Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Uża l-Kelma t’Alla—Hi ħajja!

Uża l-Kelma t’Alla—Hi ħajja!

“Il-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.”—EBR. 4:12.

1, 2. Ġeħova liema inkarigu ta lil Mosè, u x’aċċertah?

TISTAʼ timmaġina kif kont tħossok li kieku kellek tidher quddiem l-iktar ħakkiem setgħan fuq l-art u tiddefendi l-poplu taʼ Ġeħova? X’aktarx kont tħossok ansjuż, mhux kapaċi, u mbeżżaʼ. Kieku kif kont tipprepara l-preżentazzjoni tiegħek? Kont tkun kapaċi titkellem b’awtorità bħala messaġġier t’Alla?

2 Mosè kien proprju f’din is-sitwazzjoni. Għalkemm kien “l-iktar [raġel] ġwejjed mill-bnedmin kollha li kienu fuq wiċċ l-art,” Ġeħova bagħtu għand il-Fargħun biex jeħles lill-poplu t’Alla mill-moħqrija u l-jasar fl-Eġittu. (Num. 12:3) Bħalma kienu se juru l-ġrajjiet, il-Fargħun kien raġel insolenti u kburi. (Eżo. 5:1, 2) Madankollu, Ġeħova ried li Mosè jordna lill-Fargħun biex jeħles lil miljuni mill-ilsiera tiegħu biex jitilqu mill-pajjiż. Nistgħu nifhmu għala Mosè staqsa lil Ġeħova: “Jien min jien biex immur għand il-Fargħun u noħroġ lil ulied Israel mill-Eġittu?” Mosè x’aktarx ħass li hu ma kienx kapaċi jkellem lill-Fargħun. Imma Alla aċċertah li ma kienx se jħallih waħdu. Ġeħova qallu: “Jien inkun miegħek.”—Eżo. 3:9-12.

3, 4. (a) Mosè minn xiex beżaʼ? (b) Għala s-sentimenti tiegħek jistgħu jkunu bħal taʼ Mosè?

3 Mosè minn xiex beda jibżaʼ? Evidentement, hu beżaʼ li  l-Fargħun ma kienx se jilqaʼ jew jagħti kas rappreżentant t’Alla Ġeħova. Mosè beda jibżaʼ wkoll li niesu stess ma kinux se jemmnu li kien Ġeħova li ħatru biex joħroġhom mill-Eġittu. B’hekk, Mosè qal lil Ġeħova: “Imma suppost li ma jemmnunix u ma jisimgħux minn kliemi, għaliex jgħiduli, ‘Ġeħova ma deherlekx.’”—Eżo. 3:15-18; 4:1.

4 It-tweġiba li Ġeħova ta lil Mosè u l-ġrajjiet li seħħew wara jistgħu jgħallmu lil kull wieħed minna lezzjoni importanti ħafna. Veru, jaf qatt ma jkollok għalfejn tidher quddiem uffiċjal għoli tal-gvern. Imma ġieli sibtha bi tqila biex titkellem dwar Alla u s-Saltna tiegħu maʼ nies fit-territorju tiegħek? Jekk inhu hekk, ikkunsidra x’nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza taʼ Mosè.

“X’GĦANDEK F’IDEK?”

5. Ġeħova x’poġġa f’id Mosè, u dan kif għenu biex ikun kunfidenti? (Ara l-ewwel stampa.)

5 Meta Mosè qal lil Ġeħova li kien qed jibżaʼ li n-nies ma kinux se jemmnuh, Alla pprepara lil Mosè sabiex jirnexxi f’dak li kien se jagħmel. Il-Bibbja tgħid: “Imbagħad Ġeħova [qal lil Mosè]: ‘X’għandek f’idek?’ u hu wieġbu: ‘Ħatar.’ Imbagħad qallu: ‘Ixħtu fl-art.’ Għalhekk, xeħtu fl-art, u l-ħatar sar serp; u Mosè ħarab minnu. Ġeħova issa qal lil Mosè: ‘Midd idek u aqbdu minn denbu.’ Għalhekk, medd idu u qabdu, u sar ħatar fil-pala taʼ idu. U kompla jgħidlu, ‘Sabiex huma jemmnu li deherlek Ġeħova.’” (Eżo. 4:2-5) Iva, Alla poġġa f’id Mosè l-mezz li bih kien se jagħti prova li l-messaġġ tiegħu kien ġej mingħand Ġeħova. Dak li f’għajnejn ħaddieħor deher li kien sempliċi ħatar, sar xi ħaġa ħajja permezz tal-qawwa t’Alla. Dan il-miraklu kien se jagħti prova li Mosè kien il-messaġġier t’Alla u li kellu l-awtorità Mingħandu. Ġeħova qallu: “Dan il-ħatar trid tieħdu f’idek biex bih twettaq is-sinjali.” (Eżo. 4:17) B’din il-prova, Mosè setaʼ b’mod kunfidenti jkellem kemm lill-Fargħun kif ukoll lill-poplu t’Alla.—Eżo. 4:29-31; 7:8-13.

6. (a) X’għandu jkollna f’idna meta nippritkaw, u għala? (b) Spjega kif “il-kelma t’Alla hi ħajja” u kif inhi “qawwija.”

6 Nistgħu niġu mistoqsijin l-istess mistoqsija meta mmorru naqsmu l-messaġġ tal-Bibbja m’oħrajn: “X’għandek f’idek?” Ħafna drabi jkollna l-Bibbja f’idna, lesti biex nużawha. Minkejja li xi wħud forsi jqisu l-Bibbja bħala sempliċi ktieb, Ġeħova jkellimna permezz tal-Kelma ispirata tiegħu. (2 Pt. 1:21) Din fiha l-wegħdi t’Alla u tgħidilna x’se tagħmel is-Saltna tiegħu. Huwa għalhekk li l-appostlu Pawlu setaʼ jikteb: “Il-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.” (Aqra Ebrej 4:12.) Il-kelma t’Alla kif inhi ħajja? Il-wegħdi kollha taʼ Ġeħova qed jersqu lejn it-twettiq tagħhom u se jirnexxu għalkollox. (Is. 46:10; 55:11) Meta individwu jirrealizza dan dwar il-Kelma taʼ Ġeħova, dak li jaqra fil-Bibbja jistaʼ jkollu effett qawwi fuq ħajtu.

7. Kif nistgħu ‘nimmaniġġaw sew il-kelma tal-verità’?

7 Iva, Ġeħova poġġa f’idna l-Kelma ħajja tiegħu li biha nistgħu nagħtu prova li l-messaġġ tagħna hu taʼ min jafdah u li ġej mingħandu. Huwa għalhekk li meta Pawlu kien qed iħarreġ lil Timotju, hu inkuraġġieh biex jimmaniġġa “sew il-kelma tal-verità.” (2 Tim. 2:15) Kif nistgħu napplikaw il-parir taʼ Pawlu? Billi nagħżlu sew l-iskritturi li nkunu se naqraw lil oħrajn. Il-mira tagħna hi li nilħqu l-qalb taʼ dawk li jisimgħuna. Il-fuljetti li ngħatajna fl-2013 ġew disinjati biex jgħinuna nagħmlu proprju dan.

 AQRA SKRITTURA MAGĦŻULA SEW!

8. Wieħed indokratur tas-servizz x’qal dwar il-fuljetti?

8 Il-fuljetti ġodda kollha huma disinjati l-istess. Allura meta nitgħallmu nużaw wieħed minnhom, inkunu tgħallimna nużawhom kollha. Wieħed indokratur tas-servizz fil-Ħawajj, l-Istati Uniti tal-Amerika, kiteb: “Ma bsarniex kemm dawn l-għodod kienu se jkunu effettivi kemm fix-xogħol minn dar għal dar u kemm fl-ippritkar f’postijiet pubbliċi.” Il-fuljetti għala huma daqstant faċli biex tużahom? Hu jħoss li huma faċli minħabba l-mistoqsija u l-għażla taʼ tweġibiet li hemm fuq quddiem. L-inkwilin m’għandux għalfejn jinkwieta li se jwieġeb b’mod żbaljat. Il-ħu jgħid li minħabba l-mod li bih huma miktubin il-fuljetti, ħafna iktar nies huma lesti li jitkellmu magħna, u dan iwassal għall-konversazzjonijiet interessanti.

9, 10. (a) Il-fuljetti kif inhuma disinjati biex jgħinuna nużaw il-Bibbja? (b) B’liema fuljett kellek l-iktar suċċess, u għala?

9 Kull fuljett fih skrittura magħżula sew li nistgħu naqrawha lill-inkwilin. Ikkunsidra, pereżempju, il-fuljett It-Tbatija Qatt Se Tintemm? Staqsi l-mistoqsija li hemm fuq quddiem. L-inkwilin jistaʼ jagħżel “iva,” “le,” jew “forsi.” Tkun xi tkun it-tweġiba tiegħu, iftaħ il-fuljett u mingħajr ma żżid xejn għid, “Ara x’tgħid il-Bibbja hawnhekk.” Imbagħad aqra Rivelazzjoni 21:3, 4.

10 Meta tuża l-fuljett Int Kif Tħares Lejn il-Bibbja? ma jagħmilx differenza liema tweġiba jagħżel l-inkwilin. Sempliċement iftaħ il-fuljett u għid, “Il-Bibbja tgħid li ‘l-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.’” Maʼ dan tistaʼ żżid, “Fil-fatt, din is-silta tgħid iktar minn hekk.” Imbagħad iftaħ il-Bibbja tiegħek, u aqra t-2 Timotju 3:16, 17.

11, 12. (a) B’liema mod tistaʼ tuża l-fuljetti biex il-ministeru tiegħek ikun iktar pjaċevoli? (b) Il-fuljetti kif jistgħu jgħinuk tipprepara għaż-żjajjar lura?

11 Għandek mnejn tiddeċiedi li tkompli taqra u tiddiskuti iktar mill-fuljett. Dan jiddependi minn kif jirreaġixxi l-inkwilin. Imma jaġixxu kif jaġixxu n-nies, huma se jkunu ngħataw il-messaġġ mill-fuljett, u int tkun qrajtilhom ftit mill-Kelma t’Alla. Anki jekk fl-ewwel żjara tkun qrajt biss vers wieħed jew tnejn, tistaʼ tmur darb’oħra u tkompli l-konversazzjoni.

 12 Fuq wara taʼ kull fuljett hemm is-sottitlu “Aħseb dwar dan” u taħtu hemm mistoqsija u skritturi li jistgħu jiġu diskussi fi żjara lura. Fil-fuljett Int Kif Tħares Lejn il-Futur? il-mistoqsija għad-darba taʼ wara hi “Alla kif se jbiddel id-dinja tagħna għall-aħjar?” Imbagħad issib referenza għal Mattew 6:9, 10 u Danjel 2:44. Għall-fuljett Jistgħu l-Mejtin Verament Jerġgħu Jgħixu? il-mistoqsija hi “Għala nixjieħu u mmutu?” Imbagħad issib referenza għal Ġenesi 3:17-19 u Rumani 5:12.

13. Spjega kif tuża l-fuljetti biex tibda studji tal-Bibbja.

13 Il-fuljetti huma disinjati biex jgħinuna nibdew studji tal-Bibbja. Meta individwu jiskenja l-kodiċi QR minn fuq wara tal-fuljett, jidħol fil-Websajt tagħna. Hemmhekk se jiġi inkuraġġit biex jistudja l-Bibbja. Il-fuljetti jenfasizzaw ukoll il-browxer Aħbar Tajba Mingħand Alla! u jirreferu għal lezzjoni speċifika minnu. Pereżempju, il-fuljett Min Tassew Qed Jikkontrolla d-Dinja? jiġbed l-attenzjoni lejn lezzjoni 5 tal-browxer. Il-fuljett X’Inhu s-Sigriet Għal Familja Ferħana? jiġbed l-attenzjoni lejn lezzjoni 9. Dawn il-fuljetti huma disinjati biex jgħinuna nużaw il-Bibbja fl-ewwel żjara u fi żjajjar lura. B’dan il-mod nistgħu nibdew iktar studji tal-Bibbja. X’tistaʼ tagħmel iktar biex tuża l-Kelma t’Alla b’mod effettiv?

IDDISKUTI SUĠĠETT LI N-NIES JAĦSBU DWARU

14, 15. Kif tistaʼ timita l-eżempju taʼ Pawlu fil-ministeru tiegħek?

14 Pawlu xtaq ħafna jifhem kif jaħsbuha l-biċċa l-kbira tan-nies li kien jiltaqaʼ magħhom fil-ministeru tiegħu. (Aqra l-1 Korintin 9:19-23.) Għala? Għax hu ried jgħin lil “nies taʼ kull xorta,” kemm Lhud kif ukoll oħrajn, jitgħallmu l-verità biex isalvaw. (Atti 20:21) Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Pawlu hekk kif nippreparaw għall-ministeru u nippritkaw lil “bnedmin taʼ kull xorta”?—1 Tim. 2:3, 4.

15 Kull xahar, Il-Ministeru tas-Saltna jkun fih suġġerimenti dwar kif nistgħu nippreżentaw il-messaġġ tagħna fil-ministeru. Ipprovahom. Imma xi ngħidu jekk in-nies fit-territorju tiegħek jinkwetahom suġġett ieħor? Ipprepara biex tgħid xi ħaġa li tinteressahom. In-nies taʼ madwarek dwar xiex qed jitħassbu? Agħżel skrittura li għandha x’taqsam maʼ dak is-suġġett. Indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u martu jgħidu kif jużaw il-Bibbja iktar fil-ministeru tagħhom: “Il-biċċa l-kbira tal-inkwilini jħalluna naqrawlhom vers jekk ma niħdux fit-tul u mmorru mill-ewwel għall-punt. Waqt li jkollna l-Bibbja diġà miftuħa f’idna, insellmulhom u wara naqraw il-vers.” Fil-paragrafi li ġejjin, ikkunsidra xi suġġetti, mistoqsijiet, u skritturi li wrew li kienu taʼ suċċess fil-ministeru. Għandek mnejn tkun tixtieq tuża xi ftit minnhom fit-territorju tiegħek.

Qiegħed tuża l-Bibbja u l-fuljetti b’mod effettiv fil-ministeru tiegħek? (Ara paragrafi 8-13)

16. Spjega kif tistaʼ tuża Isaija 14:7 fil-ministeru.

16 Jekk tgħix fi nħawi fejn hemm il-kriminalità u l-vjolenza, tistaʼ tistaqsi lil dak li jkun: “Tistaʼ timmaġina din l-aħbar fuq il-faċċata tal-gazzetta: ‘L-art kollha straħet, m’għadx għandha tfixkil. In-nies qed jifirħu b’għajat ferrieħi’? Hekk tgħid il-Bibbja f’Isaija 14:7. Infatti, il-Bibbja twiegħed li dalwaqt se jkun hawn il-paċi.” Imbagħad offri li taqra waħda mill-ħafna wegħdi taʼ paċi li nsibu fil-Bibbja.

17. Kif tistaʼ tuża Mattew 5:3 biex tibda konversazzjoni?

17 Huwa diffiċli għal ħafna rġiel fl-inħawi  tiegħek biex jaqilgħu l-għajxien? Jekk inhu hekk, tistaʼ tibda konversazzjoni billi tistaqsi: “Kemm taħseb li għandu jaqlaʼ flus raġel sabiex il-familja tiegħu tkun ferħana?” Wara li l-individwu jwieġeb, għidlu: “Ħafna rġiel jaqilgħu bil-wisq iktar minn hekk, imma l-familji tagħhom xorta mhumiex kuntenti. Allura x’hemm bżonn verament?” Imbagħad aqra Mattew 5:3 u offri studju tal-Bibbja.

18. Biex tfarraġ lil oħrajn, kif tistaʼ tuża Ġeremija 29:11?

18 In-nies fil-lokalità tiegħek qed ibatu minħabba xi traġedja li ġrat dan l-aħħar? Tistaʼ tibda l-preżentazzjoni tiegħek billi tgħid: “Ġejt inżurek biex naqsam miegħek xi kliem taʼ faraġ. (Aqra Ġeremija 29:11.) Innotajt liema huma t-tliet affarijiet li Alla jixtieq għalina? ‘Paċi,’ ‘futur,’ u ‘tama.’ Mhuwiex taʼ faraġ li nkunu nafu li hu jrid li jkollna ħajja sabiħa? Imma dan kif inhu possibbli?” Imbagħad iġbed l-attenzjoni lejn lezzjoni adattata mill-browxer Aħbar Tajba.

19. Spjega kif tistaʼ tuża Rivelazzjoni 14:6, 7 meta titkellem maʼ nies reliġjużi.

19 Fit-territorju tiegħek, in-nies tinteressahom ir-reliġjon? Jekk iva, tistaʼ tibda konversazzjoni billi tistaqsi: “Li kieku jkellmek anġlu, tismaʼ minn dak li jkollu xi jgħid? (Aqra Rivelazzjoni 14:6, 7.) Dan l-anġlu jgħid ‘ibżgħu minn Alla u qimu lil Dak li għamel is-sema u l-art.’ Taf x’jismu Dak li għamel is-sema u l-art?” Imbagħad aqra Salm 124:8, li jgħid: “L-għajnuna tagħna hi fl-isem taʼ Ġeħova, Dak li għamel is-sema u l-art.” Imbagħad offri li tispjegalu iktar dwar Alla Ġeħova.

20. (a) B’liema mod tistaʼ tuża Proverbji 30:4 biex tgħallem lil xi ħadd x’jismu Alla? (b) B’liema skrittura kellek riżultati tajbin fil-ministeru tiegħek?

20 Tistaʼ tibda konversazzjoni maʼ żagħżugħ billi tgħid: “Nixtieq nurik vers mill-Bibbja li jqajjem mistoqsija importanti ħafna. (Aqra Proverbji 30:4.) L-ebda bniedem ma jistaʼ jagħmel dawn l-affarijiet, allura dan il-vers bilfors li qed jirreferi għall-Ħallieq tagħna. * Kif nistgħu nsiru nafu x’jismu? Tippermettili nurik dan mill-Bibbja?”

UŻA L-QAWWA TAL-KELMA T’ALLA FIL-MINISTERU TIEGĦEK

21, 22. (a) Skrittura magħżula sew kif tistaʼ tbiddel il-ħajja taʼ xi ħadd? (b) X’int determinat li tagħmel hekk kif twettaq il-ministeru tiegħek?

21 Qatt ma tistaʼ tgħid kif se jirreaġixxu n-nies għal skrittura magħżula sew. Pereżempju, żewġ Xhieda fl-Awstralja ħabbtu fuq bieb taʼ mara żagħżugħa. Wieħed minnhom staqsieha, “Taf x’jismu Alla?” u mbagħad qara skrittura waħda—dik taʼ Salm 83:18. “Bqajt imbellha!” tgħid il-mara. “Wara li telqu, soqt 56 kilometru biex immur f’ħanut tal-kotba ħalli niċċekkja traduzzjonijiet oħrajn tal-Bibbja u mbagħad fittixt l-isem f’dizzjunarju. Meta sirt konvinta li isem Alla hu Ġeħova, bdejt naħseb dwar x’kien hemm iktar li ma kontx naf.” Ftit wara dan, hi u l-għarus tagħha bdew jistudjaw il-Bibbja, u maż-żmien tgħammdu.

22 Il-Kelma t’Alla tbiddel il-ħajja taʼ dawk li jaqrawha u jiżviluppaw il-fidi fil-wegħdi taʼ Ġeħova. (Aqra l-1 Tessalonikin 2:13.) Il-messaġġ tal-Bibbja hu iktar qawwi minn kwalunkwe ħaġa li nistgħu ngħidu aħna biex nipprovaw nilħqu l-qalb taʼ xi ħadd. Huwa għalhekk li għandna nkunu determinati li, f’kull opportunità possibbli, nużaw il-Kelma t’Alla. Hi ħajja!

^ par. 20 Ara t-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Mejju 2002, paġna 5.