Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Residenti Temporanji” Magħqudin fil-Qima Vera

“Residenti Temporanji” Magħqudin fil-Qima Vera

“Il-​barranin se jkunu l-​bdiewa tagħkom u jiħdulkom ħsieb id-​dwieli. U intom se tissejħu l-​qassisin taʼ Ġeħova.”—IS. 61:5, 6.

INT KIF TWIEĠEB?

Xi nies x’jaħsbu dwar il-​barranin, u x’tgħallem il-​Bibbja dwar dan?

In-​nies tal-​ġnus kollha x’qegħdin jiġu mistidnin jagħmlu?

F’liema sens m’hemmx barranin fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova?

1. (a) Xi nies x’jaħsbu dwar il-​barranin? (b) Għala huwa ħażin li naħsbu b’dan il-​mod?

 BĦALMA ddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel, xi nies ma jħobbux lill-​barranin, jew nies li huma minn pajjiżi oħrajn. Għandhom mnejn jaħsbu li huma aħjar mill-​barranin. Imma ma nkunux qalbna tajba jekk naħsbu dan. Ħadd mhu aħjar minn ħadd. Il-​ktejjeb The Races of Mankind jgħid li nies taʼ razez differenti huma aħwa, l-​istess bħalma tgħallem il-​Bibbja. Għalkemm l-​aħwa jistgħu jkunu differenti ħafna minn xulxin, huma aħwa xorta waħda.

2, 3. Ġeħova kif kien iqishom lill-​barranin li kienu jgħixu f’Iżrael tal-​qedem?

2 Fiż-​żminijiet Bibliċi, Alla Ġeħova għamel patt, jew wegħda, biex lill-​Iżraelin jagħmilhom il-​poplu magħżul tiegħu. Għalkemm kellhom relazzjoni speċjali m’Alla Ġeħova, il-​Liġi kienet tgħid li l-​Iżraelin kellhom ikunu ġusti maʼ dawk mhux Iżraelin u jittrattawhom b’rispett. Din hi xi ħaġa li anke aħna għandna nagħmlu llum. Il-​Kristjani m’għandhom qatt ikunu preġudikati kontra l-​barranin. Għala? L-​appostlu Pietru qal: “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.”—Atti 10:34, 35.

3 Il-​barranin f’Iżrael tal-​qedem kien jaqblilhom li jgħixu hemm. Għala? Għaliex Ġeħova aċċetta lil dawk li kienu barranin. Iktar tard, l-​appostlu Pawlu qal dwar Ġeħova: “Hu l-​Alla tal-​Lhud biss? M’huwiex ukoll tan-​nies tal-​ġnus? Iva, tan-​nies tal-​ġnus ukoll.”—Rum. 3:29; Ġoel 2:32.

4. Għala ħadd mhu meqjus barrani fl-​“Israel t’Alla”?

4 Wara li Alla għamel il-​patt ġdid mal-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin, il-​ġens letterali taʼ Iżrael ma baqax f’relazzjoni speċjali miegħu. Minflok, il-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin saret “l-​Israel t’Alla.” (Gal. 6:16) Pawlu spjega li f’dan il-​ġens ġdid “la hemm Grieg u lanqas Lhudi, la ċirkonċiż u lanqas m’huwiex, la barrani, la Skita, la lsir u lanqas ħieles, imma Kristu hu kollox u f’kulħadd.” (Kol. 3:11) Minħabba f’hekk, ħadd ma kellu jkun meqjus barrani fil-​kongregazzjoni Kristjana.

5, 6. (a) Għala xi wħud forsi jitħassbu dwar it-​tifsir taʼ Isaija 61:5, 6? (b) Min huma “l-​qassisin taʼ Ġeħova” u “l-​barranin” imsemmijin minn Isaija? (ċ) B’liema mod jaħdmu flimkien “il-​qassisin taʼ Ġeħova” u “l-​barranin”?

5 Xi wħud forsi jitħassbu dwar dak li hemm deskritt f’​Isaija kapitlu 61, li fih profezija li qed titwettaq fil-​kongregazzjoni Kristjana. Vers 6 taʼ dan il-​kapitlu jitkellem dwar uħud li se jaqdu bħala “qassisin taʼ Ġeħova.” Madankollu, vers 5 jsemmi “l-​barranin” li kienu se jgħinu u jaħdmu maʼ dawk “il-​qassisin.” Għala jitkellem dwar “il-​barranin”?

6 Dawn “il-​qassisin taʼ Ġeħova” huma l-​Kristjani midlukin li jkollhom “l-​ewwel irxoxt” u li se “jkunu qassisin t’Alla u tal-​Kristu, u jsaltnu miegħu għall-​elf sena.” (Riv. 20:6) Hemm ħafna Kristjani leali oħrajn li jittamaw li jgħixu fil-​Ġenna fuq l-​art. Dawn li għandhom din it-​tama għall-​art jaħdmu maʼ dawk li se jaqdu fis-​sema u jassoċjaw mill-​qrib magħhom. Dawk li għandhom it-​tama għall-​art mhumiex parti mill-​“Israel t’Alla,” imma f’ċertu sens huma bħal barranin. Bil-​ferħ jaqdu mal-​“qassisin taʼ Ġeħova” bħala “bdiewa” u dawk li ‘jieħdu ħsieb id-​dwieli’ fil-​ħsad. Huma jgħinu lill-​midlukin sabiex jonoraw lil Alla permezz tal-​ippritkar u t-​tagħlim tal-​verità lil oħrajn. Kemm il-​midlukin kif ukoll in-​“nagħaġ oħrajn” jgħallmu l-​verità lin-​nies u bl-​imħabba jgħinuhom biex jgħixuha.—Ġw. 10:16.

“RESIDENTI TEMPORANJI” BĦAL ABRAHAM

7. Il-​Kristjani llum kif inhuma bħal Abraham u wħud leali oħrajn taż-​żminijiet Bibliċi?

7 Bħalma tgħallimna fl-​artiklu taʼ qabel, il-​Kristjani veri huma bħal barranin għaliex huma “residenti temporanji” fid-​dinja mill-​agħar taʼ Satana. Huma bħal Abraham u wħud leali oħrajn taż-​żminijiet Bibliċi li ma ridux ikunu parti mid-​dinja taʼ Satana u li għexu bħala “stranġieri u residenti temporanji f’dik l-​art.” (Ebr. 11:13) Kemm jekk nittamaw li ngħixu fis-​sema u kemm jekk fuq l-​art, aħna jistaʼ jkollna dik ir-​relazzjoni speċjali maʼ Ġeħova li kellu Abraham. Ġakbu, kittieb tal-​Bibbja, jispjega li “‘Abraham poġġa l-​fidi f’Ġeħova, u dan ngħaddlu bħala ġustizzja,’ u beda jissejjaħ ‘il-​ħabib taʼ Ġeħova.’”—Ġak. 2:23.

8. (a) Ġeħova x’wiegħdu lil Abraham? (b) Kif ħassu Abraham dwar il-​wegħda?

8 Alla wiegħed li l-​familji kollha tal-​art kellhom jitbierku minħabba Abraham u d-​dixxendenti tiegħu. Din il-​wegħda ma kinitx biex jitbierek ġens wieħed biss. (Aqra Ġenesi 22:15-​18.) Għalkemm il-​wegħda kienet se sseħħ wara li miet Abraham, dan kien fiduċjuż li kienet se titwettaq. Għal iktar minn nofs ħajtu, Abraham u l-​familja tiegħu marru minn post għall-​ieħor, u hu baqaʼ jkun il-​ħabib taʼ Ġeħova.

9, 10. (a) Kif nistgħu nimitaw lil Abraham? (b) X’nistgħu ngħinu lin-​nies jagħmlu?

9 Għalkemm Abraham ma kienx jaf meta kienet se sseħħ il-​wegħda taʼ Ġeħova, hu baqaʼ jħobbu u jqimu. Minħabba li Abraham dejjem ftakar li kien resident temporanju, hu ma għexx dik il-​ħajja li n-​nies qisuha normali għal resident permanenti tal-​art. (Ebr. 11:14, 15) Jeħtieġ li nsegwu l-​eżempju t’Abraham u ngħixu ħajja sempliċi. M’għandniex inħallu lilna nfusna naħsbu li l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna hi li jkollna ħafna affarijiet, li nsiru magħrufin sew min-​nies taʼ madwarna, jew li jkollna karriera tajba. Għala għandna nipprovaw ngħixu dak li nies oħrajn iqisu li hi ħajja normali meta din is-​sistema dalwaqt se tispiċċa? Għala għandna norbtu qalbna mad-​dinja meta hi biss temporanja? L-​istess bħalma għamel Abraham, aħna qed nistennew xi ħaġa bil-​wisq aħjar minn did-​dinja. Aħna lesti nkunu paċenzjużi u nistennew sakemm il-​wegħdi t’Alla jseħħu.—Aqra Rumani 8:25.

10 Il-​barkiet li Alla wiegħed li jagħti permezz t’Abraham u d-​dixxendenti tiegħu għadhom qed jiġu offruti lin-​nies tan-​nazzjonijiet kollha llum. “Il-​qassisin [midlukin] taʼ Ġeħova” u “l-​barranin,” jew in-​nagħaġ oħrajn, qed jgħidu lin-​nies madwar id-​dinja b’iktar minn 600 lingwa li Alla qed jistidinhom jitgħallmu dwar dawn il-​barkiet.

ĦOBB LIN-​NIES TAʼ KULL ĠENS

11. Salamun xi stidinhom jagħmlu lin-​nies tal-​ġnus?

11 Fl-​inawgurazzjoni tat-​tempju fis-​sena 1026 Q.E.K., u fi qbil mal-​wegħda li Ġeħova għamel lil Abraham, Salamun stieden indirettament lin-​nies tal-​ġnus kollha biex ifaħħru lil Ġeħova miegħu. F’talba li ħarġet mill-​qalb, hu qal: “Ukoll lill-​barrani, li m’huwiex parti mill-​poplu tiegħek Israel u li jiġi minn art imbiegħda minħabba ismek (għax se jisimgħu dwar ismek il-​kbir u dwar idek b’saħħitha u dwar driegħek maħruġ ’il barra), u jiġi u jitlob lejn din id-​dar, isimgħu mis-​smewwiet, il-​post stabbilit fejn tgħammar, u agħmel skond dak kollu li jsejjaħlek għalih il-​barrani; sabiex il-​popli kollha taʼ l-​art isiru jafu lil ismek, u b’hekk jibżgħu minnek bħalma jagħmel il-​poplu tiegħek Israel.”—1 Slat. 8:41-​43.

12. Jgħixu fejn jgħixu x-​Xhieda taʼ Ġeħova, għala huma bħal barranin?

12 Barrani hu bniedem li jżur jew li jgħix f’pajjiż li mhuwiex tiegħu. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma bħal barranin. Huma jgħixu f’ħafna pajjiżi madwar id-​dinja, iżda jappoġġaw biss is-​Saltna t’Alla fis-​sema u s-​Sultan tagħha, Ġesù Kristu. Għalhekk, ma jinvolvux ruħhom fil-​politika tal-​pajjiżi fejn jgħixu, anke meta oħrajn jaħsbu li għandhom jagħmlu dan.

13. (a) B’liema mod nistgħu nitgħallmu biex ma nqisux lil xi ħadd bħala barrani? (b) Fil-​bidu, Ġeħova kif ried lill-​bnedmin kollha jqisu lil xulxin?

13 Kultant huwa possibbli li nagħrfu lill-​barranin minħabba d-​drawwiet li jkollhom, il-​mod kif jitkellmu, kif jidhru, jew saħansitra kif jilbsu. Imma l-​affarijiet li għandhom komuni bejniethom in-​nies tal-​pajjiżi kollha huma ħafna iktar importanti mid-​differenzi li semmejna. Allura meta nitgħallmu biex ma naħsbux dwar il-​modi li bihom xi ħadd ikun differenti minna, x’aktarx li ma nqisuhx bħala barrani. Kieku d-​dinja kollha jkollha gvern wieħed biss jew kienet pajjiż wieħed biss, imbagħad ħadd ma kien ikun barrani. Fil-​bidu, Ġeħova ried li l-​bnedmin kollha jkunu familja waħda taħt il-​ħakma tiegħu. Qatt se jkun possibbli għan-​nies tal-​pajjiżi kollha biex ma jibqgħux iqisu lil oħrajn bħala barranin?

14, 15. Xi rnexxielhom jagħmlu x-​Xhieda taʼ Ġeħova bħala grupp?

14 Aħna ngħixu f’dinja fejn ħafna nies huma egoisti u jaħsbu li pajjiżhom hu l-​aħjar wieħed. Imma tajjeb inkunu nafu li hemm uħud li jħobbu lin-​nies tad-​dinja kollha. M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun hemm bżonn taʼ sforz biex inbiddlu l-​mod kif naħsbu dwar oħrajn. Ted Turner, li beda l-​istazzjon televiżiv tas-​CNN, ħadem maʼ nies bravi minn madwar id-​dinja. Hu qal: “Tgħallimt inqis lil dawk minn pajjiżi oħrajn mhux bħala ‘barranin,’ iżda bħala ċittadini sħabi tal-​pjaneta.” Hu għamel regola li ma ppermettietx lill-​impjegati tiegħu jużaw il-​kelma “barrani.” Minflok, huma kellhom jużaw il-​kelma “internazzjonali.”

15 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma l-​uniku grupp fid-​dinja li jimitaw verament il-​mod kif jaħseb Alla dwar in-​nies kollha mill-​ġnus kollha. Huma tgħallmu jħarsu lejn in-​nies bil-​mod kif Ġeħova jħares lejhom, u b’hekk biddlu l-​mod kif jaħsbuha u jħossuhom dwar oħrajn. Ma jobogħdux lin-​nies minn pajjiżi oħrajn jew jaħsbu li l-​barranin ma jistgħux jiġu fdati. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jħobbu jaraw il-​varjetà fin-​nies u l-​abbiltajiet differenti li huma għandhom. Ħsibt int dwar kemm hi ħaġa speċjali li x-​Xhieda taʼ Ġeħova rnexxielhom jagħmlu dan u kemm kien taʼ ġid għalina lkoll il-​fatt li biddilna l-​mod kif naħsbuha dwar oħrajn?

DINJA FEJN ĦADD MHU SE JKUN BARRANI

16, 17. Kif se tkun il-​ħajja għalik meta jitwettqu l-​profeziji f’​Rivelazzjoni 16:16 u Danjel 2:44?

16 Dalwaqt il-​ġnus kollha se jiġġieldu kontra l-​ħakma t’Alla fil-​gwerra t’Armageddon. (Riv. 16:14, 16; 19:11-​16) Iktar minn 2,500 sena ilu, il-​profeta Danjel bassar x’kien se jiġri lill-​gvernijiet umani. Hu kiteb: “Fi żmien dawn is-​slaten, l-​Alla tas-​sema jwaqqaf saltna li qatt ma tinqered. U din is-​saltna ma tgħaddix għal għand poplu ieħor. Hi se tfarrak u ttemm dawn is-​saltniet kollha, u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Dan. 2:44.

17 Aħseb ftit x’se jfisser dan għalik. Proprju issa, ilkoll nistgħu nitqiesu bħala barranin ladarba d-​dinja hi maqsuma f’pajjiżi differenti bil-​fruntieri. Iżda wara Armageddon mhux se jkun hemm fruntieri. U għalkemm in-​nies xorta se jkunu differenti minn xulxin, dan se juri l-​varjetà tal-​għaġeb li tinsab fil-​ħolqien t’Alla. Minħabba li għandna futur daqshekk sabiħ quddiemna, aħna għandna nkomplu nagħmlu l-​aħjar tagħna biex infaħħru u nonoraw lill-​Ħallieq tagħna.

18. Liema eżempju juri li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jqisux lil xulxin bħala barranin?

18 Huwa verament possibbli għan-​nies madwar id-​dinja biex ma jqisux lil oħrajn bħala barranin? Aħna nistgħu nkunu verament fiduċjużi li dan se jseħħ. L-​istess idea taʼ “barrani” diġà tilfet ħafna mit-​tifsir tagħha fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, li ftit jagħtu kas in-​nazzjonalità taʼ dawk fosthom. Pereżempju, ix-​xogħol taʼ diversi uffiċċji tal-​fergħa żgħar dan l-​aħħar ingħata lil uffiċċji tal-​fergħa f’pajjiżi oħrajn. L-​iskop taʼ dan kien biex jiġi żgurat li x-​xogħol tal-​ippritkar isir kemm jistaʼ jkun bl-​iktar mod sempliċi. (Mt. 24:14) Dawn id-​deċiżjonijiet ma ttiħdux skont il-​fruntieri tal-​pajjiżi sakemm ma kienx hemm xi liġi li obbligat dan. Ġesù Kristu, is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla, qed jgħin lix-​Xhieda taʼ Ġeħova biex ma jkunux mifrudin bi fruntieri nazzjonali. Dalwaqt, hu se jneħħi l-​fruntieri nazzjonali kollha meta “jtemm ir-​rebħa tiegħu.”—Riv. 6:2.

19. In-​nies taʼ Ġeħova x’setgħu jagħmlu minħabba l-​verità?

19 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma minn bosta pajjiżi u jitkellmu b’ħafna lingwi. Imma huma magħqudin bil-​verità u qatt mhu se jkunu mifrudin. (Aqra Sofonija 3:9.) Huma familja internazzjonali waħda. Għalkemm issa jkollhom jgħixu f’dinja mill-​agħar, huma ma jsirux parti minnha. Il-​fatt li din il-​familja issa hija magħquda hu prova li fid-​dinja l-​ġdida ħadd mhu se jkun barrani. Imbagħad kulħadd fuq l-​art se jkun ferħan li jqis lin-​nies tar-​razez u n-​nazzjonalitajiet kollha bħala aħwa.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Kumment f’paġna 28]

Tħares int ’il quddiem għal dinja ġdida mingħajr fruntieri fejn ħadd ma jkun “barrani”?

[Stampa f’paġna 25]

Bħal Abraham, se tkompli titfaʼ ħsiebek fuq it-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla?

[Stampa f’paġna 27]

Ġeħova ma jqis lil ħadd bħala barrani