Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Qed tara “lil Dak li hu inviżibbli”?

Qed tara “lil Dak li hu inviżibbli”?

“Baqaʼ sod bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.”EBR. 11:27.

1, 2. (a) Spjega għala Mosè deher li kien fil-periklu. (Ara l-ewwel stampa.) (b) Mosè għala ma beżax mir-rabja tas-sultan?

IL-Fargħun kien ħakkiem setgħan, u l-Eġizzjani qimuh bħala alla. Ktieb dwar il-ħakma tal-Eġittu jgħid li għall-Eġizzjani, hu kien akbar minn kwalunkwe ħliqa oħra fuq l-art “fl-għerf u fil-qawwa.” (When Egypt Ruled the East) Il-Fargħun ried li l-Eġizzjani jibżgħu minnu, allura kien jilbes kuruna bix-xbieha taʼ kobra lesta biex tattakka. Din ix-xbieha kienet tfakkira li l-għedewwa tas-sultan malajr kienu se jinqerdu. Mela immaġina kif ħassu Mosè meta Ġeħova qallu: “Ħalli nibagħtek għand il-Fargħun, u toħroġ il-poplu tiegħi wlied Israel mill-Eġittu.”Eżo. 3:10.

2 Mosè mar l-Eġittu, ħabbar il-messaġġ t’Alla, u ġibed fuqu l-qilla tal-Fargħun. Wara li l-Eġittu kien milqut minn disaʼ kastigi, il-Fargħun wissa lil Mosè: “Tipprovax terġaʼ tara ’l wiċċi, għaliex dakinhar li tara ’l wiċċi tmut.” (Eżo. 10:28) Qabel ma Mosè telaq minn quddiem il-Fargħun, hu pprofetizza li l-ewwel iben imwieled tas-sultan kien se jmut. (Eżo. 11:4-8) Fl-aħħar, Mosè qal lil kull familja Iżraelija biex joqtlu ħaruf min-nagħaġ jew mill-mogħoż—annimal sagru għall-alla Eġizzjan Ra—u biex iroxxu d-demm tiegħu fuq id-daħla tal-bieb  tagħhom. (Eżo. 12:5-7) Il-Fargħun kif kien se jirreaġixxi? Mosè ma beżax. Għala le? Bil-fidi hu obda lil Ġeħova, “ma beżax mir-rabja tas-sultan, imma baqaʼ sod bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.”—Aqra Ebrej 11:27, 28.

3. X’se neżaminaw dwar il-fidi taʼ Mosè f’“Dak li hu inviżibbli”?

3 Hija l-fidi tiegħek tant b’saħħitha li bħallikieku tistaʼ ‘tara lil Alla’? (Mt. 5:8) Biex insaħħu l-fidi tagħna ħalli nkunu nistgħu naraw “lil Dak li hu inviżibbli,” ejja nikkunsidraw l-eżempju taʼ Mosè. Il-fidi tiegħu f’Ġeħova kif ipproteġietu mill-biżaʼ tal-bniedem? Kif wera li verament kien jemmen fil-wegħdi t’Alla? U l-abbiltà taʼ Mosè li jara “lil Dak li hu inviżibbli” kif saħħitu meta hu u l-poplu tiegħu kienu fil-periklu?

HU “MA BEŻAX MIR-RABJA TAS-SULTAN”

4. Meta Mosè deher quddiem il-Fargħun, dawk bla fidi x’għandhom mnejn ħasbu?

4 Dawk bla fidi għandhom mnejn ħasbu li Mosè ma setax iħabbatha mal-Fargħun setgħan. Il-ħajja u l-futur taʼ Mosè donnhom kienu f’idejn il-Fargħun. Mosè nnifsu kien staqsa lil Ġeħova: “Jien min jien biex immur għand il-Fargħun u noħroġ lil ulied Israel mill-Eġittu?” (Eżo. 3:11) Xi 40 sena qabel, Mosè kien ħarab mill-Eġittu. Hu forsi ħaseb, ‘Huwa verament għaqli li mmur lura l-Eġittu u nissogra li nqanqal ir-rabja tas-sultan?’

5, 6. X’għen lil Mosè jibżaʼ minn Ġeħova, u mhux mill-Fargħun?

5 Alla għallem lil Mosè lezzjoni importanti qabel ma mar lura l-Eġittu. Mosè iktar tard kiteb dwar din il-lezzjoni fil-ktieb taʼ Ġob: “Il-biżaʼ taʼ Ġeħova—dak hu l-għerf.” (Ġob 28:28) Biex jgħin lil Mosè jkollu biżaʼ xieraq u jaġixxi b’mod għaqli, Ġeħova qabbel lill-bnedmin miegħu nnifsu, l-Alla li Jistaʼ Kollox. Hu staqsa: “Min għamel fomm il-bniedem jew min jagħmel li xi ħadd ikun mutu jew trux jew jara ċar jew agħma? Mhux jien, Ġeħova?”Eżo. 4:11.

6 X’kienet il-lezzjoni? Mosè ma kellux għalfejn jibżaʼ. Hu kien intbagħat minn Ġeħova, li kien se jagħti lil Mosè kulma kellu bżonn biex iwassal il-messaġġ t’Alla lill-Fargħun. Barra minn dan, il-Fargħun ma kienx iħabbatha maʼ Ġeħova. Wara kollox, din ma kinitx l-ewwel darba li l-qaddejja t’Alla kienu fil-periklu taħt il-ħakma tal-Eġizzjani. Forsi Mosè mmedita fuq kif Ġeħova kien ipproteġa lil Abraham, lil Ġożwè, u saħansitra lilu nnifsu matul il-ħakma taʼ Fargħunijiet tal-passat. (Ġen. 12:17-19; 41:14, 39-41; Eżo. 1:22–2:10) B’fidi f’Ġeħova, “Dak li hu inviżibbli,” Mosè b’kuraġġ deher quddiem il-Fargħun u qallu kull kelma li Ġeħova kien ikkmandah biex jgħid.

7. Il-fidi f’Ġeħova kif ipproteġiet lil waħda oħt?

7 Il-fidi f’Ġeħova bl-istess mod ipproteġiet lil oħt jisimha Ella milli ċċedi għall-biżaʼ mill-bniedem. Fl-1949, Ella ġiet arrestata fl-Estonja mill-KGB, ġiet imneżżgħa, u mbagħad il-pulizija żgħażagħ qagħdu jiċċassaw lejha. “Ħassejtni umiljata,” qalet hi. “Però, wara li tlabt lil Ġeħova, f’qalbi ħassejt paċi u trankwillità.” Imbagħad, Ella tħalliet waħedha f’ċella żgħira u mudlama għal tlett ijiem. Hi tirrakkonta: “Il-fizzjali għajtu: ‘Aħna se naraw li saħansitra l-isem Ġeħova ma jibqax jissemma fl-Estonja! Int sejra f’kamp, u l-oħrajn sejrin is-Siberja!’ Bit-tmaqdir, komplew jgħidu, ‘Fejn hu Ġeħova tiegħek?’” Kienet Ella se tibżaʼ mill-bniedem jew minn Ġeħova? Meta interrogawha, hi tkellmet bla biżaʼ, u qalet lil dawk li maqdruha: “Ħsibt ħafna dwar dan, u nippreferi ngħix il-ħabs bir-relazzjoni tiegħi m’Alla soda milli nkun ħielsa u nitlef l-approvazzjoni tiegħu.”  Għal Ella, Ġeħova kien reali daqskemm kienu l-irġiel li kienu weqfin quddiemha. Hi baqgħet leali lejn Ġeħova minħabba l-fidi li kellha fih.

8, 9. (a) X’għandek bżonn biex ma tibżax mill-bniedem? (b) Jekk titħajjar iċċedi għall-biżaʼ mill-bniedem, x’għandek iżżomm ċar f’moħħok?

8 Il-fidi f’Ġeħova se tgħinek tegħleb il-biżaʼ tiegħek. Jekk fizzjali setgħanin jipprovaw iwaqqfuk milli tqim lil Alla, forsi jkun jidher li l-ħajja u l-futur tiegħek qegħdin f’idejn umani. Għandek mnejn saħansitra taħseb jekk hux għaqli li tkompli taqdi lil Ġeħova u tqanqal ir-rabja tal-awtoritajiet. Ftakar: Biex ma tibżax mill-bniedem għandek bżonn fidi f’Alla. (Aqra Proverbji 29:25.) Ġeħova jistaqsi: “Min int biex tibżaʼ minn bniedem mortali li se jmut, u minn bin il-bniedem li jintgħamel bħall-ħaxix aħdar?”Is. 51:12, 13.

9 Żomm lil Missierek li jistaʼ kollox ċar f’moħħok. Hu jara lil dawk li jbatu minħabba ħakkiema inġusti, iħoss għalihom, u jaġixxi għall-ġid tagħhom. (Eżo. 3:7-10) Anki jekk ikollok tiddefendi l-fidi tiegħek quddiem fizzjali setgħanin, ‘tkunx ansjuż dwar x’se tgħid jew kif se tgħidu; għax dak li għandek tgħid se jingħatalek dak il-ħin.’ (Mt. 10:18-20) Ħakkiema umani u uffiċjali tal-gvern ma jistgħux iħabbtuha maʼ Ġeħova. Billi ssaħħaħ il-fidi tiegħek issa, tistaʼ tara lil Ġeħova bħala Persuna reali, xi ħadd li hu ħerqan biex jgħinek.

HU KELLU FIDI FIL-WEGĦDI T’ALLA

10. (a) Ġeħova liema istruzzjonijiet ta lill-Iżraelin fix-xahar taʼ Nisan tas-sena 1513 QEK? (b) Mosè għala obda l-istruzzjonijiet t’Alla?

10 Fix-xahar taʼ Nisan tas-sena 1513 QEK, Ġeħova qal lil Mosè u Aron biex jagħtu lill-Iżraelin dawn l-istruzzjonijiet li dehru strambi: Agħżlu ħaruf f’saħħtu tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, oqtluh, u roxxu d-demm tiegħu fuq id-daħla tal-bieb tagħkom. (Eżo. 12:3-7) Mosè kif wieġeb? L-appostlu Pawlu iktar tard kiteb hekk dwaru: “Bil-fidi ċċelebra l-Qbiż u t-traxxix tad-demm, biex il-qerried ma jmissilhomx lill-ewwel imweldin.” (Ebr. 11:28) Mosè kien jaf li Ġeħova hu taʼ min jafdah, u kellu fidi li l-ewwel imweldin kollha fost l-ulied subien fl-Eġittu kienu se jmutu.

11. Mosè għala wissa lil oħrajn?

11 Mosè kien iħobb lill-bnedmin sħabu. Hu b’ubbidjenza wissa lill-familji Iżraelin l-oħrajn li l-ewwel imweldin tagħhom kienu fil-periklu, avolja l-ulied taʼ Mosè milli jidher kienu f’Midjan, ’il bogħod u protetti. (Eżo. 18:1-6) Biex isalvalhom ħajjithom mill-“qerried,” Mosè “minnufih sejjaħ lix-xjuħ kollha taʼ Israel u qalilhom: . . . ‘Oqtlu l-vittma tal-Qbiż.’”Eżo. 12:21. *

12. Ġeħova liema messaġġ importanti qalilna biex nippritkaw?

12 Bl-għajnuna tal-anġli, il-poplu taʼ Ġeħova qed iħabbar dan il-messaġġ importanti: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax waslet is-siegħa biex jagħmel il-ġudizzju, u għalhekk qimu lil Dak li għamel is-sema u l-art u l-baħar u l-għejun taʼ l-ilmijiet.” (Riv. 14:7) Issa hu ż-żmien li nippritkaw dan il-messaġġ. Irridu nwissu lill-ġirien tagħna biex joħorġu minn Babilonja l-Kbira, ħalli ma ‘jirċivux parti mill-kastigi tagħha.’ (Riv. 18:4) Kristjani midlukin, bl-għajnuna tan-“nagħaġ oħrajn,” jitolbu lin-nies bil-ħrara biex isiru ħbieb m’Alla.Ġw. 10:16; 2 Kor. 5:20.

13. X’se jgħinek tkabbar ix-xewqa tiegħek biex tipprietka l-aħbar tajba?

13 Aħna konvinti li “s-siegħa biex jagħmel il-ġudizzju” waslet. Fiduċjużi  wkoll li Ġeħova m’esaġerax l-urġenza tax-xogħol tagħna tal-ippritkar u taʼ li nagħmlu dixxipli. F’viżjoni, l-appostlu Ġwanni ra “erbaʼ anġli weqfin fl-erbaʼ rokniet taʼ l-art, iżommu sew l-erbat irjieħ taʼ l-art.” (Riv. 7:1) Bil-fidi, qed tara lil dawn l-anġli lesti biex jitilqu l-irjieħ qerrieda tat-tribulazzjoni l-kbira fuq din id-dinja? Jekk tara lil dawn l-anġli bl-għajnejn tal-fidi, m’intix se żżomm lura milli tipprietka l-aħbar tajba.

14. Xi jqanqalna biex ‘inwissu lill-ħażin dwar triqtu l-ħażina’?

14 Il-Kristjani veri diġà jgawdu ħbiberija maʼ Ġeħova u tama taʼ ħajja eterna. Però, aħna nirrikonoxxu li għandna r-responsabbiltà li ‘nwissu lill-ħażin dwar triqtu l-ħażina biex inżommuh ħaj.’ (Aqra Eżekjel 3:17-19.) M’għandniex xi ngħidu, ma nippritkawx sempliċement biex ma nkunux ħatjin tad-demm. Aħna nħobbu lil Ġeħova u nħobbu lill-proxxmu tagħna. Fit-tixbiha tiegħu tas-Samaritan, Ġesù għallimna xi jfisser verament li nuru mħabba u ħniena. Forsi nistaqsu lilna nfusna, ‘Jien bħas-Samaritan jew bħall-qassis u l-Levita? Dejjem inkun lest biex nagħti xhieda, jew inġib l-iskużi biex ma nippritkax lil oħrajn?’ (Lq. 10:25-37) Fidi fil-wegħdi t’Alla u mħabba għall-proxxmu se jqanqluna biex ikollna sehem sħiħ fil-ministeru qabel ma jkun tard wisq.

“GĦADDEW MILL-BAĦAR L-AĦMAR”

15. L-Iżraelin għala ħassewhom maqbudin f’nassa?

15 Il-fidi taʼ Mosè f’“Dak li hu inviżibbli” għenitu meta l-Iżraelin  kienu fil-periklu wara li telqu mill-Eġittu. Il-Bibbja tgħid: “Ulied Israel refgħu għajnejhom, u, ara, l-Eġizzjani kienu ġejjin warajhom; u wlied Israel beżgħu mhux ftit u bdew jgħajtu lil Ġeħova.” (Eżo. 14:10-12) L-Iżraelin imisshom stennew din is-sitwazzjoni għax Ġeħova kien bassar: “Se nħalli lill-Fargħun iwebbes qalbu, u hu jitlaq għal warajhom u jien nikseb il-glorja għalija permezz tal-Fargħun u l-qawwiet militari kollha tiegħu; u l-Eġizzjani żgur li se jkunu jafu li jien Ġeħova.” (Eżo. 14:4) Minkejja t-twissija taʼ Ġeħova, l-Iżraelin ma kellhomx fidi. Bdew jaraw biss il-Baħar l-Aħmar jagħlqilhom it-triq quddiemhom, il-karrijiet tal-gwerra tal-Fargħun resqin bil-ħeffa warajhom, u ragħaj taʼ 80 sena jmexxihom! Ħassewhom maqbudin f’nassa.

16. Il-fidi kif saħħet lil Mosè ħdejn il-Baħar l-Aħmar?

16 Madankollu, Mosè ma beżax. Għala le? Għax l-għajnejn tal-fidi tiegħu raw xi ħaġa ħafna iktar setgħana minn baħar jew armata. Hu setaʼ ‘jara kif Ġeħova kien se jsalvahom,’ u kien jaf li Ġeħova kien se jiġġieled għall-Iżraelin. (Aqra Eżodu 14:13, 14.) Il-fidi taʼ Mosè saħħet u inkuraġġiet lill-poplu t’Alla. “Bil-fidi għaddew mill-Baħar l-Aħmar qisu fuq art niexfa,” tgħid il-Bibbja, “imma malli l-Eġizzjani ssograw jgħaddu, inbelgħu.” (Ebr. 11:29) Għalhekk, “in-nies bdew jibżgħu minn Ġeħova u jpoġġu l-fidi f’Ġeħova u f’Mosè l-qaddej tiegħu.”Eżo. 14:31.

17. Liema ġrajja fil-futur se tgħaddi l-fidi tagħna minn prova?

17 Dalwaqt, il-ħajja tagħna se tkun tidher li hi fil-periklu. Sal-quċċata tat-tribulazzjoni l-kbira, il-gvernijiet taʼ din id-dinja se jkunu qerdu għalkollox organizzazzjonijiet reliġjużi li kienu ħafna iktar b’saħħithom minn tagħna. (Riv. 17:16) Fi profezija, Ġeħova jgħid li aħna se nkunu bla difiża bħal ‘pajjiż li jinsab f’kampanja miftuħa mingħajr swar, staneg, u bibien.’ (Eżek. 38:10-12, 14-16) Bl-għajnejn fiżiċi tagħna se jkun jidher li hu impossibbli li nsalvaw. Int kif se tirreaġixxi?

18. Spjega għala nistgħu nżommu sod matul it-tribulazzjoni l-kbira.

18 M’għandniex għalfejn nibżgħu. Għala le? Għax Ġeħova bassar dan l-attakk fuq il-poplu tiegħu. Hu bassar ukoll li kien se jsalvahom. “‘Irid iseħħ f’dak il-jum, fil-jum meta Gog jidħol fuq l-art taʼ Israel,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova, ‘li l-korla tiegħi titlaʼ fi mnieħri. U fil-ħeġġa tiegħi, fin-nar tal-qilla tiegħi, se jkolli nitkellem.’” (Eżek. 38:18-23) Alla mbagħad se jeqred lil dawk kollha li jridu jweġġgħu lill-poplu tiegħu. Jekk għandek fidi li Ġeħova se jipproteġik matul “il-jum il-kbir taʼ Ġeħova, jum li jqanqal il-biżaʼ,” se tkun tistaʼ ‘tara kif Ġeħova se jsalvak’ u żżomm sod.Ġoel 2:31, 32.

19. (a) Kif kienet ir-relazzjoni bejn Ġeħova u Mosè? (b) Jekk tobdi lil Ġeħova “fil-mogħdijiet tiegħek kollha,” liema barkiet se jkollok?

19 Ipprepara issa għal dawn il-ġrajjiet eċċitanti billi ‘tibqaʼ sod bħallikieku qed tara lil Dak li hu inviżibbli’! Saħħaħ il-ħbiberija tiegħek m’Alla Ġeħova permezz taʼ studju u talb regulari. Mosè tant kellu ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova u ntuża minnu b’mod tant setgħan li l-Bibbja tgħid li Ġeħova kien jaf lil Mosè “wiċċ imbwiċċ.” (Dt. 34:10) Mosè kien profeta straordinarju. Jekk għandek il-fidi, anki int jistaʼ jkollok ħbiberija tant mill-qrib maʼ Ġeħova li se jkun bħallikieku tistaʼ tarah verament. Jekk tobdih “fil-mogħdijiet tiegħek kollha,” kif tinkuraġġik tagħmel il-Kelma t’Alla, “hu jiddrittalek triqatek.”Prov. 3:6.

^ par. 11 Ġeħova bagħat lill-anġli biex joqtlu l-ewwel imweldin tal-Eġizzjani.—Salm 78:49-51.