Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Min Hu Tassew l-Ilsir Leali u Għaqli?”

“Min Hu Tassew l-Ilsir Leali u Għaqli?”

“Min hu tassew l-ilsir leali u għaqli li sidu ħatru fuq il-qaddejja taʼ daru?” —MT. 24:45.

1, 2. Ġesù b’liema mezz qed jitmagħna llum, u għala hu vitali li nagħrfu lil dan il-mezz?

“ĦUTI, ma nistax ngħodd kemm-il darba tajtuni artikli li kien fihom eżatt dak li kelli bżonn meta l-aktar kelli bżonnu.” Waħda oħt hekk esprimiet l-apprezzament tagħha f’ittra lill-aħwa li jaħdmu fil-kwartieri ġenerali tagħna. Tħossok int bħalha? Ħafna minna hekk inħossuna. Għandu dan jissorprendina? Le.

2 L-ikel spiritwali f’waqtu li nirċievu huwa evidenza li Ġesù, il-Kap tal-kongregazzjoni, qed iżomm il-wegħda tiegħu li jitmagħna. Ġesù lil min qed juża biex jitmagħna? Meta Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu x’kien se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħu, hu qal li kien se juża “l-ilsir leali u għaqli” biex jagħti “l-ikel fiż-żmien xieraq” lill-qaddejja taʼ daru. * (Aqra Mattew 24:45-47.) Dan l-ilsir leali huwa l-mezz li bih Ġesù qed jitmaʼ lis-segwaċi veri tiegħu f’dan iż-żmien tat-tmiem. Huwa vitali li nagħrfu lill-ilsir leali. Is-saħħa spiritwali u r-relazzjoni tagħna m’Alla jiddependu minn dan il-mezz.—Mt. 4:4; Ġw. 17:3.

3. Il-pubblikazzjonijiet tagħna x’qalu dwar it-tixbiha tal-ilsir leali?

3 Allura, kif għandna nifhmu t-tixbiha taʼ Ġesù dwar l-ilsir leali? Fil-passat, il-pubblikazzjonijiet tagħna qalu dan li ġej: F’Pentekoste tas-sena 33 E.K., Ġesù ħatar lill-ilsir leali fuq il-qaddejja taʼ daru. L-ilsir jirrappreżenta lill-Kristjani midlukin kollha fuq l-art bħala grupp fi kwalunkwe perijodu taʼ żmien minn dakinhar ’il quddiem. Il-qaddejja taʼ daru jirreferu għall-istess midlukin bħala individwi. Fl-1919, Ġesù ħatar lill-ilsir leali “fuq kulma għandu,” kull ħaġa fuq l-art li tintuża biex tappoġġa  x-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna. Imma wara li studjajna s-suġġett bir-reqqa, tlabna dwaru, u mmeditajna fuqu, irrealizzajna li l-fehma tagħna tal-kliem taʼ Ġesù dwar l-ilsir leali u għaqli għandha bżonn tinbidel. (Prov. 4:18) Issa ejja neżaminaw it-tixbiha u kif teffettwana, kemm jekk għandna t-tama għas-sema u kemm jekk għall-art.

IT-TIXBIHA META TITWETTAQ?

4-6. Għala nistgħu nikkonkludu li t-tixbiha taʼ Ġesù tal-ilsir leali bdiet titwettaq biss wara l-1914?

4 Il-kuntest tat-tixbiha tal-ilsir leali u għaqli juri li ma bdietx titwettaq f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., imma f’dan iż-żmien tat-tmiem. Ejja naraw kif l-Iskrittura twassalna għal din il-konklużjoni.

5 It-tixbiha tal-ilsir leali hija parti mill-profezija taʼ Ġesù dwar ‘is-sinjal tal-preżenza tiegħu u tal-konklużjoni tas-sistema.’ (Mt. 24:3) L-ewwel parti tal-profezija miktuba f’Mattew 24:4-22 għandha żewġ twettiqiet. L-ewwel twettiq kien mis-sena 33 E.K. sas-sena 70 E.K. u t-tieni u l-akbar twettiq hu fi żmienna. Ifisser dan li kliem Ġesù dwar l-ilsir leali wkoll kien se jkollu żewġ twettiqiet? Le.

6 Minn meta Ġesù qal il-kliem imniżżel f’Mattew 24:29, hu ffoka primarjament fuq ġrajjiet li kienu se jseħħu fi żmienna. (Aqra Mattew 24:30, 42, 44.) Hu u jitkellem dwar dak li se jiġri matul it-tribulazzjoni l-kbira, hu qal li n-nies se “jaraw lil Bin il-bniedem ġej fuq is-sħab tas-sema.” Imbagħad, fi kliem indirizzat lil dawk ħajjin waqt l-aħħar jiem, hu qal: “Ma tafux f’liema jum ġej il-Mulej tagħkom” u, “F’siegħa li ma tistennewhiex ġej Bin il-bniedem.” * F’dan il-kuntest—meta kien qed jitkellem dwar ġrajjiet li kienu se jseħħu fl-aħħar jiem—Ġesù rrakkonta t-tixbiha tal-ilsir leali. Għalhekk, nistgħu nikkonkludu li kliemu dwar dan l-ilsir leali beda jitwettaq biss wara li bdew l-aħħar jiem fl-1914. Din il-konklużjoni tagħmel sens. Għala?

7. Liema mistoqsija vitali qamet hekk kif beda l-istaġun tal-ħsad, u għala?

7 Aħseb ftit dwar il-mistoqsija: “Min hu tassew l-ilsir leali u għaqli?” Fl-ewwel seklu, ma kienx hemm għalfejn issir din il-mistoqsija. Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel dan, l-appostli setgħu jwettqu l-mirakli u saħansitra jagħtu lil oħrajn għotjiet tal-ispirtu. Dan ta prova li l-appostli kienu dawk li Alla kien qed juża. (Atti 5:12) Allura ħadd ma kellu għalfejn jistaqsi min tassew kien maħtur minn Kristu biex jieħu t-tmexxija. Madankollu, fl-1914 is-sitwazzjoni kienet differenti ferm. L-istaġun tal-ħsad beda f’dik is-sena. Fl-aħħar kien wasal iż-żmien biex is-sikrana tinfired minn mal-qamħ. (Mt. 13:36-43) Hekk kif beda l-istaġun tal-ħsad, qamet mistoqsija vitali: Minħabba li kien hemm bosta Kristjani foloz li kienu qed isostnu li huma s-segwaċi veri taʼ Kristu, il-qamħ—jiġifieri, il-Kristjani midlukin—kif setaʼ jiġi identifikat? It-tixbiha tal-ilsir leali tat it-tweġiba. Is-segwaċi midlukin taʼ Kristu kienu se jkunu l-uħud li kienu mitmugħin tajjeb spiritwalment.

MIN HU L-ILSIR LEALI U GĦAQLI?

8. Għala jagħmel sens li Kristjani midlukin jifformaw l-ilsir leali?

8 Dawk li jifformaw l-ilsir leali għandhom ikunu Kristjani midlukin fuq l-art. Huma msejħin “saċerdozju rjali” u ġew maħturin biex jippritkaw lil oħrajn dwar l-affarijiet meraviljużi li għamel  Alla. (1 Pt. 2:9) Jagħmel sens li membri taʼ dan is-“saċerdozju rjali” jkunu l-uħud li jgħallmu l-verità lil ħuthom.—Mal. 2:7; Riv. 12:17.

9. Huma l-midlukin kollha li jifformaw l-ilsir leali? Spjega.

9 Huma l-midlukin kollha fuq l-art li jifformaw l-ilsir leali? Le. Mhux il-midlukin kollha jagħtu l-ikel spiritwali lil ħuthom madwar id-dinja. Fost il-qamħ hemm aħwa rġiel midlukin li forsi jaqdu bħala qaddejja ministerjali jew anzjani fil-kongregazzjoni lokali tagħhom. Huma jgħallmu minn dar għal dar u fil-kongregazzjoni tagħhom, u jappoġġaw lealment id-direzzjoni mill-kwartieri ġenerali. Imma m’għandhomx sehem f’li jagħtu l-ikel spiritwali lil ħuthom madwar id-dinja. Ukoll, fost il-midlukin hemm aħwa nisa umli, li qatt mhuma se jipprovaw isiru għalliema fil-kongregazzjoni.—1 Kor. 11:3; 14:34.

10. Min hu l-ilsir leali u għaqli?

10 Allura, min hu l-ilsir leali u għaqli? Dan l-ilsir hu magħmul minn grupp żgħir t’aħwa rġiel midlukin li huma involuti direttament f’li jippreparaw u jqassmu l-ikel spiritwali matul il-preżenza taʼ Kristu. Dan hu simili għal kif Ġesù temaʼ lil ħafna permezz taʼ ftit uħud fl-ewwel seklu. Matul l-aħħar jiem, l-aħwa rġiel midlukin li jifformaw l-ilsir leali qdew flimkien fil-kwartieri ġenerali. Fi snin reċenti, dan l-ilsir kien il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Iżda nnota li fit-tixbiha tiegħu, Ġesù qal li kien se jkun hemm “ilsir” wieħed. B’hekk, id-deċiżjonijiet tal-Ġemgħa li Tiggverna jittieħdu flimkien bħala grupp.

MIN HUMA L-QADDEJJA TAD-DAR?

11, 12. (a) L-ilsir leali u għaqli jirċievi liema żewġ ħatriet? (b) Ġesù meta ħatar lill-ilsir leali fuq il-qaddejja taʼ daru, u lil min għażel?

11 Innota li fit-tixbiha taʼ Ġesù, l-ilsir leali u għaqli jirċievi żewġ ħatriet differenti. L-ewwel waħda hi fuq il-qaddejja tad-dar. It-tieni hi fuq kulma għandu s-sid. Ladarba t-tixbiha titwettaq biss f’dan iż-żmien tat-tmiem, iż-żewġ ħatriet iridu jseħħu wara l-1914, meta bdiet il-preżenza taʼ Ġesù bħala Sultan.

12 Ġesù meta ħatar lill-ilsir leali fuq il-qaddejja taʼ daru? Biex inwieġbu din irridu mmorru lura fl-1914—il-bidu tal-istaġun tal-ħsad. Bħalma tgħallimna qabel,  f’dak iż-żmien ħafna gruppi sostnew li kienu Kristjani. Ġesù minn liema grupp kien se jagħżel u jaħtar lill-ilsir leali? Din il-mistoqsija twieġbet wara li hu u Missieru marru u spezzjonaw it-tempju, jew l-arranġament spiritwali għall-qima, mill-1914 sal-bidu tal-1919. * (Mal. 3:1) Huma kienu kuntenti bi grupp żgħir taʼ Studenti tal-Bibbja leali li wrew li qalbhom kienet marbuta maʼ Ġeħova u l-Kelma tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, huma kellhom bżonn xi tindif, imma bl-umiltà aċċettaw il-korrezzjoni matul perijodu taʼ ttestjar u rfinar. (Mal. 3:2-4) Dawn l-Istudenti tal-Bibbja leali kienu Kristjani veri, il-qamħ fit-tixbiha taʼ Ġesù. Fl-1919, minn fosthom Ġesù għażel aħwa rġiel midlukin kwalifikati biex ikunu l-ilsir leali u għaqli u ħatarhom fuq il-qaddejja taʼ daru.

13. Min jifforma l-qaddejja tad-dar, u għala?

13 Allura min huma l-qaddejja tad-dar? Fi kliem sempliċi, huma dawk li jirċievu l-ikel spiritwali. Kmieni fl-aħħar jiem, il-qaddejja tad-dar kienu kollha midlukin. Iktar tard, folla kbira taʼ nagħaġ oħrajn ukoll saret parti mill-qaddejja tad-dar. In-nagħaġ oħrajn issa jifformaw il-biċċa l-kbira tal-“merħla waħda” taħt it-tmexxija taʼ Kristu. (Ġw. 10:16) Iż-żewġ gruppi jibbenefikaw mill-istess ikel spiritwali f’waqtu li jingħata mill-ilsir leali. Huma l-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna li llum jifformaw l-ilsir leali u għaqli qaddejja tad-dar ukoll? Dawn l-aħwa wkoll jeħtieġu l-ikel spiritwali. Għalhekk, bl-umiltà huma jagħrfu li bħala individwi huma qaddejja tad-dar bħall-Kristjani veri l-oħrajn kollha.

Kemm jekk it-tama tagħna hi għas-sema u kemm jekk hi għall-art, aħna lkoll qaddejja tad-dar u neħtieġu l-istess ikel spiritwali f’waqtu

14. (a) L-ilsir leali liema responsabbiltà ngħata, u din x’tinkludi? (b) Ġesù liema twissija ta lill-ilsir leali u għaqli? (Ara l-kaxxa “Jekk Xi Darba l-Ilsir mill-Agħar . . .”)

14 Ġesù ta lill-ilsir leali u għaqli responsabbiltà importanti ferm. Fi żminijiet Bibliċi, ilsir, jew prokuratur, fdat kien imexxi kulma kellu sidu. (Lq. 12:42) B’mod simili, l-ilsir leali u għaqli ngħata r-responsabbiltà li jmexxi kulma hawn fuq l-art li hu taʼ Kristu. Din ir-responsabbiltà tinkludi li jieħu ħsieb il-flus, il-proprjetà, ix-xogħol tal-ippritkar, u l-programmi tal-assembleat u l-konvenzjonijiet. Tinkludi wkoll li jagħmel il-letteratura Biblika li nużaw fil-ministeru tal-għalqa, fl-istudju persunali, u fil-laqgħat tal-kongregazzjoni.  Il-qaddejja tad-dar jiddependu mill-ikel spiritwali kollu li jagħti l-ilsir leali.

L-ILSIR META JINĦATAR FUQ KULMA GĦANDU S-SID?

15, 16. Ġesù meta jaħtar lill-ilsir leali fuq kulma għandu?

15 Ġesù meta jagħmel it-tieni ħatra—“fuq kulma għandu”? Ġesù qal: “Hieni hu dak l-ilsir li sidu, meta jasal [letteralment, “ikun ġie”], isibu jagħmel hekk! Tassew ngħidilkom, Hu jaħtru fuq kulma għandu.” (Mt. 24:46, 47) Innota li Ġesù jagħmel it-tieni ħatra wara li jasal u jsib li l-ilsir kien qed “jagħmel hekk,” jiġifieri, lealment jagħti l-ikel spiritwali. Allura kien se jkun hemm intervall bejn iż-żewġ ħatriet. Biex nifhmu kif u meta Ġesù jaħtar lill-ilsir fuq kulma għandu, għandna bżonn inkunu nafu żewġ affarijiet: meta jasal u x’jinkludi kulma għandu.

16 Ġesù meta jasal? It-tweġiba tinsab fil-kuntest. Ftakar li meta l-versi taʼ qabel jitkellmu dwar Ġesù bħala li “ġej,” il-kelma tirreferi għaż-żmien meta se jiġi biex iħabbar u jagħmel ġudizzju fl-aħħar taʼ din is-sistema. * (Mt. 24:30, 42, 44) Għalhekk, ‘il-wasla,’ jew ‘il-miġja’ taʼ Ġesù, imsemmija fit-tixbiha tal-ilsir leali sseħħ waqt it-tribulazzjoni l-kbira.

17. X’jinkludi kulma għandu Ġesù?

17 X’jinkludi “kulma għandu” Ġesù? Dak li għandu Ġesù ma qigħedx biss fuq l-art. Hu għandu affarijiet fis-sema wkoll. Ġesù darba qal: “Lili ngħatat kull awtorità fis-sema u fuq l-art.” (Mt. 28:18; Efes. 1:20-23) Kulma għandu issa jinkludi s-Saltna Messjanika. Din is-Saltna kienet tiegħu mill-1914 ’il quddiem, u s-segwaċi midlukin tiegħu għandhom sehem miegħu f’din is-Saltna.—Riv. 11:15.

 18 Mela x’nistgħu nikkonkludu? Meta Ġesù jiġi biex jeqred lil dawk mill-agħar matul it-tribulazzjoni l-kbira, hu se jsib li l-ilsir leali kien lealment qed jagħti l-ikel spiritwali f’waqtu lill-qaddejja tad-dar. Ġesù mbagħad se jieħu pjaċir jaħtar lil dan l-ilsir fuq kulma għandu. Dawk li jifformaw l-ilsir leali se jingħataw din il-ħatra meta jirċievu l-premju tagħhom fis-sema u jsiru ħakkiema flimkien maʼ Kristu.

19. Jirċievi l-ilsir leali premju akbar fis-sema mill-kumplament tal-midlukin? Spjega.

19 Jirċievi l-ilsir leali premju akbar fis-sema mill-kumplament tal-midlukin? Le. Premju jistaʼ jitwiegħed lil grupp żgħir f’xi żmien u mbagħad jitgawda m’oħrajn iktar tard. Pereżempju, ikkunsidra dak li qal Ġesù lill-11-il appostlu leali tiegħu fil-lejl taʼ qabel mewtu. (Aqra Luqa 22:28-30.) Ġesù wiegħed lil dan il-grupp żgħir taʼ rġiel li kien qed jistenniehom premju mill-isbaħ għall-fedeltà tagħhom. Huma kienu se jkunu slaten miegħu fis-sema. Imma xi snin wara, hu wera li l-144,000 kollha kienu se jkunu slaten miegħu fis-sema. (Riv. 1:1; 3:21) B’mod simili, bħalma jgħid Mattew 24:47, hu wiegħed li grupp żgħir taʼ rġiel—l-aħwa rġiel midlukin li jifformaw l-ilsir leali—se jinħatru fuq kulma għandu. Iżda fir-realtà, il-144,000 kollha flimkien maʼ Kristu se jkollhom awtorità fuq kulma għandu.—Riv. 20:4, 6.

Il-144,000 kollha flimkien maʼ Ġesù se jkollhom awtorità fuq kulma għandu (Ara paragrafu 19)

20. Ġesù għala ħatar lill-ilsir leali, u x’inhi d-determinazzjoni tiegħek?

20 Permezz tal-ilsir leali u għaqli, Ġesù qed isegwi l-mudell li ħalla fl-ewwel seklu—qed jitmaʼ lil ħafna permezz taʼ ftit uħud. Ġesù ħatar lil dan l-ilsir leali biex ikun ċert li s-segwaċi ġenwini tiegħu—kemm il-midlukin kif ukoll in-nagħaġ oħrajn—ikomplu jirċievu l-ikel spiritwali f’waqtu matul l-aħħar jiem. Ejja nkunu determinati li nuru l-apprezzament tagħna billi nappoġġaw lealment lill-aħwa rġiel midlukin li jifformaw dan l-ilsir leali u għaqli.—Ebr. 13:7, 17.

 

^ Par. 2 Paragrafu 2: F’okkażjoni oħra qabel dan, Ġesù rrakkonta tixbiha simili li fiha rrefera għall-“ilsir” bħala “prokuratur.”—Lq. 12:42-44.

^ Par. 6 Paragrafu 6: ‘Il-miġja’ (bil-Grieg, erkomaj) taʼ Kristu hija differenti mill-“preżenza” (parusija) tiegħu. Il-preżenza inviżibbli tiegħu tibda qabel ma jiġi biex jagħmel ġudizzju.

^ Par. 12 Paragrafu 12: Ara l-artiklu “Ara, Jien Magħkom il-Jiem Kollha,” f’din il-ħarġa, paġni 10-12, paragrafi 5-8.

^ Par. 16 Paragrafu 16: Ara l-artiklu “Għidilna, Dan Meta Se Jseħħ?” f’din il-ħarġa, paġni 7-8, paragrafi 14-18.