Ġesù Ħallielna l-Mudell tal-Umiltà
“Ħallejtilkom mudell sabiex, bħalma għamiltilkom jien, tagħmlu intom ukoll.”—ĠW. 13:15.
INT KIF TWIEĠEB?
L-Iben t’Alla kif wera umiltà qabel ma ġie fuq l-art?
Ġesù kif wera umiltà bħala bniedem?
L-umiltà taʼ Ġesù liema barkiet ġabet?
1, 2. Matul l-aħħar lejla tiegħu fuq l-art, Ġesù liema lezzjoni għallem lill-appostli tiegħu?
HIJA l-aħħar lejla taʼ Ġesù fuq l-art, u hu jqattagħha mal-appostli tiegħu fil-kamra taʼ fuq f’dar f’Ġerusalemm. Matul l-ikla taʼ filgħaxija, Ġesù jqum u jpoġġi l-mantar tiegħu fil-ġenb. Hu jitħażżem b’xugaman, iferraʼ l-ilma ġo friskatur, u jibda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxottahomlhom bix-xugaman. Imbagħad jilbes il-mantar tiegħu. Ġesù għala għamel dan l-att umli?—Ġw. 13:3-5.
2 Ġesù nnifsu spjega: “Tafu x’għamiltilkom? . . . Jekk jien, għalkemm Mulej u Għalliem, ħsiltilkom saqajkom, intom ukoll għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax ħallejtilkom mudell sabiex, bħalma għamiltilkom jien, tagħmlu intom ukoll.” (Ġw. 13:12-15) B’dan l-att umli, Ġesù għallem lill-appostli tiegħu lezzjoni li kienet se tibqaʼ mnaqqxa f’moħħhom u li iktar tard kienet se tinkuraġġihom biex ikunu umli.
3. (a) F’żewġ okkażjonijiet, Ġesù kif enfasizza l-importanza tal-umiltà? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 Meta Ġesù ħasel saqajn l-appostli, din ma kinitx l-ewwel darba li enfasizza l-valur tal-umiltà. F’okkażjoni qabel, meta xi appostli wrew spirtu kompetittiv, Ġesù ħa tifel żgħir u qiegħdu maġenbu, u qalilhom: “Kulmin jilqaʼ lil dan it-tifel f’ismi, jilqaʼ lili wkoll, u kulmin jilqaʼ lili, jilqaʼ wkoll lil dak li bagħatni. Għax min iġib ruħu bħal wieħed mill-iżgħar fostkom ilkoll, dan ikun il-kbir.” (Lq. 9:46-48) Peress li kien jaf li l-Fariżej kienu jfittxu l-prominenza, Ġesù iktar tard fil-ministeru tiegħu qal: “Kulmin jitgħolla jiġi umiljat u min jumilja ruħu jitgħolla.” (Lq. 14:11) Jidher ċar li Ġesù jrid lis-segwaċi tiegħu jkunu umli. Ma jridhomx ikunu kburin, jaħsbu li huma iktar importanti minn oħrajn, jew jaġixxu bħallikieku huma aħjar minn oħrajn. Bil-ħsieb li nimitawh, ejja neżaminaw bir-reqqa l-eżempju tiegħu tal-umiltà. Se naraw ukoll kif ma jibbenefikax biss min juri din il-kwalità, imma oħrajn ukoll.
“MA DORTX FID-DIREZZJONI OPPOSTA”
4. Ġesù kif wera umiltà qabel ma ġie fuq l-art?
4 L-Iben uniġenitu t’Alla wera umiltà anki qabel ma ġie fuq l-art. Fis-sema, Ġesù qattaʼ snin bla għadd maʼ Missieru. Il-ktieb Bibliku taʼ Isaija jikkummenta fuq ir-relazzjoni mill-qrib li l-Iben kellu maʼ Missieru billi jgħid: “Il-Mulej Sovran Ġeħova tani l-ilsien taʼ wieħed li ġie mgħallem, sabiex inkun naf kif inwieġeb lill-għajjien b’kelma. Hu jqajjimni kull fil-għodu; hu jqajjimli widinti biex nismaʼ bħal wieħed li ġie mgħallem. Il-Mulej Sovran Ġeħova nnifsu fetaħli widinti, u jien, min-naħa tiegħi, ma kontx ribelluż. Ma dortx fid-direzzjoni opposta.” (Is. 50:4, 5) L-Iben t’Alla wera attitudni umli u qagħad attent ferm għal dak li Ġeħova għallmu. Hu kien ħerqan u lest li jitgħallem mill-Alla l-veru. Ġesù żgur li osserva wkoll kif Ġeħova b’umiltà wera ħniena lejn l-umanità midinba.
5. Fl-irwol taʼ Mikiel l-arkanġlu, Ġesù kif ħalla eżempju taʼ umiltà u modestja meta argumenta max-Xitan?
5 Mhux kull ħliqa fis-sema kellha l-istess attitudni tal-Iben uniġenitu t’Alla. Minflok ma xtaq jitgħallem minn Ġeħova, l-anġlu li sar Satana x-Xitan tkabbar u beda jħoss li hu iktar importanti minn oħrajn. Dan l-aġir kien l-oppost tal-umiltà u wasslu biex irribella kontra Ġeħova. Min-naħa l-oħra, Ġesù la ried iktar awtorità fis-sema milli tah Alla u lanqas qatt ma ried jużaha ħażin l-awtorità li kellu. Bħala Mikiel l-arkanġlu, Ġesù m’abbużax mill-awtorità tiegħu meta kellu ‘tilwima max-Xitan dwar il-ġisem taʼ Mosè.’ Minflok, l-Iben t’Alla wera umiltà u modestja. Hu kien kuntent li jistenna lil Ġeħova, l-Imħallef Suprem tal-univers, biex jieħu ħsieb l-affarijiet bl-aħjar mod u fl-aħjar ħin.—Aqra Ġuda 9.
6. Ġesù kif wera l-umiltà meta aċċetta l-inkarigu biex jaqdi bħala l-Messija?
6 L-affarijiet li Ġesù tgħallem meta kien għadu fis-sema bla dubju inkludew il-profeziji li bassru dettalji dwar ħajtu fuq l-art bħala l-Messija. B’hekk, hu x’aktarx kien jaf minn qabel li kien hemm jistennewh esperjenzi xejn pjaċevoli. Madankollu, Ġesù aċċetta l-inkarigu biex jgħix fuq l-art u jmut bħala l-Messija mwiegħed. Għala? L-appostlu Pawlu enfasizza l-umiltà tal-Iben uniġenitu t’Alla meta kiteb: “Għalkemm kien jeżisti fis-sura t’Alla, ma qagħadx jaħseb li għandu jaħtaf, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla. Le, iżda xejjen lilu nnifsu u ħa s-sura taʼ lsir u sar jixbah lill-bnedmin.”—Flp. 2:6, 7.
BĦALA BNIEDEM “UMILJA RUĦU”
7, 8. Ġesù b’liema modi wera umiltà fi tfulitu u matul il-ministeru tiegħu fuq l-art?
7 Pawlu kiteb: “Meta [Ġesù] sab ruħu f’għamla taʼ bniedem, umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-mewt, iva, sal-mewt fuq zokk tat-tortura.” (Flp. 2:8) Sa minn tfulitu, Ġesù ħallielna mudell tal-umiltà. Għalkemm trabba minn ġenituri imperfetti—Ġużeppi u Marija—Ġesù b’umiltà “baqaʼ sottomess lejhom.” (Lq. 2:51) X’eżempju mill-aħjar hu dan għaċ-ċkejknin u għaż-żgħażagħ li se jiġu mberkin minn Alla talli jkunu lesti jissottomettu ruħhom lejn il-ġenituri tagħhom!
8 Bħala adult, Ġesù wera umiltà billi għamel ir-rieda t’Alla l-iktar ħaġa importanti f’ħajtu. (Ġw. 4:34) Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù Kristu uża l-isem persunali t’Alla u għen lil nies sinċieri jiksbu għarfien eżatt dwar l-attributi taʼ Ġeħova u l-iskop Tiegħu għall-umanità. Ġesù wkoll għex fi qbil maʼ dak li għallem dwar Ġeħova. Pereżempju, fit-talba mudell, l-ewwel punt li Ġesù semma kien: “Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek.” (Mt. 6:9) Hawnhekk Ġesù wera lid-dixxipli tiegħu li l-prijorità tagħhom kellha tkun li jigglorifikaw isem Ġeħova. Hu nnifsu għamel hekk. Lejn tmiem il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù setaʼ jgħid fit-talb lil Ġeħova: “Għarrafthom ismek [lill-appostli] u nibqaʼ ngħarrfu.” (Ġw. 17:26) Iktar minn hekk, matul il-ministeru tiegħu, Ġesù ta l-krettu lil Ġeħova għal dak li kien wettaq fuq l-art.—Ġw. 5:19.
9. Żakkarija xi pprofetizza rigward il-Messija, u Ġesù kif wettaq dan?
9 Rigward il-Messija, Żakkarija pprofetizza: “Kun ferħana ferm, O bint Sijon. Għajjat bil-ferħ taʼ rebħa, O bint Ġerusalemm. Ara! Is-sultan tiegħek jiġi għandek. Hu ġust, iva, salvat; umli, u riekeb fuq ħmar, saħansitra fuq wild taʼ ħmara.” (Żak. 9:9) Dan twettaq meta Ġesù daħal Ġerusalemm qabel il-Qbiż tas-sena 33 E.K. In-nies firxu l-imnatar tagħhom kif ukoll friegħi tas-siġar fit-triq. Tabilħaqq, kien hemm għagħa kbira mad-dħul tiegħu fil-belt. Anki meta n-nies faħħruh bħala s-Sultan tagħhom, Ġesù kien umli.—Mt. 21:4-11.
10. Ġesù x’wera billi baqaʼ ubbidjenti sal-mewt?
10 Waqt li kien fuq l-art, Ġesù Kristu wera li kien umli u ubbidjenti sal-mewt fuq zokk tat-tortura. B’hekk, hu wera mingħajr ebda dubju li l-bnedmin jistgħu jibqgħu leali lejn Ġeħova saħansitra meta jiffaċċjaw sitwazzjonijiet estremament diffiċli. Ġesù wera wkoll li Satana kien żbaljat meta sostna li l-bnedmin jaqdu lil Ġeħova għal raġunijiet egoistiċi. (Ġob 1:9-11; 2:4) Minħabba li obda lil Missieru b’mod perfett, Kristu ddefenda d-dritt taʼ Ġeħova li jaħkem u wera li kellu fiduċja li l-mod li bih jaħkem Ġeħova hu l-aħjar. Ċertament li Ġeħova feraħ meta osserva l-lealtà perfetta tal-Iben umli tiegħu.—Aqra Proverbji 27:11.
11. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù x’għamel possibbli għal dawk li għandhom fidi fih?
11 Permezz tal-mewt taʼ Ġesù fuq zokk tat-tortura hu possibbli li n-nies isalvaw mid-dnub u l-mewt. (Mt. 20:28) Bis-sagrifiċċju taʼ Ġesù, Ġeħova jistaʼ jaħfer id-dnubiet tagħna skont il-ħtiġijiet ġusti tiegħu u jagħti opportunità lill-bnedmin biex jgħixu għal dejjem. Pawlu kiteb: “B’att wieħed taʼ ġustifikazzjoni r-riżultat għall-bnedmin taʼ kull xorta hu li jiġu dikjarati ġusti għall-ħajja.” (Rum. 5:18) Il-mewt taʼ Ġesù għamlitha possibbli biex dawk midlukin bl-ispirtu qaddis jgħixu għal dejjem fis-sema u n-“nagħaġ oħrajn” jgħixu għal dejjem fuq l-art.—Ġw. 10:16; Rum. 8:16, 17.
JIEN “UMLI F’QALBI”
12. Meta ttratta maʼ bnedmin imperfetti, Ġesù kif wera ħlewwa u umiltà?
12 Ġesù stieden lil dawk kollha li huma “mħabbtin u mgħobbijin” biex imorru għandu. Hu qal: “Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom.” (Mt. 11:28, 29) L-umiltà u l-ħlewwa taʼ Ġesù qanqluh jittratta mal-bnedmin imperfetti b’qalb tajba u b’mod imparzjali. Hu kien raġunevoli f’dak li kien jistenna mid-dixxipli tiegħu. Ġesù faħħarhom u inkuraġġiehom. Ma ġegħelhomx iħossuhom li mhumiex kapaċi jew mhumiex tajbin biżżejjed. Żgur li Ġesù ma kienx aħrax jew oppressiv. Għall-kuntrarju, hu żgura lis-segwaċi tiegħu li jekk jitgħallmu minnu u japplikaw it-tagħlim tiegħu kienu se jsibu serħan, għax il-madmad tiegħu kien ħelu u t-tagħbija tiegħu kienet ħafifa. Nisa u rġiel taʼ kull età kienu jħossuhom komdi fil-preżenza tiegħu.—Mt. 11:30.
13. Ġesù kif wera ħniena maʼ dawk li kellhom ħajja diffiċli?
13 Ġesù ddispjaċieh għal dawk f’Iżrael li kellhom ħajja diffiċli u għamel kulma setaʼ biex jgħinhom. Qrib Ġeriko, hu ltaqaʼ maʼ żewġt irġiel għomja, Bartimew u sieħbu. It-tnejn li huma baqgħu jitolbu lil Ġesù għall-għajnuna, imma n-nies madwarhom bdew isikktuhom. Ġesù setaʼ faċilment jinjorahom lil dawn l-irġiel għomja, imma m’għamilx hekk. Minflok, Ġesù talab li jġibuhomlu, u mqanqal mill-ħniena, tahom lura d-dawl. Iva, Ġesù imita lil Missieru, Ġeħova, billi wera umiltà u ħniena lejn bnedmin midinbin.—Mt. 20:29-34; Mk. 10:46-52.
“KULMIN JUMILJA RUĦU JITGĦOLLA”
14. L-umiltà taʼ Ġesù liema barkiet ġabet?
14 L-attitudni umli taʼ Ġesù Kristu ġabet ferħ u barkiet lil ħafna. Ġeħova feraħ meta ra lil Ibnu l-maħbub jissottometti ruħu b’umiltà għar-rieda divina. L-appostli u d-dixxipli ġew imfarrġin u inkuraġġiti bil-mod ġwejjed u umli li bih Ġesù ttrattahom. Billi għallimhom, faħħarhom, u kien taʼ eżempju tajjeb għalihom, hu għenhom isiru qaddejja aħjar t’Alla. Ġesù għen lil nies oħrajn billi għallimhom, inkuraġġiehom, u tahom dak li kellhom bżonn. Infatti, permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, il-bnedmin kollha li jeżerċitaw fidi fih se jkollhom barkiet għall-eternità kollha.
15. Ġesù kif ibbenefika billi kien umli?
15 Xi ngħidu għal Ġesù? Ibbenefika hu talli kien umli? Iva, għax Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kulmin jumilja ruħu jitgħolla.” (Mt. 23:12) Pawlu spjega li dan hu eżattament dak li ġara fil-każ taʼ Ġesù. Pawlu qal: “Alla eżaltah [lil Ġesù] għal pożizzjoni superjuri u b’qalb tajba tah l-isem li hu fuq kull isem ieħor, sabiex f’isem Ġesù tintlewa kull irkoppa fis-sema, fuq l-art, u taħt l-art, u kull ilsien jistqarr quddiem kulħadd li Ġesù Kristu hu Mulej għall-glorja t’Alla l-Missier.” Minħabba li Ġesù wera umiltà u fedeltà waqt li kien fuq l-art, Alla Ġeħova eżalta lil Ibnu billi tah awtorità fuq il-ħlejjaq fis-sema u fuq l-art.—Flp. 2:9-11.
ĠESÙ SE ‘JIRKEB GĦALL-KAWŻA TAL-VERITÀ U L-UMILTÀ’
16. L-Iben t’Alla kif se jkompli juri umiltà fil-futur?
16 L-Iben t’Alla se jkompli juri umiltà fil-futur. Meta bassar dwar kif Ġesù, bħala Sultan fis-sema, se jaġixxi kontra l-għedewwa Tiegħu, is-salmista kanta: “Fil-glorja tiegħek mur u rnexxi; irkeb għall-kawża tal-verità, l-umiltà, u s-sewwa.” (Salm 45:4) F’Armageddon, Ġesù Kristu se jiġġieled biex jiddefendi lil dawk li huma umli u sewwa u li jħobbu l-verità. U x’se jiġri fi tmiem ir-Renju tiegħu taʼ Elf Sena meta s-Sultan Messjaniku ‘jġib fix-xejn kull gvern u kull awtorità u qawwa’? Se juri umiltà? Iva, għax hu se “jgħaddi s-saltna lil Alla tiegħu u Missieru.”—Aqra l-1 Korintin 15:24-28.
17, 18. (a) Għala hu importanti li l-qaddejja taʼ Ġeħova jsegwu l-eżempju tal-umiltà taʼ Ġesù? (b) X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?
17 Xi ngħidu għalina? Se nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù u nuru umiltà? F’Armageddon, is-Sultan Ġesù Kristu se jsalva biss lil dawk li huma umli u sewwa. Għalhekk jeħtieġ li nkunu umli jekk irridu nibqgħu ħajjin. Ukoll, jekk nuru umiltà se jkun hemm ħafna benefiċċji għalina u għal ħaddieħor, sewwasew bħalma kien hemm għal Ġesù.
18 X’jistaʼ jgħinna nsegwu l-eżempju tal-umiltà taʼ Ġesù? Kif nistgħu nistinkaw biex inkunu umli minkejja l-isfidi li għandna mnejn inħabbtu wiċċna magħhom? Se nikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet fl-artiklu li jmiss.
[Mistoqsijiet ta’ Studju]
[Stampi f’paġna 12]
Kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju tal-umiltà taʼ Ġesù?
[Stampa f’paġna 13]
Għandna nimitaw il-mod kif Ġesù wera ħniena