Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Sib Suċċess Veru fil-Ħajja

Sib Suċċess Veru fil-Ħajja

“Se tirnexxi fi triqtek u . . . taġixxi bl-​għerf.”—ĠOŻ. 1:8.

INT KIF TWIEĠEB?

Salamun b’liema modi kellu suċċess?

Pawlu b’liema modi kellu suċċess taʼ veru?

Int kif jistaʼ jkollok suċċess taʼ veru?

1, 2. (a) Ħafna nies x’jaħsbu li jfisser is-​suċċess? (b) Liema hu mod wieħed kif issir taf xi jfisser għalik li jkollok suċċess?

 XI JFISSER li jkollok suċċess, jew li tirnexxi, fil-​ħajja? Jekk tistaqsi din il-​mistoqsija lin-​nies se tismaʼ diversi tweġibiet differenti. Pereżempju, ħafna jaħsbu li individwu jirnexxi jekk ikollu kemxa flus ġmielha, karriera sodisfaċenti, jew edukazzjoni għolja. Oħrajn jgħidu li biex dak li jkun ikollu suċċess jeħtieġ ukoll relazzjoni tajba mal-​familja, mal-​ħbieb, jew maʼ tax-​xogħol. Xi wħud li jaqdu lil Alla forsi saħansitra jaħsbu li individwu jkollu suċċess jekk ikollu ċerti responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni jew jekk ikollu riżultati tajbin fix-​xogħol tal-​ippritkar.

2 Xi jfisser għalik li jkollok suċċess? Mod wieħed kif tistaʼ ssir taf hu billi tikteb l-​ismijiet taʼ wħud li taħseb li huma taʼ suċċess u li tammirahom u tirrispettahom l-​iktar. X’tip taʼ nies huma? Huma sinjuri jew famużi? Huma prominenti? It-​tweġibiet jistgħu jikxfu x’hemm f’qalbek. Dak li tgħożż jistaʼ jinfluwenza bil-​kbir l-​għażliet u l-​miri li tagħmel.—Lq. 6:45.

3. (a) Ġożwè x’kellu jagħmel biex jirnexxi? (b) X’se nikkunsidraw issa?

3 L-​iktar ħaġa importanti għalina hi kif Ġeħova jqis is-​suċċess. Nistgħu ngawdu l-​ħajja eterna biss jekk hu jqisna taʼ suċċess. Meta Ġeħova ta lil Ġożwè l-​inkarigu biex imexxi lill-​Iżraelin għal ġol-​Art Imwiegħda, Hu qallu biex jaqra l-​Liġi “lejl u nhar” u biex jobdi dak li kien hemm miktub fiha. Alla wiegħdu: “Imbagħad se tirnexxi fi triqtek u mbagħad se taġixxi bl-​għerf.” (Ġoż. 1:7, 8) U int taf tajjeb li Ġożwè verament irnexxa. Xi ngħidu għalina? Kif nistgħu nkunu nafu jekk inqisux is-​suċċess bħalma jqisu Alla? Biex niġu megħjunin inwieġbu dawn il-​mistoqsijiet, ejja nikkunsidraw il-​ħajja taʼ żewġt irġiel imsemmijin fil-​Bibbja.

SALAMUN KELLU SUĊĊESS F’ĦAJTU?

4. Salamun għala kien taʼ suċċess?

4 B’ħafna modi, Salamun irnexxa bil-​kbir. Għala? Għax għal bosta snin hu kellu l-​biżaʼ taʼ Ġeħova u obdieh, u Ġeħova bierku fuq li bierku. Ftakar li meta Ġeħova qal lil Salamun li setaʼ jitlob kulma ried, hu staqsa għall-​għerf biex jiggwida lin-​nies. Ġeħova wieġeb it-​talba tiegħu billi tah kemm l-​għerf kif ukoll l-​għana. (Aqra l-1 Slaten 3:10-​14.) L-​għerf taʼ Salamun kien akbar “mill-​għerf tan-​nies kollha taʼ l-​Orjent u mill-​għerf kollu taʼ l-​Eġittu.” In-​nies mill-​“ġnus kollha taʼ madwar” kienu semgħu bih. (1 Slat. 4:30, 31) Salamun kien ukoll għani ħafna. Biss biss, kull sena rċieva 25 tunnellata deheb! (2 Kron. 9:13) Hu bena bosta affarijiet sbieħ. Ukoll, kellu suċċess fil-​mod kif ittratta lil ġnus oħrajn u f’li jinnegozja magħhom. Sakemm Salamun kien leali lejn Alla, hu kellu suċċess.—2 Kron. 9:22-​24.

5. Salamun x’għaraf dwar dawk li verament ikollhom suċċess?

5 Dak li Salamun kiteb fil-​ktieb tal-​Ekkleżjasti juri li kellu l-​ħarsa x-​xierqa lejn is-​suċċess. Ma ħasibx li dawk biss li huma għonja u prominenti jistaʼ jkollhom is-​suċċess u l-​ferħ. Lanqas xejn. Hu kiteb: “Sirt naf li m’hemm xejn aħjar għalihom milli jifirħu u jagħmlu t-​tajjeb matul ħajjithom; u wkoll li kull bniedem għandu jiekol u jixrob u jgawdi affarijiet tajbin għax-​xogħol iebes kollu tiegħu. Din hi l-​għotja t’Alla.” (Ekk. 3:12, 13) Salamun għaraf ukoll li dawn l-​affarijiet tajbin fil-​ħajja jagħtu lil individwu ferħ veru biss jekk ikollu relazzjoni tajba m’Alla. Salamun qal: “Il-​konklużjoni taʼ dan, wara li nstemaʼ kollox, hi: Ibżaʼ mill-​Alla l-​veru u ħares il-​kmandamenti tiegħu. Għax dan hu l-​obbligu kollu tal-​bniedem.”—Ekk. 12:13.

6. L-​eżempju taʼ Salamun kif jgħinna nifhmu x’inhu s-​suċċess veru?

6 Għal bosta snin, Salamun kellu l-​biżaʼ t’Alla u obdieh. Il-​Bibbja tgħid li hu ‘baqaʼ jħobb lil Ġeħova billi mexa maʼ l-​istatuti taʼ David missieru.’ (1 Slat. 3:3) Sakemm għamel dan, verament kellu suċċess. Salamun bena tempju glorjuż għall-​qima vera u kiteb tliet kotba tal-​Bibbja. Naturalment, aħna ma nistgħux nagħmlu l-​istess affarijiet li għamel Salamun. Imma l-​eżempju tiegħu waqt li kien leali lejn Alla jistaʼ jgħinna nifhmu x’inhu s-​suċċess veru u x’għandna bżonn nagħmlu biex nirnexxu. Pereżempju, Alla nebbaħ lil Salamun biex jikteb dwar l-​għana, l-​għerf, il-​fama, u l-​qawwa. Ħafna nies jaħsbu li jeħtieġu dawn l-​affarijiet biex jirnexxu. Imma Salamun qal li dawk li jħabirku biex jiksbuhom ikunu qed ‘jiġru wara r-​riħ,’ jew jipprovaw jakkwistaw xi ħaġa li ma tagħmilhomx verament henjin. Dawk li jħobbu l-​flus dejjem ikunu jridu iktar. U jinkwetaw dwar li jitilfu dak li diġà għandhom. Ukoll, l-​għana tagħhom xi darba jew oħra ħa jkun taʼ ħaddieħor.—Aqra Ekkleżjasti 2:8-​11, 17; 5:10-​12.

7, 8. (a) Salamun kif ma baqax leali? (b) X’kien ir-​riżultat?

7 Meta Salamun xjaħ ma baqax jobdi lil Ġeħova. Il-​Bibbja tgħid: “Ġara li meta Salamun xjaħ, in-​nisa tiegħu dawrulu qalbu biex imur wara allat oħrajn; u qalbu ma baqgħetx sħiħa maʼ Ġeħova Alla tiegħu bħalma kienet qalb David missieru.” Salamun “beda jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.”—1 Slat. 11:4-​6.

8 Ġeħova ma ħax pjaċir b’Salamun u qallu x’kienu se jkunu r-​riżultati taʼ niket tad-​diżubbidjenza tiegħu. Alla qal: “Jien żgur inċarrat is-​saltna minn fuqek, u nagħtiha lill-​qaddej tiegħek.” (1 Slat. 11:11) Avolja kien irnexxa b’diversi modi, fl-​aħħar mill-​aħħar hu ddiżappunta lil Ġeħova. Salamun ma baqax jirnexxi għax ma kompliex jagħmel l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja—li jkun leali lejn Ġeħova. Kull wieħed u waħda minna jistaʼ jistaqsi, ‘Se nuża t-​tagħlima li ħadt mill-​ħajja taʼ Salamun biex tgħinni jkolli suċċess?’

ĦAJJA VERAMENT TAʼ SUĊĊESS

9. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies ħasbu li Pawlu kien taʼ suċċess? Spjega.

9 Il-​ħajja tal-​appostlu Pawlu kienet differenti ferm mill-​ħajja tas-​Sultan Salamun. Pawlu m’għexx ħajja komda f’palazz u lanqas ma kien jiekol u jixrob mas-​slaten. Kien hemm żminijiet meta Pawlu ftit li xejn kellu x’jiekol, x’jixrob, jew x’jilbes. (2 Kor. 11:24-​27) Wara li aċċetta lil Ġesù bħala l-​Messija, Pawlu ma baqax jingħata unur minn ħafna wħud fir-​reliġjon Lhudija. Minflok, il-​mexxejja reliġjużi Lhud kienu jobogħduh. Ġie mitfugħ il-​ħabs, imsawwat bil-​frosta u l-​bsaten, u mħaġġar. Pawlu qal li hu u ħutu l-​Kristjani kienu mgħajrin, mibgħudin, u persegwitati. Żied jgħid: “Sirna bħall-​iskart tad-​dinja, l-​irmixk taʼ kollox, s’issa.”—1 Kor. 4:11-​13.

10. Xi nies għala għandhom mnejn ħasbu li Pawlu ħela l-​opportunità li kellu biex ikollu s-​suċċess?

10 Ħafna nies li kienu jafu lil Pawlu bħala żagħżugħ, meta kien għadu magħruf bħala Sawl, ħasbu li kellu ħafna vantaġġi. Jidher li kien ġej minn familja importanti. U kien studja maʼ Gamaljel, għalliem rispettat. Pawlu iktar tard kiteb: “Kont qed nagħmel iktar progress fil-​Ġudaiżmu minn ħafna taʼ mpari.” (Gal. 1:14) Hu kien fluwenti bl-​Ebrajk u bil-​Grieg. Kien ukoll ċittadin Ruman, u minħabba f’hekk, kellu vantaġġi u drittijiet speċjali. Kieku Pawlu baqaʼ jipprova jkollu s-​suċċess fid-​dinja, x’aktarx li kien isir saħansitra iktar għani u rispettat. Imma hu għażel ħajja li oħrajn, forsi anki familtu stess, qisuha taʼ bluha. Għala?

11. Pawlu liema valuri u miri kien jgħożż, u għala?

11 Pawlu kien iħobb lil Ġeħova u ried l-​approvazzjoni tiegħu. Ma riedx ikun għani u famuż. Meta Pawlu tgħallem il-​verità, beda jgħożż ċerti affarijiet li l-​biċċa l-​kbira min-​nies fid-​dinja ma jafux bihom jew ma jinteressahomx minnhom, bħas-​sagrifiċċju taʼ Kristu, ix-​xogħol tal-​ippritkar, u t-​tama għal ħajja fis-​sema. Pawlu kien jaf x’kien qal Satana dwar il-​bnedmin, jiġifieri, li dan setaʼ jwaqqaf lil kwalunkwe bniedem milli jaqdi lil Alla. Pawlu rrealizza li setaʼ jkollu sehem f’li jagħti prova li Satana hu żbaljat. (Ġob 1:9-​11; 2:3-​5) Allura l-​mira taʼ Pawlu kienet li minkejja l-​provi li kellu jissaporti, hu jkompli jqim lill-​Alla l-​veru lealment. Il-​maġġuranza tan-​nies fid-​dinja li jridu jirnexxu m’għandhomx din il-​mira.

12. Għala għandek tafda f’Alla?

12 Għandek int l-​istess mira li kellu Pawlu? Mhux dejjem faċli tkun leali. Imma jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova, hu se jifraħ bina u jberikna. Dan hu li jagħmilna verament nies taʼ suċċess. (Prov. 10:22) Jistaʼ jkollna barkiet issa u iktar fil-​futur. (Aqra Marku 10:29, 30.) Għalhekk, m’għandniex nafdaw ‘f’rikkezzi li ma nistgħux norbtu fuqhom,’ imma “f’Alla, li jagħtina kollox b’mod għani għat-​tgawdija tagħna.” Jekk nagħmlu hekk, nistgħu nkunu ċerti li se ngawdu “l-​ħajja vera” li Alla jwegħedna. (1 Tim. 6:17-​19) Iva, nistgħu nkunu ċerti għalkollox li mitt sena oħra, saħansitra elf sena oħra jew iktar, se nkunu nistgħu nħarsu lura u ngħidu, “Ħajti verament kienet taʼ suċċess!”

FEJN HU T-​TEŻOR TIEGĦEK?

13. X’qal Ġesù dwar li naħżnu t-​teżori?

13 Ġesù qal dwar it-​teżori: “Tibqgħux taħżnu teżori fuq l-​art, fejn jittieklu mill-​kamla u s-​sadid, u fejn jidħlu l-​ħallelin biex jisirqu. Minflok, aħżnu teżori fis-​sema, fejn ma jittiklux mill-​kamla u mis-​sadid, u fejn ma jidħlux il-​ħallelin biex jisirqu. Għax fejn hemm it-​teżor tiegħek, hemm tkun qalbek ukoll.”—Mt. 6:19-​21.

14. Għala mhuwiex għaqli li naħżnu t-​teżori fuq l-​art?

14 It-​“teżori fuq l-​art” taʼ individwu jistgħu jinkludu iktar minn sempliċi flus. Jistgħu jinvolvu kwalunkwe ħaġa mill-​affarijiet li kiteb dwarhom Salamun u li n-​nies tant jgħożżu, bħall-​fama u l-​poter. Dak li qal Ġesù hu simili għal dak li kiteb Salamun fil-​ktieb tal-​Ekkleżjasti. It-​teżori fuq l-​art ma jibqgħux għal dejjem. Bħalma taf, dawn l-​affarijiet jistgħu jinqerdu jew jintilfu faċilment. Il-​Professur F. Dale Bruner ikkummenta fuq kliem Ġesù dwar dawn it-​teżori. Hu kiteb li l-​fama ma ddumx ħafna. Persuna li hi famuża llum malajr tistaʼ tintesa. Xi ħadd li jaqlaʼ ħafna flus dis-​sena jistaʼ jitlifhom kollha s-​sena d-​dieħla. Peress li Ġesù jħobb lill-​bnedmin, hu jwissihom dwar kif il-​glorja malajr tistaʼ tgħib u tħallihom bla tama. Il-​kittieb żied jgħid li kuljum, in-​nies li jafdaw fil-​flus u fil-​glorja jiddiżappuntaw ruħhom, u Ġesù ma jridx lid-​dixxipli tiegħu jħossuhom diżappuntati. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies jaqblu maʼ dak li qal dan il-​kittieb. Imma kemm hawn min iħalli l-​kliem taʼ Ġesù jeffettwa l-​mod kif jgħix? Int se tħalli l-​parir taʼ Ġesù jeffettwalek ħajtek?

15. Għal liema tip taʼ suċċess għandna nirsistu?

15 Xi mexxejja reliġjużi ppritkaw li hu ħażin li tistinka biex tirnexxi. Imma Ġesù ma kienx qed jgħid li m’għandniex nipprovaw nirnexxu. Hu kien qed jgħid li d-​dixxipli tiegħu għandhom iħabirku biex ikollhom it-​tip taʼ suċċess li hu xieraq. Hu inkuraġġiehom jaħżnu “teżori fis-​sema” li se jdumu għal dejjem. Dak li rridu l-​aktar hu li Ġeħova jqisna taʼ suċċess. Il-​kliem taʼ Ġesù jfakkarna li kull individwu jagħżel għal xiex se jirsisti fil-​ħajja. Il-​verità hi li dak li hemm f’qalbna, jew dak li ngħożżu l-​aktar, hu dak li se nagħmlu l-​akbar sforz għalih fil-​ħajja.

16. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

16 Jekk nagħżlu li naħdmu iebes biex nogħġbu lil Ġeħova, nistgħu nkunu ċerti li se jagħtina l-​affarijiet li neħtieġu. Bħall-​appostlu Pawlu, kultant forsi ma jkollniex x’nieklu u x’nixorbu. (1 Kor. 4:11) Imma għandna nsegwu l-​parir taʼ Ġesù: “Qatt tkunu ansjużi u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ Għax dawn kollha huma l-​affarijiet li l-​ġnus qed ifittxu bil-​ħerqa. Għax Missierkom tas-​sema jaf li teħtieġu dawn l-​affarijiet kollha. Mela, ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa tiegħu, u dawn l-​affarijiet l-​oħrajn kollha se jiżdidulkom.”—Mt. 6:31-​33.

KUN TAʼ SUĊĊESS F’GĦAJNEJN ALLA

17, 18. (a) Is-​suċċess veru minn xiex jiddependi? (b) Is-​suċċess minn xiex ma jiddependix?

17 Irridu niftakru li s-​suċċess veru ma jiddependix minn kemm wettaqna affarijiet kbar jew minn kemm aħna importanti f’din id-​dinja. Is-​suċċess veru lanqas ma jiddependi minn kemm għandna responsabbiltà fil-​kongregazzjoni. Barka bħal din tistaʼ tiġi biss mill-​ubbidjenza u l-​lealtà tagħna lejn Alla. Hu jgħidilna: “Dak li hu mistenni mill-​prokuraturi hu li jkunu leali.” (1 Kor. 4:2) U għandna nibqgħu nkunu leali. Ġesù qal: “Min jissaporti sat-​tmiem jiġi salvat.” (Mt. 10:22) Meta wħud leali jsalvaw, se jkun jidher ċar li kienu verament taʼ suċċess!

18 Is-​suċċess veru jiddependi mil-​lealtà lejn Alla, u lkoll kemm aħna nistgħu nkunu leali lejh, tkun xi tkun is-​sitwazzjoni tagħna. Il-​lealtà tagħna ma tiddependix minn kemm għandna fama, edukazzjoni, jew flus. U ma tiddependix mill-​intelliġenza, it-​talenti, jew l-​abbiltajiet tagħna. Fl-​ewwel seklu, xi wħud mill-​poplu t’Alla kienu għonja u oħrajn kienu fqar. Pawlu qal lill-​Kristjani għonja li anki huma kellhom “jagħmlu l-​ġid” u “jkunu għonja f’għemejjel tajbin.” Kemm l-​għonja kif ukoll il-​fqar setgħu “jaqbdu qabda soda mal-​ħajja vera.” (1 Tim. 6:17-​19) Dan hu minnu llum ukoll. Ilkoll kemm aħna għandna l-​istess opportunità u l-​istess responsabbiltà, jiġifieri, li nibqgħu leali u li nkunu “għonja f’għemejjel tajbin.” Jekk nagħmlu hekk, il-​Ħallieq tagħna se jqisna taʼ suċċess, u se jkollna l-​ferħ taʼ li nkunu nafu li qed nogħġbuh.—Prov. 27:11.

19. X’se tagħmel biex ikollok suċċess?

19 Forsi ma nkunux nistgħu nbiddlu l-​mod kif tqisna d-​dinja, imma nistgħu nbiddlu l-​mod kif aħna nqisu s-​sitwazzjoni tagħna stess. Hi x’inhi s-​sitwazzjoni tiegħek, jekk qed tistinka biex tkun leali int qed tirnexxi. Mhux se jiddispjaċik mill-​isforz li tkun għamilt għax Ġeħova se jbierkek bil-​kbir, issa u għall-​eternità. Qatt tinsa dak li Ġesù qal lill-​Kristjani midlukin: “Agħti prova tal-​fedeltà tiegħek sal-​mewt, u nagħtik il-​kuruna tal-​ħajja.” (Riv. 2:10) Dan ċertament hu suċċess taʼ veru!

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 6]

Ħafna ħasbu li Sawl kien se jkollu suċċess fid-​dinja

[Stampa f’paġna 7]

Pawlu kellu suċċess taʼ veru