Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Hekk għoġbok tagħmel”

“Hekk għoġbok tagħmel”

“Int ħbejt sew dawn l-​affarijiet mill-​għorrief u l-​intellettwali, u kxifthom liċ-​ċkejknin.”—LUQA 10:21.

1. Ġesù għala “ħass ferħ kbir bl-​ispirtu qaddis”? (Ara l-​ewwel stampa.)

 IPPROVA ġib quddiem għajnejk lil Ġesù meta “ħass ferħ kbir bl-​ispirtu qaddis.” Forsi kellu tbissima kbira fuq wiċċu u għajnejh kienu mimlijin b’eċċitament. Imma għala? Kien għadu kemm bagħat lil 70 mid-​dixxipli tiegħu jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Peress li kien hemm ħafna għedewwa setgħanin tal-​aħbar tajba, kellu sebaʼ mitt sena biex isir jaf kif id-​dixxipli tiegħu kienu se jmorru bl-​inkarigu tagħhom. Fost dawn l-​għedewwa kien hemm l-​iskribi u l-​Fariżej, nies t’edukazzjoni għolja u li moħħhom jilħqilhom. Dawn riedu li n-​nies iħarsu lejn Ġesù bħala sempliċi mastrudaxxa u riduhom li jqisu lid-​dixxipli tiegħu bħala “rġiel komuni u taʼ ftit skola.” (Atti 4:13; Marku 6:3) Minkejja dan, meta d-​dixxipli ġew lura mill-​inkarigu tagħhom, kienu ferħanin se jtiru. Kienu ppritkaw minkejja l-​oppożizzjoni, saħansitra l-​oppożizzjoni mid-​demonji! Kif irnexxielhom jibqgħu ferħanin u kuraġġużi?—Aqra Luqa 10:1, 17-21.

In-​nies t’Alla tejbu t-​tagħlim tagħhom billi għamluh iktar sempliċi u iktar ċar

2. (a) Id-​dixxipli taʼ Ġesù kif kienu bħal tfal ċkejknin? (b) X’għen lid-​dixxipli taʼ Ġesù jifhmu veritajiet tal-​Bibbja profondi?

2 Ġesù qal lil Ġeħova: “Jien infaħħrek quddiem kulħadd, Missier, Mulej tas-​sema u l-​art, għax int ħbejt dawn l-​affarijiet mill-​għorrief u l-​intellettwali u kxifthom liċ-​ċkejknin. Iva, O Missier, għax hekk għoġbok tagħmel.” (Mattew 11:25, 26) Ġesù għala sejjaħ lid-​dixxipli tiegħu ċkejknin? Għax kuntrarju għall-​iskribi u l-​Fariżej, li kienu taʼ skola u li ħasbu li kienu xi ħaġa, id-​dixxipli taʼ Ġesù kienu lesti li jiġu mgħallmin bħal tfal ċkejknin. Tgħallmu jkunu umli, u mhux kburin. (Mattew 18:1-​4) Minħabba li kienu umli, Ġeħova uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinhom jifhmu veritajiet tal-​Bibbja profondi. Imma l-​mexxejja reliġjużi Lhud li kienu kburin baqgħu mogħmijin minn Satana u mill-​kburija tagħhom stess.

3. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 Mhux taʼ b’xejn li Ġesù kien tant ferħan! Meta ra kif Ġeħova għarraf veritajiet tal-​Bibbja profondi lil nies umli, kienu kemm kienu taʼ skola, dan ferrħu. Dan il-​mod taʼ tagħlim ċar u sempliċi jogħġbu lil Alla, u Alla ma nbidilx. Kif juri li għadu jogħġbu dan il-​mod taʼ tagħlim? F’dan l-​artiklu, se nitgħallmu kif Ġeħova jgħarraf veritajiet tal-​Bibbja profondi lil nies umli llum.

JIĠU SPJEGATI VERITAJIET PROFONDI LIL KULĦADD

4. L-​edizzjoni simplifikata tat-​Torri tal-​Għassa b’liema modi kienet għotja?

4 Fi snin reċenti, l-​organizzazzjoni t’Alla enfasizzat l-​importanza taʼ tagħlim iktar sempliċi u iktar ċar. Ejja niddiskutu tliet eżempji. L-​ewwel, hemm l-​edizzjoni simplifikata tat-​Torri tal-​Għassa. a Din hi għotja li għenet lil ħafna wħud, inkluż lil dawk li għandhom diffikultajiet fil-​qari jew bil-​lingwa. Il-​familji sabu li t-​tfal tagħhom qed jifhmu aħjar It-​Torri tal-​Għassa grazzi għall-​edizzjoni simplifikata. Ħafna wħud kitbu ittri t’apprezzament lill-​Ġemgħa li Tiggverna. Oħt minnhom qalet li qabel kienet tibżaʼ twieġeb waqt l-​istudju tat-​Torri tal-​Għassa, imma issa le! Wara li użat l-​edizzjoni simplifikata, kitbet: “Issa nwieġeb iktar minn darba, u m’għadnix inkun bi msarni f’saqajja! Nirringrazzja lil Ġeħova u lilkom.”

5. X’inhuma xi benefiċċji tal-​edizzjoni riveduta tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa?

5 It-​tieni, hemm l-​edizzjoni riveduta tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa, li ħarġet bl-​Ingliż fil-​laqgħa annwali li saret fil-​5 t’Ottubru 2013. b Ħafna skritturi issa jużaw inqas kliem, imma ma nbidlitx it-​tifsira tagħhom u huma eħfef biex wieħed jifhimhom. Pereżempju, Ġob 10:1 qabel kellu 27 kelma u issa għandu 19-​il kelma, u Proverbji 8:6 qabel kellu 20 kelma u issa għandu 13-​il kelma. Iż-​żewġ versi huma iktar ċari fl-​edizzjoni l-​ġdida. Ħu midluk li ilu jaqdi lil Ġeħova b’fedeltà għal bosta snin qal: “Għadni kif qrajt il-​ktieb taʼ Ġob mill-​edizzjoni l-​ġdida, u nħossni bħallikieku qed nifhmu għall-​ewwel darba!” Ħafna qalu xi ħaġa simili.

6. Kif tħossok dwar il-​fehma iktar ċara tagħna taʼ Mattew 24:45-​47?

6 It-​tielet, aħseb dwar xi ftit mit-​titjib li kellna dan l-​aħħar fil-​mod kif nifhmu ċerti skritturi. Pereżempju, fehma iktar ċara dwar “l-​ilsir leali u għaqli” ġiet ippubblikata fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2013. (Mattew 24:45-​47) L-​artiklu spjega li l-​ilsir leali hu l-​Ġemgħa li Tiggverna. U ‘l-​qaddejja tad-​dar’ huma l-​midlukin u n-​“nagħaġ oħrajn,” li lkoll jiġu mitmugħin mill-​ilsir leali. (Ġwanni 10:16) Aħna nieħdu pjaċir b’dawn il-​veritajiet u ferħanin li nistgħu ngħallmuhom lil oħrajn! Ġeħova b’liema modi oħra wera li jogħġbu tagħlim li hu sempliċi u ċar?

SPJEGAZZJONI IKTAR SEMPLIĊI TAʼ RAKKONTI TAL-​BIBBJA

7, 8. X’inhuma xi eżempji taʼ rakkonti tal-​Bibbja li jirrappreżentaw xi ħaġa akbar fil-​futur?

7 Jekk ilek taqdi lil Ġeħova għal ħafna snin, abbli nnotajt bidla fil-​mod kif il-​letteratura tagħna tispjega xi rakkonti tal-​Bibbja. Fil-​passat, spiss kien jintqal li xi rakkonti rrappreżentaw xi ħaġa akbar fil-​futur—xi twettiq profetiku. Ir-​rakkont innifsu kienu jirreferu għalih bħala “tip.” Dak li t-​tip kien jirrappreżenta kienu jirreferu għalih bħala “antitip.” Hemm xi bażi Skritturali għala r-​rakkonti kienu jiġu spjegati b’dan il-​mod? Iva. Pereżempju, Ġesù rrefera għas-​‘sinjal tal-​profeta Ġona.’ (Aqra Mattew 12:39, 40.) Ġesù spjega li ż-​żmien li Ġona qattaʼ f’żaqq il-​ħuta kien jirrappreżenta ż-​żmien li Ġesù kien se jdum fil-​qabar.

Il-​fidi tagħna tissaħħaħ meta nistudjaw ir-​rakkonti tal-​Bibbja u dak li jirrappreżentaw

8 Hemm rakkonti oħra tal-​Bibbja li jirrappreżentaw xi ħaġa akbar fil-​futur. L-​appostlu Pawlu ddeskriva xi ftit minnhom. Pereżempju, ir-​relazzjoni t’Abraham maʼ Ħagar u Sara rrappreżentat ir-​relazzjoni taʼ Ġeħova mal-​ġens t’Iżrael u l-​parti tal-​organizzazzjoni t’Alla fis-​sema. (Galatin 4:22-​26) B’mod simili, it-​tabernaklu, it-​tempju, Jum it-​Tpattija, il-​qassis il-​kbir, u aspetti oħra tal-​Liġi kienu “dell taʼ l-​affarijiet tajbin li għandhom jiġu.” (Ebrej 9:23-​25; 10:1) Il-​fidi tagħna tissaħħaħ meta nistudjaw dawn ir-​rakkonti tal-​Bibbja u dak li jirrappreżentaw. Imma jfisser dan li kull persuna, ġrajja, u oġġett deskritt fil-​Bibbja jirrappreżentaw lil xi ħadd jew xi ħaġa?

9. Fil-​passat, ir-​rakkont tal-​Bibbja dwar Nabot kif kien jiġi spjegat?

9 Fil-​passat, il-​letteratura tagħna spiss spjegat li kull persuna, ġrajja, jew oġġett f’xi rakkonti rrappreżentaw lil xi ħadd jew xi ħaġa. Pereżempju, ir-​reġina mill-​agħar Ġeżabel ordnat il-​qtil taʼ Nabot ħalli r-​raġel tagħha, Aħab, setaʼ jieħu l-​għalqa tad-​dwieli taʼ Nabot. (1 Slaten 21:1-​16) Fl-​1932, It-​Torri tal-​Għassa spjega li Aħab u Ġeżabel irrappreżentaw lil Satana u l-​organizzazzjoni tiegħu, li Nabot irrappreżenta lil Ġesù, u li l-​mewt taʼ Nabot irrappreżentat il-​qtil taʼ Ġesù. Madanakollu, fl-​1961, il-​ktieb “Let Your Name Be Sanctified” qal li Nabot irrappreżenta l-​midlukin u Ġeżabel irrappreżentat lill-​Kristjaneżmu. Ukoll, il-​fatt li Ġeżabel ippersegwitat lil Nabot irrappreżenta l-​persekuzzjoni tal-​midlukin matul l-​aħħar jiem. Għal ħafna snin, dawn l-​ispjegazzjonijiet saħħew il-​fidi tan-​nies t’Alla. Allura għala qed nispjegaw l-​affarijiet b’mod differenti issa?

10. (a) L-​ilsir leali b’liema mod hu iktar attent meta jispjega ċerti rakkonti Bibliċi? (b) Illum il-​ġurnata, il-​letteratura tagħna fuqiex tiffoka l-​iktar?

10 Matul is-​snin, Ġeħova għen lill-​“ilsir leali u għaqli” jsir iktar għaqli, jew attent. B’liema mod? Issa l-​ilsir leali joqgħod attent li ma jgħidx li rakkont tal-​Bibbja jirrappreżenta xi ħaġa akbar sakemm ma jkunx hemm raġuni Skritturali ċara biex jgħid dan. Xi spjegazzjonijiet iktar antiki dwar tipi u antitipi kienu diffiċli biex nifhmuhom, niftakruhom, u napplikawhom. Iktar importanti minn hekk, kienu jintilfu l-​lezzjonijiet morali jew prattiċi meta kien jingħata wisq enfasi fuq tifsir akbar li setaʼ kien hemm taʼ rakkonti Bibliċi. Għalhekk, illum il-​ġurnata, il-​letteratura tagħna tiffoka iktar fuq lezzjonijiet sempliċi u prattiċi dwar il-​fidi, is-​sabar, id-​devozzjoni lejn Alla, u kwalitajiet oħra importanti li nistgħu nisiltu mir-​rakkonti Bibliċi. c

L-eżempju taʼ Nabot jgħallimna lezzjoni importanti ħafna (Ara paragrafu 11)

11. (a) Issa kif nifhmu r-​rakkont dwar Nabot, u l-​eżempju tiegħu kif jgħinna? (b) Fi snin reċenti, il-​letteratura tagħna għala ftit li xejn semmiet tipi u antitipi? (Ara “Mistoqsijiet mill-​qarrejja” f’din il-​ħarġa.)

11 Issa l-​fehma tagħna tar-​rakkont dwar Nabot hi iktar ċara u iktar sempliċi. Nabot ma mietx għax irrappreżenta lil Ġesù jew lill-​midlukin. Minflok, miet għax kien determinat li jibqaʼ leali lejn Alla. Baqaʼ ubbidjenti lejn il-​Liġi taʼ Ġeħova minkejja l-​fatt li ħakkiem setgħan ħadha qatta bla ħabel kontrih. (Numri 36:7; 1 Slaten 21:3) X’eżempju mill-​aħjar għall-​qaddejja kollha t’Alla llum li forsi qed iħabbtu wiċċhom maʼ persekuzzjoni simili. (Aqra t-2 Timotju 3:12.) Il-​Kristjani kollha jistgħu jifhmu, jiftakru, u japplikaw dik il-​lezzjoni u jsaħħu l-​fidi tagħhom.

12. (a) X’m’għandniex nikkonkludu dwar rakkonti tal-​Bibbja? (b) Għala jistaʼ jkollna spjegazzjonijiet ċari taʼ saħansitra affarijiet profondi? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

12 Għandna naqbdu u nikkonkludu li r-​rakkonti tal-​Bibbja fihom biss lezzjonijiet prattiċi u l-​ebda tifsira oħra? Le. Imma minflok ma jispjegaw xi rakkonti tal-​Bibbja bħala tipi u antitipi, il-​pubblikazzjonijiet tagħna issa iktar jiffokaw fuq kif rakkont Bibliku hu konness maʼ rakkont ieħor. Pereżempju, hu minnu li l-​integrità taʼ Nabot, li baqgħet soda minkejja l-​persekuzzjoni u l-​mewt, tfakkarna fl-​integrità taʼ Kristu u tal-​midlukin. Però, tfakkarna wkoll fl-​integrità taʼ ħafna min-​“nagħaġ oħrajn.” Nistgħu naraw b’mod ċar li Ġeħova qed jgħallimna b’mod sempliċi. d

SPJEGAZZJONI IKTAR SEMPLIĊI TAT-​TIXBIHAT TAʼ ĠESÙ

13. Liema eżempji juru li issa nispjegaw xi tixbihat taʼ Ġesù b’mod iktar sempliċi u iktar ċar?

13 Ġesù Kristu kien l-​akbar Għalliem li qatt għex. Kien iħobb juża tixbihat, jew eżempji, biex jgħallem. (Mattew 13:34) It-​tixbihat huma effettivi għax jispjegaw ideat diffiċli b’mod sempliċi u b’mod li jistaʼ jġegħelna naħsbu, u għax jeffettwaw lil qalbna. Matul is-​snin, il-​letteratura tagħna spjegat it-​tixbihat taʼ Ġesù b’mod iktar sempliċi u iktar ċar. Pereżempju, It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2008 jgħinna nifhmu iktar biċ-​ċar it-​tixbihat taʼ Ġesù dwar il-​ħmira, iż-​żerriegħa tal-​mustarda, u x-​xibka l-​kbira. Issa nistgħu naraw li dawn it-​tixbihat jirreferu għas-​Saltna t’Alla, li għenet lil ħafna nies jagħtu daharhom lil din id-​dinja mill-​agħar u jsiru dixxipli taʼ Kristu.

It-​tixbihat huma effettivi għax jispjegaw ideat diffiċli b’mod sempliċi u b’mod li jistaʼ jġegħelna naħsbu, u għax jeffettwaw lil qalbna

14. (a) Kif konna nispjegaw it-​tixbiha dwar is-​Samaritan it-​tajjeb? (b) Issa kif nifhmu t-​tixbiha taʼ Ġesù?

14 Kif nistgħu nifhmu l-​istejjer, jew it-​tixbihat, iktar dettaljati li qal Ġesù? Ftit minn dawn l-​istejjer huma simboliċi jew profetiċi. Oħrajn jgħallmuna lezzjoni prattika. Imma kif nistgħu nkunu nafu liema stejjer huma simboliċi u liema mhumiex? Matul is-​snin, it-​tweġiba saret iktar ċara. Pereżempju, aħseb dwar il-​mod kif konna nispjegaw it-​tixbiha taʼ Ġesù dwar is-​Samaritan it-​tajjeb. (Luqa 10:30-​37) Fl-​1924, It-​Torri tal-​Għassa qal li s-​Samaritan kien jirrappreżenta lil Ġesù u li t-​triq għan-​niżla minn Ġerusalemm lejn Ġeriko kienet tirrappreżenta l-​kundizzjoni tal-​bnedmin li dejjem sejra għall-​agħar sa mir-​ribelljoni fl-​Għeden. Minbarra dan, il-​ħallelin fit-​triq kienu jirrappreżentaw kumpaniji kbar u negozjanti rgħiba, u l-​qassis u l-​Levita rrappreżentaw lill-​Kristjaneżmu. Imma llum il-​ġurnata, il-​letteratura tagħna tuża dik it-​tixbiha biex tfakkar lill-​Kristjani kollha biex ma jkunux preġudikati. Għandna ngħinu lil kull min ikun fil-​bżonn, speċjalment billi ngħinuhom jitgħallmu l-​verità dwar Alla. Kemm nifirħu meta naraw il-​mod kif Ġeħova qed jagħmel il-​verità ċara!

15. X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

15 Fl-​artiklu li jmiss, se niddiskutu t-​tixbiha taʼ Ġesù dwar l-​għaxar verġni. (Mattew 25:1-​13) Ġesù kif ried li s-​segwaċi tiegħu fl-​aħħar jiem jifhmu din it-​tixbiha tant importanti? Jirrappreżentaw kull persuna, oġġett, jew ġrajja fit-​tixbiha lil xi ħadd jew xi ħaġa akbar fil-​futur? Jew riedna nitgħallmu lezzjonijiet prattiċi li kienu se jgħinuna matul l-​aħħar jiem? Ejja naraw.

a L-​ewwel ħarġa tal-​edizzjoni simplifikata kienet f’Lulju 2011. Għall-​ewwel, din kienet bl-​Ingliż biss. Minn dakinhar ’l hawn, edizzjoni simplifikata saret disponibbli fi ftit lingwi oħra. Mill-​ħarġa tal-​15 taʼ Diċembru 2014, l-​edizzjoni għall-​istudju tat-​Torri tal-​Għassa bil-​Malti bdiet taqbel mal-​kontenut u d-​dehra tal-​edizzjoni simplifikata bl-​Ingliż.

b L-​edizzjoni riveduta se tkun disponibbli b’iktar lingwi.

c Pereżempju, il-​ktieb Imita l-​fidi tagħhom jiddiskuti l-​ħajjiet taʼ 14-​il karattru Bibliku differenti. Il-​Bibbja tiffoka fuq il-​lezzjonijiet prattiċi, u mhux fuq tipi jew antitipi.

d Il-​Kelma t’Alla wkoll fiha affarijiet li forsi jidhru “tqal biex tifhimhom,” inkluż xi ftit mill-​kitbiet taʼ Pawlu. Imma l-​kittieba kollha tal-​Bibbja kienu mnebbħin mill-​ispirtu qaddis. L-​ispirtu t’Alla jgħin lill-​Kristjani veri llum jifhmu l-​Bibbja, “saħansitra l-​affarijiet profondi t’Alla.”—2 Pietru 3:16, 17; 1 Korintin 2:10.