Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ipprepara issa għall-ħajja fid-dinja l-ġdida

Ipprepara issa għall-ħajja fid-dinja l-ġdida

‘Ordnalhom biex jagħmlu l-ġid sabiex jaqbdu qabda soda mal-ħajja vera.’—1 TIMOTJU 6:17-19.

GĦANJIET: 125, 40

1, 2. (a) Għal xiex qed tħares ’il quddiem fil-Ġenna tal-art? (Ara l-ewwel stampa.) (b) X’se jferraħna l-iktar fid-dinja l-ġdida?

AĦNA għandna sebaʼ mitt sena biex ikollna “l-ħajja taʼ dejjem.” L-appostlu Pawlu jiddeskriviha bħala “l-ħajja vera.” (Aqra l-1 Timotju 6:12, 19.) Għall-biċċa l-kbira min-nies, dan se jfisser li jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-art. Hu diffiċli li timmaġinak tqum kull filgħodu u tħossok f’saħħtek, ferħan, u sodisfatt. (Isaija 35:5, 6) Aħseb f’kemm ħa tieħu gost tqattaʼ l-ħin mal-familja u l-ħbieb tiegħek, inkluż dawk li se jiġu rxoxtati. (Ġwanni 5:28, 29; Atti 24:15) Se jkollok il-ħin biex titgħallem abbiltajiet ġodda u biex titjieb fl-affarijiet li tħobb tagħmel. Pereżempju, tistaʼ titgħallem iktar dwar ix-xjenza. Jew tistaʼ titgħallem kif iddoqq strumenti mużikali jew kif tiddisinnja l-pjanta tad-dar tiegħek stess.

2 Għalkemm inħarsu ’l quddiem għal dawn l-affarijiet sbieħ kollha, l-iktar li se jferraħna hu li nqimu lil Ġeħova. Ġib quddiem għajnejk kif se tkun il-ħajja meta n-nies kollha se jittrattaw lill-isem taʼ Ġeħova bħala li hu qaddis u meta kulħadd se jaċċetta lil Ġeħova bħala l-Mexxej tagħhom. (Mattew 6:9, 10) Se nkunu eċċitati li naraw l-art mimlija b’nies perfetti, sewwasew kif kien l-iskop t’Alla. U aħseb ftit kemm se jkun iktar faċli li nkabbru l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova hekk kif bil-mod il-mod insiru perfetti!—Salm 73:28; Ġakbu 4:8.

3. Għal liema ħaġa għandna nippreparaw minn issa stess?

3 Aħna fiduċjużi li Ġeħova se jagħmel dawn l-affarijiet meraviljużi kollha, għax “għal Alla kollox hu possibbli.” (Mattew 19:25, 26) Jekk irridu ngħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida, issa hu ż-żmien li ‘naqbdu qabda soda’ mal-ħajja taʼ dejjem. Aħna nafu li t-tmiem dalwaqt se jiġi, u allura rridu ngħixu b’tali mod li juri li qed nistennew li t-tmiem se jiġi mil-lum għal għada. Irridu nagħmlu kulma nistgħu issa stess biex nippreparaw għall-ħajja fid-dinja l-ġdida. Ejja naraw kif.

KIF TIPPREPARA?

4. Kif nistgħu nippreparaw issa għall-ħajja fid-dinja l-ġdida? Agħti eżempju.

4 Kif nistgħu nippreparaw issa għall-ħajja fid-dinja l-ġdida? Li kieku konna beħsiebna mmorru ngħixu pajjiż ieħor, abbli konna nagħmlu xi affarijiet biex inħejju ruħna għall-ħajja f’dak il-pajjiż. Pereżempju, forsi nibdew nitgħallmu l-lingwa u d-drawwiet tan-nies li jgħixu hemm. Għandna mnejn induqu xi ftit mill-ikel tagħhom. B’mod simili, nistgħu nippreparaw issa għall-ħajja fid-dinja l-ġdida billi nagħmlu kulma nistgħu biex ngħixu qisna diġà qegħdin hemm. Ejja neżaminaw xi modi kif nistgħu nagħmlu dan.

5, 6. Il-fatt li nitgħallmu nobdu d-direzzjoni mingħand l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, kif se jgħinna nippreparaw għall-ħajja fid-dinja l-ġdida?

5 F’din id-dinja, Satana jrid li n-nies jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jfettlilhom. Ħafna nies iħossu li hu importanti li jkunu indipendenti u li m’hemmx għalfejn jobdu lil Alla. Dan għal xiex wassal? Wassal għal ħafna tbatija u nuqqas taʼ ferħ. (Ġeremija 10:23) Imma Ġeħova hu Mexxej kollu mħabba. Kemm se tkun aħjar il-ħajja fid-dinja l-ġdida meta kulħadd jobdih!

6 Fid-dinja l-ġdida, se nieħdu pjaċir insegwu d-direzzjoni mingħand l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova biex ngħinu ħalli nbiddlu din l-art f’ġenna mill-isbaħ u ħalli ngħallmu lil dawk li se jiġu rxoxtati. Ġeħova se jkollu ħafna xogħol għalina. Imma xi ngħidu jekk dawk li jieħdu t-tmexxija jistaqsuna biex nagħmlu xi ħaġa li ma tantx togħġobna? Se nobdu aħna? Se nagħmlu ħilitna biex inwettqu u ngawdu l-inkarigu tagħna? Biex nippreparaw għall-ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida, irridu nobdu d-direzzjoni mingħand l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova issa stess.

7, 8. (a) Għala għandna nikkooperaw maʼ dawk li jieħdu t-tmexxija? (b) Liema bidliet esperjenzaw xi Kristjani? (ċ) Minn xiex nistgħu nkunu ċerti fid-dinja l-ġdida?

7 Jekk irridu nkunu lesti għall-ħajja fid-dinja l-ġdida, irridu nitgħallmu nkunu kuntenti b’li għandna u nikkooperaw mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u maʼ xulxin. Pereżempju, meta ningħataw inkarigu ġdid, aħna minn qalbna nikkooperaw u nagħmlu l-almu tagħna biex inkunu ferħanin u kuntenti. Jekk nitgħallmu minn issa biex nikkooperaw maʼ dawk li qed jieħdu t-tmexxija, x’aktarx li se nagħmlu l-istess ħaġa fid-dinja l-ġdida. (Aqra Ebrej 13:17.) Meta l-Iżraelin daħlu fl-Art Imwiegħda, intqalilhom fejn kellhom jgħixu. (Numri 26:52-56; Ġożwè 14:1, 2) Ma nafux fejn kull wieħed u waħda minna forsi se jiġi mitlub jgħix fid-dinja l-ġdida. Imma jekk inkunu tgħallimna nikkooperaw, se nkunu ferħanin li nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova, ngħixu fejn ngħixu.

8 Immaġina ftit x’unur se jkun li taqdi fid-dinja l-ġdida t’Alla taħt it-tmexxija tas-Saltna! Għaldaqstant, aħna ferħanin li nikkooperaw mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova issa u nagħmlu dak kollu li niġu mitlubin nagħmlu. Imma kultant l-inkarigi tagħna jafu jinbidlu. Pereżempju, xi Beteliti fl-Istati Uniti ngħataw l-inkarigu ġdid li jaqdu f’oqsma oħra tal-ministeru full-time. U minħabba l-età jew ċirkustanzi oħra, xi indokraturi li jivvjaġġaw ġew inkarigati jaqdu bħala pijunieri speċjali. Huma ferħanin bl-inkarigi l-ġodda tagħhom, u Ġeħova qed iberikhom. Jekk nitolbu għall-għajnuna taʼ Ġeħova, nagħmlu kulma nistgħu biex naqduh, u nitgħallmu nkunu kuntenti bi kwalunkwe inkarigu li ningħataw, se nkunu ferħanin u Ġeħova se jberikna. (Aqra Proverbji 10:22.) Xi ngħidu jekk fid-dinja l-ġdida nkunu veru nixtiequ ngħixu f’ċertu post. Aħna sempliċement se nkunu grati li qed ngħixu fid-dinja l-ġdida.—Neħemija 8:10.

9, 10. (a) Għala jaf ikollna nkunu paċenzjużi fid-dinja l-ġdida? (b) Kif nistgħu nuru minn issa li aħna paċenzjużi?

9 Fid-dinja l-ġdida, kultant se jkollna nkunu paċenzjużi. Pereżempju, forsi nisimgħu li xi wħud huma eċċitati ħafna għax il-qraba u l-ħbieb tagħhom ġew irxoxtati. Però, forsi jkollna nistennew biex il-maħbubin tagħna jiġu rxoxtati. Jekk jiġri dan, se nifirħu aħna mal-oħrajn u nkunu paċenzjużi? (Rumani 12:15) Jekk nitgħallmu issa biex nistennew bil-paċenzja ħalli Ġeħova jwettaq il-wegħdi tiegħu, dan se jgħinna nkunu paċenzjużi f’dak iż-żmien.Ekkleżjasti 7:8.

10 Nistgħu nippreparaw għad-dinja l-ġdida wkoll billi nkunu paċenzjużi meta nirċievu aġġustamenti għall-mod kif nifhmu l-verità tal-Bibbja. Nistudjaw aħna dan il-materjal ġdid, u paċenzjużi aħna jekk ma nifhmuhx bis-sħiħ? Jekk iva, mela fid-dinja l-ġdida se jkun eħfef għalina li nkunu paċenzjużi kull meta Ġeħova jagħtina istruzzjonijiet ġodda.—Proverbji 4:18; Ġwanni 16:12.

11. Għala għandna nitgħallmu naħfru lil xulxin issa, u dan kif jistaʼ jgħinna fid-dinja l-ġdida?

11 Mod ieħor kif nistgħu nippreparaw għall-ħajja fid-dinja l-ġdida hu billi nitgħallmu naħfru. Matul it-Tmexxija t’Elf Sena taʼ Kristu, se jgħaddi ftit taż-żmien biex kulħadd isir perfett. (Atti 24:15) Se nħobbu u naħfru lil xulxin? Jekk nitgħallmu naħfru lil xulxin u jkollna relazzjoni tajba m’oħrajn issa, se jkun eħfef għalina li nagħmlu dan fid-dinja l-ġdida.—Aqra Kolossin 3:12-14.

Fid-dinja l-ġdida, se jkollna bżonn l-istess kwalitajiet li Ġeħova qed jgħallimna biex nuru issa

12. Għala għandna nippreparaw minn issa għall-ħajja fid-dinja l-ġdida?

12 Fid-dinja l-ġdida jaf mhux dejjem se nieħdu dak li rridu, jew forsi jkollna nistennew qabel ma niħduh. Se jkollna bżonn inkunu grati u kuntenti nkunu f’liema sitwazzjoni nkunu. Infatti, se jkollna bżonn l-istess kwalitajiet li Ġeħova qed jgħallimna biex nuru issa. Għalhekk, billi nitgħallmu nuru dawn il-kwalitajiet minn issa, se nuru li d-dinja l-ġdida hi reali għalina u li qed nippreparaw għall-ħajja taʼ dejjem. (Ebrej 2:5; 11:1) Ukoll, se nuru li verament irridu ngħixu f’dinja fejn kulħadd jobdi lil Ġeħova.

IFFOKA FUQ LI TAQDI LIL ĠEĦOVA

Ipprietka l-aħbar tajba b’żelu

13. X’se npoġġu l-ewwel f’ħajjitna fid-dinja l-ġdida?

13 Fid-dinja l-ġdida, se jkollna kulma jkollna bżonn biex ingawdu l-ħajja. Imma l-akbar ferħ tagħna se jiġi mir-relazzjoni mill-qrib li se jkollna maʼ Ġeħova. (Mattew 5:3) Se jkollna ħafna x’nagħmlu fis-servizz taʼ Ġeħova, u se nieħdu pjaċir naqduh. (Salm 37:4) Għalhekk, meta npoġġu lil Ġeħova l-ewwel f’ħajjitna issa, inkunu qed nippreparaw għall-ħajja fid-dinja l-ġdida.—Aqra Mattew 6:19-21.

14. Iż-żgħażagħ liema miri jistgħu jagħmlu fis-servizz taʼ Ġeħova?

14 Kif nistgħu nieħdu saħansitra iktar pjaċir f’li naqdu lil Ġeħova? Mod wieħed hu billi nagħmlu l-miri. Jekk għadek żgħir, aħseb bis-serjetà dwar li tuża ħajtek biex taqdi lil Ġeħova. Għala ma tagħmilx xi riċerka fil-pubblikazzjonijiet tagħna dwar it-tipi differenti taʼ servizz full-time? Tistaʼ tagħmel wieħed minn dawn bħala l-mira tiegħek. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Tkellem maʼ xi ħadd li qeda lil Ġeħova fis-servizz full-time għal bosta snin. Jekk tuża ħajtek biex taqdi lil Ġeħova, se tirċievi taħriġ li m’hemmx prezzu. Din l-esperjenza se tgħinek taqdi lil Ġeħova fid-dinja l-ġdida.

Agħmel miri fis-servizz taʼ Ġeħova

15. Liema miri oħra jistaʼ jkollna fis-servizz taʼ Ġeħova?

15 Hemm ħafna miri li nistgħu nagħmlu fis-servizz tagħna lil Ġeħova. Pereżempju, nistgħu nagħmluha mira li nitgħallmu xi abbiltà ġdida fil-ministeru. Jew nistgħu nipprovaw nifhmu aħjar il-prinċipji tal-Bibbja u nitgħallmu kif nistgħu napplikawhom f’ħajjitna. Nistgħu nipprovaw intejbu l-qari pubbliku tagħna jew it-taħditiet u l-kummenti li nagħtu fil-laqgħat. Il-punt hu dan: Meta tagħmel miri fis-servizz tiegħek lil Ġeħova, dan se jgħinek biex ikollok iktar żelu u biex tipprepara għall-ħajja fid-dinja l-ġdida.

L-AQWA MOD TAʼ ĦAJJA ISSA

Kun grat għal dak kollu li jagħtik Ġeħova

16. Li taqdi lil Ġeħova għala hu l-aqwa mod taʼ ħajja?

16 Meta nużaw il-ħin tagħna biex nippreparaw għad-dinja l-ġdida t’Alla, inkunu aħna qed nitilfu milli jkollna ħajja tajba issa? Lanqas xejn! Li naqdu lil Ġeħova hu l-aqwa mod taʼ ħajja. Aħna ma naqduhx għax xi ħadd iġegħelna jew sempliċement biex ngħaddu ħajjin mit-tribulazzjoni l-kbira. Meta jkollna relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, il-ħajja tagħna tkun aħjar u nkunu iktar ferħanin. Hekk ħalaqna biex ngħixu. Il-fatt li jkollna l-imħabba t’Alla u li nirċievu d-direzzjoni tiegħu f’ħajjitna hu ħafna aħjar minn kwalunkwe ħaġ’oħra. (Aqra Salm 63:1-3.) Ilkoll kemm aħna nistgħu nħossu l-ferħ li jiġi milli nqimu lil Ġeħova b’qalbna kollha. Xi wħud li qdewh għal ħafna snin jistgħu b’wiċċhom minn quddiem jgħidu li din hi l-aqwa mod taʼ ħajja.—Salm 1:1-3; Isaija 58:13, 14.

Fittex għall-gwida tal-Bibbja

17. Kemm se jkunu importanti l-interessi persunali u r-rikreazzjoni fil-Ġenna tal-art?

17 Fil-Ġenna tal-art, se nieħdu gost inqattgħu ftit mill-ħin tagħna fuq l-interessi persunali u fir-rikreazzjoni. Wara kollox, Ġeħova kien li ħalaqna bix-xewqa li nieħdu pjaċir, u hu jwiegħed li se ‘jissodisfa x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’ (Salm 145:16; Ekkleżjasti 2:24) Aħna għandna bżonn ir-rikreazzjoni u għandna bżonn il-mistrieħ, imma iktar nieħdu pjaċir bihom meta npoġġu r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova l-ewwel f’ħajjitna. Se jkun l-istess fid-dinja l-ġdida. Allura jkun għaqli li ‘nibqgħu nfittxu l-ewwel is-saltna’ u li niffokaw fuq il-barkiet li nirċievu meta naqdu lil Ġeħova.—Mattew 6:33.

Meta jkollna relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, il-ħajja tagħna tkun aħjar u nkunu iktar ferħanin

18. Kif nistgħu nuru li qed nippreparaw biex ngħixu għal dejjem fil-Ġenna tal-art?

18 Fid-dinja l-ġdida, il-ħajja se tkun bil-wisq iktar aħjar milli qatt stajna nimmaġinaw. Jalla nuru kemm nixtiequ nkunu hemm billi nippreparaw għall-“ħajja vera” minn issa. Ejja niżviluppaw il-kwalitajiet li Ġeħova qed jgħallimna biex nuru u ejja b’żelu nippritkaw l-aħbar tajba. Jalla nesperjenzaw il-ferħ li jiġi meta npoġġu l-qima taʼ Ġeħova l-ewwel f’ħajjitna. Aħna għandna fiduċja sħiħa li fid-dinja l-ġdida, Ġeħova se jagħmel dak kollu li wiegħed li se jagħmel. Għalhekk, ejja ngħixu bħallikieku diġà qegħdin hemm!

^ par. 14 Ara l-ktieb Young People Ask—Answers That Work, Volume 2, paġni 311-318.