Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Komplu Bħala Ċittadini tas-Saltna!

Komplu Bħala Ċittadini tas-Saltna!

“Ġibu ruħkom kif jixraq lill-​aħbar tajba.”—FLP. 1:27.

INT KIF TWIEĠEB?

Min jistaʼ jkun ċittadin tas-​Saltna?

X’għandna bżonn nagħmlu rigward il-​lingwa, l-​istorja, u l-​liġijiet tas-​Saltna?

Iċ-​ċittadini tas-​Saltna kif juru li jħobbu l-​liġijiet t’Alla?

1, 2. Għala kellu sinifikat speċjali l-​parir taʼ Pawlu lill-​kongregazzjoni f’Filippi?

 L-​APPOSTLU Pawlu inkuraġġixxa lill-​kongregazzjoni f’Filippi biex ‘iġibu ruħhom kif jixraq lill-​aħbar tajba.’ (Aqra Filippin 1:27.) L-​espressjoni Griega li uża Pawlu għall-​frażi “ġibu ruħkom” tistaʼ tiġi tradotta wkoll “komplu bħala ċittadini.” Din il-​frażi kellha sinifikat speċjali għall-​kongregazzjoni f’Filippi. Għala? Minħabba li jidher li l-​Imperu Ruman ippermetta lill-​Filippin isiru ċittadini Rumani u jkunu protetti permezz tal-​liġi Rumana. Il-​Filippin kienu kburin biċ-​ċittadinanza Rumana għax dan tahom benefiċċji li ftit nies kellhom dak iż-​żmien.

2 Il-​membri tal-​kongregazzjoni f’Filippi kellhom raġuni akbar għal xiex ikunu kburin. Pawlu fakkarhom li bħala Kristjani midlukin iċ-​ċittadinanza tagħhom kienet “fis-​smewwiet.” (Flp. 3:20) Huma kienu ċittadini tas-​Saltna t’Alla, li hi ferm ikbar minn kwalunkwe gvern uman. Is-​Saltna t’Alla tathom protezzjoni u benefiċċji li ebda gvern ieħor ma setaʼ jagħti.—Efes. 2:19-​22.

3. (a) Min jistaʼ jkun ċittadin tas-​Saltna? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

3 It-​twissija taʼ Pawlu biex ikomplu bħala ċittadini tapplika l-​aktar għal dawk li se jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema. (Flp. 3:20) Iżda, tistaʼ tiġi applikata wkoll għal dawk li se jkunu s-​sudditi tas-​Saltna t’Alla fuq l-​art. Għala? Għax il-​Kristjani dedikati kollha jaqdu lill-​istess Sultan, Ġeħova, u jeħtieġ li jgħixu bl-​istess livelli. (Efes. 4:4-​6) Illum, in-​nies jistinkaw biex jikkwalifikaw ħalli jsiru ċittadini taʼ pajjiż sinjur. Mela kemm iktar għandna nqisuha taʼ valur l-​opportunità biex insiru ċittadini tas-​Saltna! Sabiex insaħħu l-​apprezzament tagħna għal dan il-​privileġġ, ħalli nikkunsidraw xi similaritajiet bejn il-​ħtiġijiet biex issir ċittadin taʼ xi pajjiż u ċittadin tas-​Saltna t’Alla. Imbagħad se neżaminaw tliet affarijiet li jeħtieġ li nagħmlu jekk irridu nkomplu nkunu ċittadini tas-​Saltna.

IL-​ĦTIĠIJIET GĦAĊ-​ĊITTADINANZA

4. X’inhi l-​lingwa pura, u kif “nitkellmuha”?

4 Tgħallem il-​lingwa. Xi gvernijiet umani jirrikjedu li dawk li japplikaw għaċ-​ċittadinanza jitkellmu l-​lingwa ewlenija tal-​pajjiż. Anki wara li tingħatalhom iċ-​ċittadinanza, in-​nies għandhom mnejn jistinkaw għal snin sħaħ biex jitgħallmu jitkellmu sew il-​lingwa l-​ġdida. Forsi malajr jitgħallmu r-​regoli tal-​grammatika, imma jistaʼ jieħu ż-​żmien biex jippronunzjaw il-​kliem tajjeb. B’mod simili, is-​Saltna t’Alla tirrikjedi li ċ-​ċittadini tagħha jitgħallmu dik li l-​Bibbja ssejħilha l-​“lingwa pura.” (Aqra Sofonija 3:9.) X’inhi din il-​lingwa? Hija l-​verità dwar Alla u l-​iskopijiet tiegħu bħalma huma mniżżlin fil-​Bibbja. Aħna “nitkellmu” l-​lingwa pura meta l-​kondotta tagħna tkun fi qbil mal-​liġijiet u l-​prinċipji t’Alla. Iċ-​ċittadini tas-​Saltna t’Alla għandhom mnejn jitgħallmu t-​tagħlim bażiku tal-​Bibbja malajr u jitgħammdu. Madankollu, anki wara li jitgħammdu jeħtieġ jagħmlu ħilithom biex “jitkellmu” l-​lingwa pura dejjem aħjar. B’liema mod? Kull wieħed minna jeħtieġ ikompli jagħmel sforz biex dak li jitgħallem mill-​Bibbja japplikah f’ħajtu.

5. Għala għandna nitgħallmu dak kollu li nistgħu dwar l-​istorja tan-​nies taʼ Ġeħova?

5 Studja l-​istorja. Xi ħadd li jkun jixtieq isir ċittadin taʼ xi pajjiż għandu mnejn ikollu jitgħallem xi ħaġa dwar l-​istorja tal-​pajjiż. Bl-​istess mod, dawk li jixtiequ jsiru ċittadini tas-​Saltna jagħmlu tajjeb jekk jitgħallmu dak kollu li jistgħu dwar is-​Saltna t’Alla. Ikkunsidra l-​eżempju tat-​tfal taʼ Koraħ li qdew f’Iżrael tal-​qedem. Huma kienu jħobbu lil Ġerusalemm u l-​post taʼ qima tagħha u kienu jħobbu jitkellmu dwar l-​istorja taʼ din il-​belt, mhux minħabba li l-​belt kienet sabiħa, imma minħabba li kienet “il-​belt tas-​Sultan Grandjuż,” Ġeħova. Il-​post taʼ qima f’Ġerusalemm kien fejn in-​nies tgħallmu dwar il-​Liġi taʼ Ġeħova u qimuh. Dawk li kienu maħkumin minn Ġeħova, is-​Sultan taʼ Ġerusalemm, kienu n-​nies li hu approva u ħabb. (Aqra Salm 48:1, 2, 9, 12, 13.) Għandek int ix-​xewqa bħal tagħhom biex tistudja u titkellem dwar l-​istorja tan-​nies taʼ Ġeħova? Iktar kemm titgħallem dwar l-​organizzazzjoni t’Alla u kif Ġeħova jappoġġa lill-​poplu tiegħu, iktar se tkun reali għalik is-​Saltna t’Alla. Dan se jkabbar ix-​xewqa tiegħek biex tipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna.—Ġer. 9:24; Lq. 4:43.

6. Għala nistgħu nistennew li Ġeħova jirrikjedi li nitgħallmu u nobdu l-​liġijiet u l-​prinċipji tiegħu?

6 Kun af il-​liġijiet. Gvernijiet umani jirrikjedu li s-​sudditi tagħhom jitgħallmu u jobdu l-​liġijiet tal-​pajjiż. Allura nistgħu nistennew li Ġeħova jirrikjedi li kull ċittadin tas-​Saltna tiegħu jitgħallem u jobdi l-​liġijiet u l-​prinċipji tiegħu. (Is. 2:3; Ġw. 15:10; 1 Ġw. 5:3) Spiss, il-​liġijiet umani huma imperfetti u jistgħu ma jkunux ġusti. B’kuntrast, “il-​liġi taʼ Ġeħova perfetta.” (Salm 19:7) Nieħdu aħna pjaċir naqraw il-​Kelma t’Alla kuljum u nitgħallmu dwar il-​liġi tiegħu? (Salm 1:1, 2) L-​uniku mod kif nistgħu nitgħallmu l-​liġi t’Alla huwa billi nistudjawha għalina nfusna. Ħadd ma jistaʼ jagħmel dan għalina.

IĊ-​ĊITTADINI TAS-​SALTNA JĦOBBU L-​LIĠIJIET T’ALLA

7. Iċ-​ċittadini tas-​Saltna għala jobdu l-​liġijiet t’Alla?

7 Sabiex nibqgħu ċittadini tas-​Saltna, mhux biss irridu nkunu nafu l-​liġijiet t’Alla, imma wkoll inħobbuhom. Ħafna ċittadini jgħidu li jaqblu mal-​liġijiet tal-​pajjiż li qed jgħixu fih. Madankollu, meta ma togħġobhomx ċerta liġi u jaħsbu li ħadd ma jkun qed jarahom, ma jobduhiex. Spiss, dawn in-​nies jobdu l-​liġijiet sempliċement biex ‘jogħġbu lill-​bnedmin.’ (Kol. 3:22) Iċ-​ċittadini tas-​Saltna jobdu l-​liġijiet t’Alla għal raġuni differenti. Aħna nħobbu lil Ġeħova. Għalhekk, aħna ferħanin li nobdu l-​liġijiet tiegħu anki meta ma jkun qed jarana ebda bniedem ieħor.—Is. 33:22; aqra Luqa 10:27.

8, 9. Kif tistaʼ tkun taf jekk verament tħobbx il-​liġijiet t’Alla?

8 Kif tistaʼ tkun taf jekk verament tħobbx il-​liġijiet t’Alla? Eżamina l-​mod kif tirreaġixxi meta tirċievi parir dwar xi ħaġa li int tħoss li hi preferenza personali—pereżempju, rigward il-​kwistjoni tal-​ilbies u d-​dehra. Qabel ma sirt ċittadin tas-​Saltna, int għandek mnejn kont tippreferi tilbes traskurat jew provokattiv. Hekk kif l-​imħabba tiegħek għal Alla kibret, int tgħallimt tilbes b’mod li jonorah. (1 Tim. 2:9, 10; 1 Pt. 3:3, 4) Forsi issa tħoss li qed tilbes modest. Iżda jekk anzjan kellu jgħidlek li l-​preferenzi tiegħek dwar l-​ilbies qed jikkawżaw offiża kbira għal diversi aħwa fil-​kongregazzjoni, int kif kont tirreaġixxi? Kont tipprova tieħu tiegħek minn fuq, tirrabja, jew twebbes rasek? Liġi importanti tas-​Saltna t’Alla hi li ċ-​ċittadini kollha għandhom jimitaw lil Kristu. (1 Pt. 2:21) Rigward l-​eżempju taʼ Ġesù, l-​appostlu Pawlu qal: “Ħa jogħġob kull wieħed minna lill-​proxxmu tiegħu f’dak li hu tajjeb biex jgħinu jinbena. Għax lanqas il-​Kristu ma fittex li jogħġob lilu nnifsu.” (Rum. 15:2, 3) Sabiex Kristjan matur iżomm il-​paċi fil-​kongregazzjoni, hu dejjem għandu jkun irid jevita li jagħmel affarijiet li joffendu l-​kuxjenza t’oħrajn.—Rum. 14:19-​21.

9 Ikkunsidra żewġ suġġetti oħra li huma t’importanza vitali: l-​attitudni tagħna lejn is-​sess u l-​ħarsa tagħna lejn iż-​żwieġ. Dawk li għadhom mhumiex ċittadini tas-​Saltna t’Alla għandhom mnejn jiskużaw l-​omosesswalità, iqisu l-​pornografija bħala divertiment bla ħsara, u jaħsbu li l-​adulterju u d-​divorzju huma sempliċement kwistjonijiet personali. Iċ-​ċittadini tas-​Saltna abbandunaw attitudnijiet taʼ li jkun jimpurtahom minnhom biss u taʼ li jaraw sa mneħirhom. Għalkemm ħafna Kristjani qabel kellhom ħajja immorali, issa jqisu s-​sess u ż-​żwieġ bħala għotjiet mingħand Alla. Huma jgħożżu l-​livelli għoljin taʼ Ġeħova u b’qalbhom kollha jaqblu li dawk li jkomplu jieħdu sehem f’kondotta sesswali mhix xierqa ma jistħoqqilhomx ikunu ċittadini tas-​Saltna. (1 Kor. 6:9-​11) Madankollu, huma jagħrfu wkoll li l-​qalb hi qarrieqa. (Ġer. 17:9) Allura japprezzaw it-​twissijiet speċifiċi li jingħataw u li jgħinuhom iżommu livelli morali għoljin.

IĊ-​ĊITTADINI TAS-​SALTNA JAPPREZZAW IT-​TWISSIJIET

10, 11. Is-​Saltna t’Alla liema twissijiet f’waqthom tagħti, u kif tħossok dwar dawn it-​twissijiet?

10 Il-​gvernijiet umani għandhom mnejn joħorġu avviżi tas-​saħħa rigward ikel u mediċini. Ovvjament, mhux l-​ikel u l-​mediċini kollha huma ħżiena. Imma jekk prodott speċifiku jkollu xi ħaġa taʼ periklu fih, il-​gvern għandu mnejn joħroġ avviżi biex jipproteġi liċ-​ċittadini tiegħu. Kieku l-​gvern ma jagħmilx hekk, ikun ħati taʼ traskuraġni. B’mod simili, is-​Saltna t’Alla tagħti twissijiet f’waqthom dwar perikli morali u spiritwali speċifiċi. Pereżempju, l-​Internet sar utli għall-​komunikazzjoni, l-​edukazzjoni, u d-​divertiment. Permezz tal-​użu tal-​Internet, l-​organizzazzjoni t’Alla twettaq ħafna affarijiet tajbin. Madankollu, ħafna siti fuq l-​Internet huma taʼ periklu morali u spiritwali. B’mod ċar, Websajts li jippromwovu l-​pornografija huma taʼ theddida għas-​saħħa spiritwali taċ-​ċittadini tas-​Saltna. Għal bosta snin, il-​klassi tal-​ilsir leali wissietna rigward siti bħal dawn. Kemm aħna grati għal dawn it-​twissijiet għas-​saħħa spiritwali!

11 Fis-​snin reċenti, tip taʼ sit ieħor sar popolari ferm—sit li jistaʼ jkun utli jekk użat b’għaqal. Imma dawn is-​siti, li huma magħrufin bħala siti tan-​netwerk soċjali, jistgħu wkoll jikkawżaw ħafna ħsara. Dawn jistgħu jwasslu għal kumpanija ħażina. (1 Kor. 15:33) Mela mhux taʼ b’xejn li l-​organizzazzjoni t’Alla ħarġet twissijiet dwar l-​użu taʼ dawn is-​siti. Qrajt l-​artikli kollha mill-​ilsir leali dwar l-​użu taʼ siti tan-​netwerk soċjali? Ikun taʼ periklu li tuża dawn is-​siti jekk l-​ewwel ma taqrax dawn l-​artikli! a Ikun bħallikieku tieħu mediċina qawwija mingħajr ma taqra t-​twissija li hemm fuq il-​flixkun.

12. Għala nkunu boloh jekk ninjoraw it-​twissijiet?

12 Dawk li jinjoraw it-​twissijiet maħruġin mill-​ilsir leali se jweġġgħu lilhom infushom u lill-​maħbubin tagħhom. Uħud waqgħu fil-​vizzju tal-​pornografija jew involvew ruħhom fl-​immoralità sesswali u mbagħad qarrqu bihom infushom billi ħasbu li Ġeħova ma jistax jara dak li qed jagħmlu. Kemm inkunu boloh jekk naħsbu li nistgħu naħbu l-​kondotta tagħna minn Ġeħova! (Prov. 15:3; aqra Ebrej 4:13.) Alla jrid jgħin lil dawn l-​uħud u juża ’l-​anzjani biex jipprovaw jgħinu lil dawk li dinbu. (Gal. 6:1) Madankollu, bħalma gvernijiet umani jistgħu jieħdu lura ċ-​ċittadinanza taʼ persuna li twettaq ċerti għemejjel, hekk ukoll Ġeħova se jieħu lura ċ-​ċittadinanza taʼ dawk li jiksru l-​liġijiet tiegħu mingħajr ma jindmu. b (1 Kor. 5:11-​13) Minkejja dan, hu ħanin. Dawk li jindmu u jieqfu milli jagħmlu l-​ħażin jistgħu jerġgħu jkunu ħbieb maʼ Ġeħova u jibqgħu ċittadini tas-​Saltna. (2 Kor. 2:5-​8) X’unur għandna li naqdu Sultan taʼ mħabba bħal dan!

IĊ-​ĊITTADINI TAS-​SALTNA JQISU L-​EDUKAZZJONI TAʼ VALUR

13. Iċ-​ċittadini tas-​Saltna kif juru li jqisu l-​edukazzjoni taʼ valur?

13 Ħafna gvernijiet umani jaħdmu iebes biex jedukaw liċ-​ċittadini tagħhom. Huma jibnu skejjel fejn in-​nies jistgħu jiksbu edukazzjoni bażika. Iċ-​ċittadini tas-​Saltna japprezzaw dawn l-​iskejjel sekulari u b’mod diliġenti jitgħallmu jaqraw, jiktbu, u jmantnu lilhom infushom. Huma jqisu saħansitra iktar taʼ valur l-​edukazzjoni li jirċievu bħala ċittadini tas-​Saltna t’Alla. Permezz tal-​kongregazzjoni Kristjana, Ġeħova jippromwovi l-​qari. Il-​ġenituri huma inkuraġġiti biex jaqraw lit-​tfal żgħar tagħhom. Kull xahar, l-​ilsir leali jippubblika ammont taʼ paġni taʼ letteratura bbażata fuq il-​Bibbja fit-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! bil-​Malti. Jekk taqra madwar paġna jew tnejn kuljum, tkun tistaʼ tkompli tibbenefika mill-​edukazzjoni li Ġeħova jagħtina.

14. (a) Liema taħriġ nirċievu? (b) Liema suġġerimenti għal-​lejla tal-​Qima tal-​Familja ħadtu gost tapplikaw?

14 Kull ġimgħa, iċ-​ċittadini tas-​Saltna jirċievu taħriġ waqt il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni tagħhom. Pereżempju, l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku għal iktar minn 60 sena għenet lill-​istudenti jkunu għalliema effettivi tal-​Kelma t’Alla. Int miktub f’din l-​iskola? Fis-​snin reċenti, l-​ilsir leali b’mod partikulari ppromwova l-​lejla tal-​Qima tal-​Familja taʼ kull ġimgħa. Dan l-​arranġament isaħħaħ l-​għaqda tal-​familja. Irnexxielkom tapplikaw is-​suġġerimenti ppubblikati fil-​letteratura tagħna? c

15. X’inhu wieħed mill-​ikbar privileġġi li għandna?

15 Ħafna ċittadini taʼ pajjiżi jipprovaw jiksbu l-​appoġġ għal xi partit politiku. Xi wħud saħansitra jmorru minn bieb għal bieb biex jagħmlu dan. Fuq skala ħafna ikbar, iċ-​ċittadini tas-​Saltna juru li jappoġġaw bil-​ħeġġa kollha lis-​Saltna t’Alla billi jippritkaw lin-​nies fit-​triq u minn bieb għal bieb. Fil-​fatt, bħalma ssemma fl-​artiklu tal-​istudju taʼ qabel, It-​Torri tal-​Għassa, li jħabbar is-​Saltna taʼ Ġeħova, issa huwa l-​iktar rivista mqassma mad-​dinja kollha! Wieħed mill-​ikbar privileġġi li għandna hu li ngħidu lil oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla. Qed tieħu int sehem b’mod żeluż fix-​xogħol tal-​ippritkar?—Mt. 28:19, 20.

16. Kif tistaʼ tagħti prova li int ċittadin tajjeb tas-​Saltna t’Alla?

16 Is-​Saltna t’Alla dalwaqt se tkun l-​uniku gvern li jaħkem fuq l-​art. Il-​liġijiet tas-​Saltna se jkunu l-​uniċi liġijiet li se jiggwidaw lill-​bnedmin. Se tkun int ċittadin tajjeb tas-​Saltna t’Alla f’dak iż-​żmien? Issa hu ż-​żmien biex tagħti prova li hekk se tkun. Fid-​deċiżjonijiet kollha li tieħu kuljum, agħmel kollox għall-​glorja t’Alla, u b’hekk tkun qed turi li qed tkompli bħala ċittadin tajjeb tas-​Saltna t’Alla.—1 Kor. 10:31.

[Noti ta’ taħt]

a Pereżempju, ara Stenbaħ! bl-​Ingliż taʼ Lulju 2011, paġni 24-​27; Awwissu 2011, paġni 10-​13; u Frar 2012, paġni 3-​9.

c Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Awwissu, 2011, paġni 6-​7 u Il-​Ministeru tas-​Saltna taʼ Jannar 2011, paġni 3-​6.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Kumment f’paġna 14]

Tagħti widen għat-​twissijiet ibbażati fuq il-​Bibbja dwar l-​Internet?

[Stampa f’paġna 12]

Bħall-​ulied taʼ Koraħ, tħobb int il-​qima vera u l-​istorja tagħha?

[Stampa f’paġna 15]

Il-​lejla tal-​Qima tal-​Familja tiegħek tistaʼ tgħin lilek u lill-​maħbubin tiegħek biex issiru ċittadini tajbin tas-​Saltna