Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għix fi qbil mat-talba mudell—L-1 parti

Għix fi qbil mat-talba mudell—L-1 parti

“Ħa jitqaddes ismek.”MATTEW 6:9.

1. Meta nkunu qed nippritkaw, kif nistgħu nużaw it-talba taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 6:9-13?

ĦAFNA nies jafu l-kliem tat-talba li tinsab f’Mattew 6:9-13. Meta nippritkaw, nużaw il-kliem taʼ din it-talba biex ngħallmu lin-nies li s-Saltna hi gvern reali mingħand Alla li se jbiddel l-art f’ġenna. Apparti minn hekk, nużaw il-kliem “ħa jitqaddes ismek” biex nuru li Alla għandu isem u li għandna nittrattaw l-isem bħala li hu qaddis.—Mattew 6:9.

2. Kif nafu li Ġesù ma ridniex nirripetu l-istess kliem kull darba li nitolbu?

2 Riedna Ġesù nirripetu l-kliem li uża kull darba li nitolbu, bħalma ħafna jagħmlu? Le. Ġesù kien qal: “Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-istess ħaġa.” (Mattew 6:7) Darb’oħra, meta kien qed jgħallem lid-dixxipli tiegħu kif jitolbu, irripeta t-talba imma ma qalhiex kelma b’kelma. (Luqa 11:1-4) Allura Ġesù kien qed jagħtina talba mudell biex jgħallimna għal liema affarijiet għandna nitolbu.

3. Liema mistoqsijiet tistaʼ ssaqsi lilek innifsek hekk kif tistudja t-talba mudell?

3 F’dan l-artiklu u f’li jmiss, se nistudjaw bir-reqqa t-talba mudell. Hekk kif nagħmlu dan, saqsi lilek innifsek, ‘Din it-talba kif tistaʼ tgħinni ntejjeb it-talb?’ U iktar importanti minn hekk, ‘Qed ngħix fi qbil mat-talba mudell?’

“MISSIERNA FIS-SMEWWIET”

4. Il-kelma “Missierna” xi tfakkarna, u Ġeħova kif inhu Missierna?

4 Ġesù beda t-talba billi qal, “Missierna.” Dan ifakkarna li Ġeħova hu Missier għal ħutna kollha, irġiel u nisa, madwar id-dinja. (1 Pietru 2:17) Dawk li huma magħżulin minn Ġeħova biex jgħixu fis-sema ġew adottati bħala wliedu, u allura hu Missierhom f’sens speċjali. (Rumani 8:15-17) Anki dawk li se jgħixu għal dejjem fuq l-art jistgħu jsejħulu ‘Missier.’ Ġeħova jagħtihom il-ħajja u bi mħabba jipprovdilhom il-bżonnijiet tagħhom. Huma se jissejħu “wlied Alla” wara li jsiru perfetti u jibqgħu leali lejn Ġeħova fit-test finali.—Rumani 8:21; Rivelazzjoni 20:7, 8.

5, 6. X’inhu l-aqwa rigal li l-ġenituri jistgħu jagħtu lil uliedhom, u kull tifel jew tifla x’għandha tagħmel b’dan ir-rigal? (Ara l-ewwel stampa.)

5 Il-ġenituri jkunu qed jagħtu rigal lil uliedhom meta jgħinuhom jifhmu li Ġeħova hu Missierhom tas-sema u meta jgħallmuhom biex jitolbu lilu. Indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fl-Afrika t’Isfel jgħid: “Minn mindu l-bniet tagħna twieldu, kont nitlob magħhom kull lejl dment li kont inkun id-dar. Il-bniet tagħna spiss jgħidu li ma jiftakrux il-kliem eżatt taʼ dak it-talb. Madankollu, jiftakru l-atmosfera, kemm kien sagru l-fatt li jikkomunikaw maʼ Missierna, Ġeħova, u s-sens taʼ kalmezza u sigurtà. Malli setgħu jitolbu waħedhom, inkuraġġejthom biex jitolbu b’leħen għoli ħalli nkun nistaʼ nismagħhom jesprimu l-ħsibijiet u s-sentimenti li għandhom maʼ Ġeħova. Din kienet opportunità mill-aqwa biex ikolli idea taʼ x’hemm f’qalbhom. Imbagħad stajt ngħallimhom biex jinkludu affarijiet importanti li nsibu fit-talba mudell biex it-talba tagħhom tkun sinifikanti.”

6 Il-bniet tiegħu baqgħu jersqu qrib taʼ Ġeħova anki meta kibru. Illum huma miżżewġin u qed jaqdu lil Ġeħova full-time flimkien maʼ żwieġhom. L-aqwa rigal li l-ġenituri jistgħu jagħtu lil uliedhom hu li jgħallmuhom li Ġeħova hu Persuna reali u li jistgħu jkunu ħbieb tal-qalb tiegħu. Imma kull tifel jew tifla għandha bżonn iżżomm din ir-relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova.—Salm 5:11, 12; 91:14.

“ĦA JITQADDES ISMEK”

7. X’unur għandna, u għalhekk x’m’għandniex nagħmlu?

7 Aħna għandna l-unur li nafu isem Alla u li aħna “poplu għal ismu.” (Atti 15:14; Isaija 43:10) Aħna nitolbu, “Ħa jitqaddes ismek.” Barra minn hekk, nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna ħalli ma nagħmlux jew ngħidu xi ħaġa li forsi tiddiżonorah. Ma rridux inkunu bħal xi wħud tal-ewwel seklu li għallmu mod imma mbagħad għamlu mod ieħor. Pawlu kitbilhom: “L-isem t’Alla qed jiġi mkasbar minħabba fikom fost il-ġnus.”—Rumani 2:21-24.

8, 9. Agħti eżempju taʼ kif Ġeħova jgħin lil dawk li jridu jqaddsu lil ismu.

8 Aħna nagħmlu minn kollox biex nonoraw isem Ġeħova. Oħt min-Norveġja li spiċċat trabbi lit-tifel taʼ sentejn waħedha għax romlot tgħid: “Kien żmien diffiċli ħafna għalija. Tlabt kuljum, kważi kull siegħa, għas-saħħa biex inżomm bilanċ emozzjonali ħalli ma nagħtix lil Satana raġuni biex joqgħod jgħajjar lil Ġeħova minħabba xi deċiżjoni mhux għaqlija min-naħa tiegħi jew minħabba li ma nkunx leali. Ridt inqaddes isem Ġeħova, u ridt li ibni jerġaʼ jara lil missieru fil-Ġenna tal-art.”—Proverbji 27:11.

9 Ġeħova wiġbilha t-talb tagħha? Iva. Minħabba li kienet tkun b’mod regulari maʼ ħutha rġiel u nisa, hi ġiet inkuraġġita. Ħames snin wara, iżżewġet anzjan. Binha, li issa għandu 20 sena, hu ħu mgħammed. Hi tgħid: “Ninsab kuntenta ħafna li żewġi għenni nrabbih.”

10. Alla kif se jqaddes lil ismu għalkollox?

10 Ġeħova se jqaddes ismu għalkollox meta jneħħi lil dawk kollha li jiddiżonorawh u jirrifjutawh bħala l-Mexxej tagħhom. (Aqra Eżekjel 38:22, 23.) F’dak iż-żmien, il-bnedmin se jsiru perfetti, u kull min ikun fis-sema u kull min ikun fuq l-art se jqim lil Ġeħova u se jonora l-isem qaddis tiegħu. Fl-aħħar, Missierna kollu mħabba se “jkun kollox għal kulħadd.”—1 Korintin 15:28.

“ĦA TIĠI SALTNATEK”

11, 12. Fl-1876, Ġeħova x’għen lill-poplu tiegħu jifhem?

11 Qabel ma Ġesù mar lura s-sema, id-dixxipli saqsew: “Mulej, f’dan iż-żmien se terġaʼ tistabbilixxi s-saltna taʼ Israel?” Ġesù wiġibhom li kien għadu mhux iż-żmien għalihom li jkunu jafu meta s-Saltna t’Alla kienet se tibda tmexxi. Hu qal lid-dixxipli tiegħu biex jiffokaw fuq ix-xogħol importanti tal-ippritkar. (Aqra Atti 1:6-8.) Imma għallimhom ukoll biex jitolbu ħalli tiġi s-Saltna t’Alla u biex iħarsu ’l quddiem għal dak iż-żmien. Għalhekk għadna nitolbu biex tiġi s-Saltna.

12 Meta kien wasal iż-żmien għal Ġesù biex jibda jmexxi fis-sema, Ġeħova għen lill-poplu tiegħu jifhem f’liema sena kien se jseħħ dan. Fl-1876, Charles Taze Russell kiteb l-artiklu “Żminijiet il-Ġentili: Meta jintemmu?” Hu spjega li s-“sebaʼ żminijiet” tal-profezija taʼ Danjel huma l-istess bħaż-“żminijiet stabbiliti tal-ġnus” tal-profezija taʼ Ġesù. L-artiklu spjega li dawk iż-żminijiet kellhom jispiċċaw fl-1914. * (Ara n-nota taʼ taħt.)—Danjel 4:16; Luqa 21:24.

13. X’ġara fl-1914, u l-ġrajjiet tad-dinja minn dik is-sena ’l hawn taʼ xiex jagħtu prova?

13 Fl-1914, faqqgħet il-gwerra fl-Ewropa u wara ftit infirxet mad-dinja kollha. Minħabba l-gwerra, kien hemm ħafna ġuħ. U sa tmiem il-gwerra, fl-1918, influwenza qerrieda qatlet iktar nies mad-dinja kollha milli qatlet il-gwerra nfisha. Dawn l-affarijiet kollha kienu parti mis-“sinjal” li ta Ġesù. Dan is-sinjal ta prova li Ġesù sar Sultan fis-sema fl-1914. (Mattew 24:3-8; Luqa 21:10, 11) F’dik is-sena, hu “ħareġ jirbaħ u jtemm ir-rebħa tiegħu.” (Rivelazzjoni 6:2) Ġesù keċċa lil Satana u lid-demonji tiegħu ’l barra mis-sema u waddabhom ’l isfel lejn l-art. Wara dan, il-profezija bdiet isseħħ: “Gwaj għall-art u għall-baħar, għax ix-Xitan niżel għandkom u għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.”—Rivelazzjoni 12:7-12.

14. (a) Għala għadna nitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla? (b) Liema xogħol importanti għandna nagħmlu issa?

14 Dik il-profezija taʼ Rivelazzjoni kapitlu 12 tgħinna nifhmu għala bdew iseħħu affarijiet terribbli fuq l-art fiż-żmien meta Ġesù sar Sultan tas-Saltna t’Alla. Għalkemm Ġesù qed imexxi fis-sema, Satana xorta għadu qed jaħkem fuq l-art. Imma Ġesù dalwaqt se “jtemm ir-rebħa tiegħu” billi jneħħi l-ħażen kollu. Sadattant, aħna nkomplu nitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla, u aħna nżommu ruħna okkupati f’li nippritkaw dwar dik is-Saltna. Ix-xogħol tagħna qed iwettaq il-profezija taʼ Ġesù: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14.

“ĦA JKUN LI TRID INT . . . FUQ L-ART”

15, 16. Huwa biżżejjed li nitolbu biex issir ir-rieda t’Alla fuq l-art? Spjega.

15 Madwar 6,000 sena ilu, kienet qed issir ir-rieda t’Alla fuq l-art. Huwa għalhekk li Ġeħova qal li kollox “kien tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Imbagħad Satana rribella, u minn dak iż-żmien ’il hawn, il-maġġorparti tan-nies m’għamlux ir-rieda t’Alla. Imma llum hemm madwar tmien miljun ruħ li qed jaqdu lil Ġeħova. Huma mhux biss qed jitolbu biex issir ir-rieda t’Alla fuq l-art, imma wkoll qed jagħmlu ħilithom biex jgħixu fi qbil maʼ dik it-talba. Huma jgħixu b’tali mod li jogħġob ’l Alla u b’żelu jgħallmu ’l oħrajn dwar is-Saltna tiegħu.

Qed tgħallem lil uliedek jagħmlu r-rieda t’Alla? (Ara paragrafu 16)

16 Pereżempju, missjunarja fl-Afrika li għandha 80 sena u li kienet tgħammdet fl-1948, tgħid: “Spiss nitlob biex dawk kollha bħal nagħaġ jiġu kkuntattjati u megħjuna biex isiru jafu lil Ġeħova qabel ikun tard wisq. Apparti minn hekk, meta nkun se nagħti xhieda lil xi ħadd, nitlob għall-għerf biex nilħaq il-qalb taʼ dak li jkun. U rigward dawk li huma bħal nagħaġ u li diġà nstabu, jien nitlob li Ġeħova jbierek l-isforzi tagħna biex nieħdu ħsiebhom.” Din l-oħt imdaħħla fiż-żmien għenet lil ħafna biex jitgħallmu dwar Ġeħova. Tistaʼ taħseb fi wħud imdaħħlin fiż-żmien li b’żelu qed jagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova?—Aqra Filippin 2:17.

17. Kif tħossok dwar x’se jagħmel Ġeħova fil-futur għan-nies u għall-art?

17 Sakemm Ġeħova jneħħi l-għedewwa tiegħu mill-art, aħna se nibqgħu nitolbu biex ir-rieda tiegħu sseħħ. Imbagħad l-art se ssir ġenna, u biljuni taʼ nies se jirxoxtaw. Ġesù qal li “ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) Immaġina kemm se nkunu ferħanin meta nilqgħu lura l-maħbubin tagħna! Alla se ‘jixxottalna kull demgħa minn għajnejna.’ (Rivelazzjoni 21:4) Il-maġġorparti taʼ dawk li se jirxoxtaw se jkunu minn “dawk li m’humiex sewwa,” jiġifieri dawk li qatt ma tgħallmu l-verità dwar Ġeħova u Ġesù. Aħna se nieħdu pjaċir ngħallmuhom dwar ir-rieda t’Alla ħalli jkunu jistgħu jkollhom “il-ħajja taʼ dejjem.”—Atti 24:15; Ġwanni 17:3.

18. Il-bnedmin x’għandhom bżonn l-iktar?

18 Meta tiġi s-Saltna t’Alla, se tqaddes ismu, u dawk kollha fl-univers se jqimu lil Ġeħova flimkien. Iva, Alla se jagħti lill-bnedmin l-affarijiet li l-iktar għandhom bżonn meta jwieġeb l-ewwel tliet talbiet li nsibu fit-talba mudell. Fl-artiklu li jmiss, se niddiskutu bżonnijiet importanti oħra li Ġesù għallimna biex nitolbu għalihom.

^ par. 12 Sabiex titgħallem kif nafu li din il-profezija seħħet fl-1914, ara l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?, paġni 215-218.