil kull min taf. Għalkemm l-imħabba “kollox temmen” u ma tissuspettax ħażin, m’għandniex inkunu bla esperjenza u nemmnu kull storja ġdida u eċċitanti li nisimgħu. (1 Korintin 13:7) U qatt ma rridu nemmnu gideb jew affarijiet mill-agħar li jintqalu dwar l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u ħutna, li tant inħobbu. Ftakar li dawk li jibdew u jxerrdu dan il-gideb ikunu qed jogħġbu lil Satana x-Xitan, “missier il-gidba.” (Ġwanni 8:44) Għalhekk, jalla nkunu prudenti u dejjem naħsbu bis-serjetà dwar kif nużaw l-ammont kbir taʼ informazzjoni li hu disponibbli għalina kuljum. Kif tgħid il-Bibbja: “Dawk taʼ bla esperjenza jiksbu l-bluha, imma dawk li huma prudenti se jkollhom l-għarfien.”—Proverbji 14:18.

^ par. 4 Kultant, taf terġaʼ tidher storja avolja diġà kien intwera li kienet falza fil-passat. Jistaʼ jkun li jsirulha xi bidliet żgħar biex tidher li hi vera.

^ par. 8 Ara l-Ministeru tas-Saltna t’April 2010, “Kaxxa għall-Mistoqsija.