Kienet mill-Familja taʼ Kajfa
Xi drabi, skoperta arkeoloġika direttament jew indirettament tikkonferma l-eżistenza taʼ karattru Bibliku. Pereżempju, fl-2011 xi studjużi Iżraelin ippubblikaw informazzjoni rigward sejba li tagħmel proprju dan. Instab ossarju għad-dfin taʼ 2,000 sena ilu. Ossarju hu kaxxa maħduma mill-blat b’xi skultura mnaqqxa li fih kien jitpoġġa l-għadam taʼ individwu mejjet wara li jkun tmermer il-ġisem.
Fuq dan l-ossarju partikulari tidher l-iskrizzjoni: “Mirjam bint Jesugħa, bin Kajfa, qassis taʼ Magħżija minn Beth ′Imri.” Il-qassis il-kbir Iżraeli li kien involut fil-ġuri u l-qtil taʼ Ġesù kien Kajfa. (Ġw. 11:48-50) L-istorjografu Ġużeppi Flavju jirreferi għalih bħala “Ġużeppi li kien imsejjaħ Kajfa.” Dan l-ossarju milli jidher kien taʼ xi qarib tiegħu. Iktar kmieni nstab ossarju ieħor li huwa maħsub li kien tal-qassis il-kbir innifsu. L-iskrizzjoni taʼ fuqu taqra Yehosef bar Caiapha, jew Ġużeppi, bin Kajfa, * u għalhekk b’xi mod Mirjam kienet tiġi minn Kajfa.
Skont l-informazzjoni mill-Israel Antiquities Authority (IAA), l-ossarju taʼ Mirjam kien ittieħed mingħand il-ħallelin li kienu serqu qabar tal-qedem. L-analisi tiegħu u tal-iskrizzjoni taʼ fuqu jikkonfermaw li hu awtentiku.
L-ossarju jgħidilna xi ħaġa ġdida wkoll. Jirreferi għal “Magħżija,” l-aħħar mill-24 taqsima taʼ qassisin li qdew wieħed wara l-ieħor fit-tempju taʼ Ġerusalemm. (1 Kron. 24:18) L-IAA tgħid li l-iskrizzjoni fuq dan l-ossarju turi li “l-familja taʼ Kajfa kienet parti mit-taqsima taʼ Magħżija.”
L-iskrizzjoni ssemmi wkoll lil Beth ′Imri. Hemm żewġ interpretazzjonijiet taʼ din il-parti tal-iskrizzjoni. L-IAA tgħid li “l-ewwel possibbiltà hi li Beth ′Imri hu isem taʼ familja taʼ qassisin—ulied ’Immer (Esdra 2:36, 37; Neħemija 7:39-42) li d-dixxendenti tagħhom jinkludu membri tat-taqsima taʼ Magħżija.” “It-tieni possibbiltà hi [li Beth ′Imri hu] l-post fejn twieldet Mirjam jew il-familja kollha tagħha.” Hu x’inhu l-każ, l-ossarju taʼ Mirjam jagħti prova li l-Bibbja titkellem dwar nies u familji li vera eżistew.
^ Par. 3 Rigward l-ossarju taʼ Kajfa, ara l-artiklu intitolat “Il-Qassis il-Kbir li Kkundanna lil Ġesù,” fit-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Jannar, 2006, paġni 10-13.