Oqgħod Attent li Ma Tużax il-Bibbja b’Mod Superstizzjuż
“IL-KELMA t’Alla hi ħajja u qawwija.” (Ebr. 4:12) Dan il-kliem tal-appostlu Pawlu juri li l-kelma t’Alla għandha l-qawwa li tmiss il-qlub u tbiddel ħajjet in-nies.
Matul l-apostasija li ssaħħet wara l-mewt tal-appostli, in-nies beda jkollhom ideat ħżiena rigward il-qawwa tal-messaġġ tal-Bibbja. (2 Pt. 2:1-3) Mexxejja tal-knisja bdew jgħallmu li l-Bibbja kellha qawwiet maġiċi. Il-Professur Harry Y. Gamble kiteb li wara s-sena 200, Oriġene, wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja, għallem li sempliċement il-ħoss taʼ kliem qaddis jistaʼ jgħin lil dak li jkun. Oriġene qal li jekk il-kliem użat għall-maġija għandu qawwa, mela l-kliem ispirat minn Alla hu saħansitra iktar qawwi. Ġwann Griżostmu, li għex xi 400 sena wara t-twelid taʼ Kristu, kiteb li x-Xitan ma kienx jersaq qrib xi dar li kellha Bibbja. Kiteb ukoll li xi wħud dendlu versi mill-Evanġelji m’għonqhom biex jipproteġu lilhom infushom mill-ħsara. Skont il-Professur Gamble, il-kittieb Kattoliku Ruman Wistin għallem li individwu setaʼ jorqod bl-Evanġelju taʼ Ġwanni taħt l-imħadda biex tgħaddilu l-uġigħ taʼ ras. Minħabba dan it-tagħlim, in-nies bdew jużaw il-Bibbja bħallikieku kellha qawwiet maġiċi. Xi ngħidu għalik? Tużaha l-Bibbja għar-risq u għall-protezzjoni?
Ħafna nies jużaw il-Bibbja b’mod ħażin ieħor. Huma jemmnu li jekk jiftħu l-Bibbja fejn ġie ġie, l-ewwel vers li jaraw jgħidilhom x’għandhom jagħmlu. Pereżempju, skont il-Professur Gamble, Wistin darba semaʼ tifel jew tifla f’dar fil-viċin tgħid: “Ħu f’idejk u aqra, ħu f’idejk u aqra.” Wistin emmen li Alla kien qed jgħidlu biex jiftaħ il-Bibbja u jaqra l-ewwel vers li jara.
Taf lil xi wħud li jużaw il-Bibbja b’dan il-mod sabiex jipprovaw isolvu l-problemi tagħhom? Naturalment, huwa tajjeb li dawn iridu jiksbu l-għajnuna mill-Bibbja, imma mhux b’dan il-mod.
Ġesù wiegħed lid-dixxipli tiegħu li l-ispirtu qaddis kien se ‘jfakkarhom’ l-affarijiet li tgħallmu mingħandu. (Ġw. 14:26) Allura, aħna nirċievu l-għajnuna mill-Bibbja billi nużaw dak li diġà tgħallimna minnha, u mhux billi sempliċement niftħuha fejn ġie ġie.
Ħafna nies jużaw il-Bibbja b’xi mod maġiku bit-tama li jkollhom protezzjoni mill-ħsara, li jsolvu l-problemi tagħhom, jew li jitgħallmu dwar il-futur. Imma l-Bibbja tgħid li l-użu tal-maġija mhux tajjeb. (Lev. 19:26; Dt. 18:9-12; Atti 19:19) Il-Kelma t’Alla tistaʼ tgħinna, imma għandna nużawha kif suppost. Il-Bibbja mhix se tgħinna b’xi mod maġiku. Huwa l-istudju tagħna mill-Bibbja li jistaʼ jgħinna jkollna ħajja aħjar. Għarfien veru tal-Bibbja għen lil ħafna nies ikunu jafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, iwaqqfu drawwiet ħżiena, ikollhom ħajja tal-familja iktar hienja, u jkollhom ħbiberija mal-Awtur tal-Bibbja.