Ġeħova Jħarisna Biex Insalvaw
“Qed tiġu mħarsin bil-qawwa t’Alla permezz tal-fidi għal salvazzjoni li hi lesta biex tiġi rivelata fl-aħħar perijodu taʼ żmien.”—1 PT. 1:5.
INT KIF TWIEĠEB?
Ġeħova kif ġibidna lejn il-qima vera?
Kif nistgħu nħallu lil Ġeħova jiggwidana bil-pariri tiegħu?
Ġeħova kif jagħtina l-inkuraġġiment?
1, 2. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li Alla se jgħinna nżommu l-integrità tagħna? (b) Ġeħova kemm jaf tajjeb lil kull wieħed u waħda minna?
“MIN jissaporti sat-tmiem jiġi salvat.” (Mt. 24:13) B’dan il-kliem, Ġesù qalilna b’mod ċar li biex nibqgħu ħajjin meta hu jagħmel ġudizzju fuq id-dinja taʼ Satana, irridu nżommu l-integrità tagħna sat-tmiem. Imma dan ma jfissirx li Ġeħova jistenna li aħna nissaportu billi nistrieħu fuq l-għerf u s-saħħa tagħna stess. Il-Bibbja taċċertana: “Alla hu leali, u ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma mat-tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-triq sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.” (1 Kor. 10:13) Dan il-kliem xi jfisser?
2 Ġeħova jagħmel ċert li ma niġux ittantati iktar milli nifilħu. Hu jistaʼ jagħmel dan għax jaf kollox dwarna, inkluż l-isfidi li niffaċċjaw, il-mod kif aħna magħmulin, u kemm nifilħu nissaportu. Jafna Alla daqshekk tajjeb? Iva. L-Iskrittura turi li Ġeħova jaf kollox dwar kull wieħed u waħda minna. Hu midħla tar-rutina u d-drawwiet tagħna taʼ kuljum. Saħansitra jaf x’hemm f’moħħna u f’qalbna.—Aqra Salm 139:1-6.
3, 4. (a) L-interess li Ġeħova wera f’David, kif juri li Ġeħova jagħti kas kull individwu? (b) Ġeħova kif qed juri interess fina llum?
3 Veru li Alla li Jistaʼ Kollox jieħu interess bħal dan fil-bnedmin? Is-salmista David irrifletta dwar dan u qal lil Ġeħova: “Meta nara s-smewwiet tiegħek, għemil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int ħejjejt, x’inhu l-bniedem mortali biex iżżommu f’moħħok?” (Salm 8:3, 4) David għandu mnejn staqsa din il-mistoqsija minħabba l-interess li Ġeħova wera fih. Meta David, l-iben iż-żgħir taʼ Ġesse, kien għadu daqsxejn taʼ tfajjel, Ġeħova kkunsidrah bħala “raġel għal qalbu” u għażlu biex isir mexxej taʼ Iżrael. (1 Sam. 13:14; 2 Sam. 7:8) Il-Ħallieq tal-univers kien jaf il-ħsibijiet u s-sentimenti ġewwinin taʼ David, avolja David kien sempliċi tfajjel jirgħa n-nagħaġ. Immaġina kif ħassu David meta rrealizza dan!
4 L-interess li Ġeħova qed juri fina llum ukoll hu tal-għaġeb. Hu qed jiġbor flimkien fil-qima vera “l-affarijiet mixtiqin tal-ġnus kollha,” u qed jgħin lill-qaddejja tiegħu jżommu l-integrità tagħhom. (Ħag. 2:7) Biex nifhmu aħjar kif Ġeħova jgħinna nżommu l-integrità tagħna, ejja nikkunsidraw kif jiġbed lin-nies lejn il-qima vera.
ALLA JIĠBIDNA LEJH
5. Ġeħova kif jiġbed lin-nies lejn Ibnu? Agħti eżempju.
5 Ġesù qal: “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jiġbdux il-Missier li bagħatni.” (Ġw. 6:44) Dan il-kliem juri li biex insiru dixxipli taʼ Kristu għandna bżonn l-għajnuna t’Alla. Ġeħova kif jiġbed lill-uħud bħal nagħaġ lejn Ibnu? Permezz tal-ippritkar tal-aħbar tajba u l-ispirtu qaddis tiegħu. Pereżempju, meta Pawlu u sħabu l-missjunarji kienu f’Filippi ltaqgħu maʼ mara jisimha Lidja. Il-Bibbja tgħidilna li meta bdew jippritkawlha l-aħbar tajba, “Ġeħova fetħilha qalbha beraħ biex taċċetta dak li kien qed jgħid Pawlu.” Alla uża l-ispirtu tiegħu biex jgħinha tifhem u taċċetta l-messaġġ. Minħabba f’hekk, Lidja u l-familja tagħha tgħammdu.
6. Alla kif ġibidna lkoll lejn il-qima vera?
6 L-esperjenza taʼ Lidja kienet unika? Żgur li le. Jekk int Kristjan mgħammed, Alla ġibed lilek ukoll lejn il-qima vera. Sewwasew bħalma Missierna tas-sema ra xi ħaġa taʼ valur f’qalb Lidja, hekk ukoll ra xi ħaġa tajba fik. Meta bdejt tagħti widen għall-aħbar tajba, Ġeħova uża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinek tifhem u taċċetta l-messaġġ. (1 Kor. 2:11, 12) Meta stinkajt biex tapplika dak li tgħallimt, hu bierek l-isforzi tiegħek ħalli tagħmel ir-rieda tiegħu. Meta ddedikajt ħajtek lilu, qalbu mtliet bil-ferħ. Tabilħaqq, mindu bdejt miexi fit-triq li tagħti għall-ħajja, Ġeħova kien miegħek f’kull pass li għamilt.
7. Kif nafu li Alla se jgħinna nibqgħu leali?
7 Ġeħova għenna biex nibdew naqduh, u għalhekk nistgħu nkunu żguri li se jkompli jgħinna ħalli nibqgħu leali. Hu konxju li la dħalna u lanqas nistgħu nibqgħu fil-verità bis-saħħa tagħna stess. Meta kiteb lill-Kristjani midlukin, l-appostlu Pietru qalilhom: “Qed tiġu mħarsin bil-qawwa t’Alla permezz tal-fidi għal salvazzjoni li hi lesta biex tiġi rivelata fl-aħħar perijodu taʼ żmien.” (1 Pt. 1:5) Dan il-kliem jistaʼ japplika għall-Kristjani kollha u għandu jinteressa lil kull wieħed u waħda minna llum. Għala? Għax ilkoll neħtieġu l-għajnuna t’Alla biex nibqgħu leali lejh.
ALLA JŻOMMNA MILLI NAGĦMLU XI PASS FALZ
8. Għala nistgħu nkunu fil-periklu li nagħmlu xi pass falz?
8 Il-pressjonijiet tal-ħajja u l-imperfezzjonijiet tagħna stess jistgħu jżommuna milli naraw l-affarijiet kif jarahom Ġeħova. B’hekk, inkunu fil-periklu li nagħmlu xi pass falz mingħajr lanqas biss nindunaw. (Aqra Galatin 6:1.) Dan hu evidenti minn dak li darba ġara lil David.
9, 10. (a) Ġeħova kif żamm lil David milli jagħmel żball serju? (b) Ġeħova x’jagħmel għalina llum?
9 David rażżan lilu nnifsu meta kien qed jiġi kkaċċjat mis-Sultan Sawl. Anki meta ġietu x-xoqqa f’moxtha, David ma pprovax jivvendika ruħu minn Sawl. (1 Sam. 24:2-7) Imma ftit wara dan, David tilef il-kontroll. Hu kellu bżonn l-ikel u x-xorb għalih u għall-irġiel tiegħu, u għalhekk b’rispett talab l-għajnuna taʼ Iżraeli ieħor jismu Nabal. Nabal insulta lil David u ma riedx jgħinu. Minħabba f’hekk, David tant inkorla li ddeċieda li jivvendika ruħu minn Nabal u mill-irġiel kollha taʼ daru. David ma qagħadx iqis li Ġeħova kien se jżommu ħati talli joqtol nies innoċenti. Imma Abigajl, mart Nabal, ma ħallietx lil David jagħmel dan l-iżball serju. David irrealizza li Ġeħova kien uża lil Abigajl biex jipproteġih, u għalhekk qalilha: “Ikun imbierek Ġeħova, l-Alla taʼ Israel, li llum bagħtek tiltaqaʼ miegħi! U tkun imbierka int li int sensibbli, u tkun imbierka int li llum żammejtni milli nġib fuqi l-ħtija tad-demm u nġib is-salvazzjoni b’idi stess.”—1 Sam. 25:9-13, 21, 22, 32, 33.
10 Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dan ir-rakkont? Ġeħova jistaʼ jżommna milli nagħmlu xi pass falz. Naturalment, m’għandniex nistennew li kull darba li nkunu se nagħmlu żball serju, Ġeħova se jibgħat lil xi ħadd biex iwaqqafna milli nagħmluh. Ukoll, qatt ma nkunu nafu eżattament kif Alla se jaġixxi f’ċerti sitwazzjonijiet jew x’se jippermetti li jiġri biex jitwettaq l-iskop tiegħu. (Ekk. 11:5) Minkejja dan, nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova dejjem ikun konxju taċ-ċirkustanzi tagħna u se jgħinna nibqgħu leali lejh. Hu jassigurana: “Se nagħtik id-dehen u nistruwik dwar it-triq li għandek taqbad. Se nagħtik pariri u nżomm għajnejja fuqek.” (Salm 32:8) Ġeħova kif jagħtina l-pariri? Kif nistgħu nibbenefikaw minnhom? U għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova qed imexxi lill-poplu tiegħu llum? Innota kif jitwieġbu dawn il-mistoqsijiet fil-ktieb tar-Rivelazzjoni.
IL-PARIRI JIPPROTEĠUNA
11. Ġeħova kemm hu konxju taʼ x’qed jiġri fil-kongregazzjonijiet tal-poplu tiegħu?
11 Fil-viżjoni li nsibu f’Rivelazzjoni kapitli 2 u 3, Ġesù Kristu glorifikat eżamina lis-sebaʼ kongregazzjonijiet tal-Asja Minuri. Il-viżjoni turi li Kristu ma jarax biss is-sitwazzjoni b’mod ġenerali. F’din il-viżjoni, hu semma affarijiet partikulari li kienu qed jiġru u saħansitra semma individwi speċifiċi. Barra minn dan, hu faħħar jew ta pariri skont il-bżonn taʼ kull kongregazzjoni. Dan x’jindika? Fit-twettiq tal-viżjoni, is-sebaʼ kongregazzjonijiet jirrappreżentaw lill-Kristjani midlukin wara l-1914, u l-pariri li ngħataw lis-sebaʼ kongregazzjonijiet japplikaw għall-kongregazzjonijiet kollha tal-poplu t’Alla llum madwar id-dinja. Għalhekk, nistgħu ngħidu li Ġeħova qed juża lil Ibnu biex jiggwida lill-poplu Tiegħu llum. Kif nistgħu nibbenefikaw minn din il-gwida?
12. Kif nistgħu nħallu lil Ġeħova jiggwida l-passi tagħna?
12 Mod wieħed kif nistgħu nibbenefikaw mid-direzzjoni kollha mħabba taʼ Ġeħova hu permezz taʼ studju persunali. Permezz tal-pubblikazzjonijiet mill-klassi tal-ilsir leali u għaqli, Ġeħova jipprovdi pariri Skritturali bl-abbundanza. (Mt. 24:45) Madankollu, sabiex nibbenefikaw minnhom irridu nieħdu l-ħin biex nistudjaw u napplikaw dak li nitgħallmu. L-istudju persunali hu mezz wieħed li bih Ġeħova jistaʼ ‘jħarisna milli nitfixklu.’ (Ġuda 24) Ġieli studjajt xi ħaġa fil-letteratura tagħna li donnha kienet miktuba proprju għalik? Aċċetta l-korrezzjoni u qisha li ġejja minn Ġeħova. Sewwasew bħalma ħabib jistaʼ jtaptaplek fuq spalltek biex jiġbidlek l-attenzjoni għal xi ħaġa, hekk ukoll Ġeħova jistaʼ juża l-ispirtu tiegħu biex jiġbdilna l-attenzjoni għal xi aspett tal-imġiba jew tal-personalità tagħna li jkollna bżonn intejbu. Meta naċċettaw id-direzzjoni tal-ispirtu qaddis, inkunu qed inħallu lil Ġeħova jiggwida l-passi tagħna. (Aqra Salm 139:23, 24.) B’hekk, nagħmlu tajjeb li neżaminaw id-drawwiet tal-istudju tagħna.
13. Għala jkun għaqli li neżaminaw id-drawwiet tal-istudju tagħna?
13 Jekk inqattgħu wisq ħin fid-divertiment, ma jkollniex biżżejjed ħin għall-istudju persunali. Ħu qal li huwa faċli ħafna li tħalli dan jiġri. Għala? Hu spjega billi qal: “Id-divertiment qatt ma kien disponibbli daqskemm hu issa, u hu orħos minn qatt qabel. Issibu fuq it-televixin, fuq il-kompjuter, u fuq il-mowbajl—imdawrin bih.” Jekk ma noqogħdux attenti, il-ħin li hemm bżonn għall-istudju persunali fil-fond jibda jonqos bil-mod il-mod sakemm jisfa fix-xejn. (Efes. 5:15-17) Ilkoll kemm aħna nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Kemm-il darba nieħu l-ħin meħtieġ biex nidħol fil-fond fl-istudju tiegħi tal-Kelma t’Alla? Nagħmel hekk biss meta nipprepara taħdita jew xi parti oħra fil-laqgħat?’ Jekk inhu hekk, forsi nistgħu nużaw aħjar il-lejla għall-qima tal-familja jew għall-istudju persunali. B’hekk, inkunu qed naħżnu l-għerf spiritwali li Ġeħova jipprovdi ħalli jħarisna biex insalvaw.—Prov. 2:1-5.
L-INKURAĠĠIMENT JGĦINNA NISSAPORTU
14. L-Iskrittura kif turi li Ġeħova hu konxju tas-sentimenti tagħna?
14 David iffaċċja ħafna ċirkustanzi taʼ niket f’ħajtu. (1 Sam. 30:3-6) Il-Bibbja turi li Ġeħova kien konxju tas-sentimenti taʼ David. (Aqra Salm 34:18; 56:8.) Alla konxju tas-sentimenti tagħna wkoll. Huwa taʼ faraġ li niftakru li Alla jkun jaf meta jkollna ‘qalbna maqsuma’ jew “spirtu miksur.” Dan kien taʼ faraġ għal David li kanta: “Se nifraħ u nithenna bil-qalb tajba bl-imħabba tiegħek, għax int rajt is-sofferenza tiegħi; kont taf bin-niket taʼ ruħi.” (Salm 31:7) Imma Ġeħova mhux biss jinnota l-inkwiet tagħna. Hu jgħinna nissaportu billi jagħtina l-faraġ u l-inkuraġġiment. Mod wieħed kif jagħmel dan hu permezz tal-laqgħat Kristjani.
15. Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza t’Asaf?
15 L-esperjenza t’Asaf tgħinna nifhmu għala jiswielna taʼ ġid li nattendu l-laqgħat. Asaf baqaʼ jhewden dwar kif il-ġusti kienu jsofru waqt li l-ħżiena donnhom kienu jirnexxu, u dan skuraġġieh. Beda jaħseb li ma kien tal-ebda valur li wieħed jaqdi lil Ġeħova. Hu ddeskriva s-sentimenti tiegħu b’dan il-mod: “Qalbi kienet imtliet bl-imrar u l-kliewi tgħidx kemm weġġgħuni.” Minħabba f’hekk, kważi waqaf jaqdi lil Ġeħova. X’għen lil Asaf jikkoreġi l-mod kif jaħsibha? Hu qal: “Dħalt fis-santwarju grandjuż t’Alla.” Setaʼ jikkoreġi l-attitudni tiegħu billi jissieħeb m’oħrajn li kienu jqimu lil Ġeħova. Asaf irrealizza li s-suċċess taʼ dawk mill-agħar kien biss temporanju u li Ġeħova kien se jagħmel ċert li ssir ġustizzja. (Salm 73:2, 13-22) Forsi aħna kultant inħossuna bħalma ħassu Asaf. L-inġustizzji li naraw fid-dinja taʼ Satana jistgħu jġegħluna nħossuna stressati u skuraġġiti. Imma meta niltaqgħu maʼ ħutna nieħdu s-saħħa u l-għajnuna li għandna bżonn biex inkomplu naqdu lil Ġeħova bil-ferħ.
16. L-eżempju taʼ Ħanna kif jistaʼ jgħinna?
16 Imma xi ngħidu jekk tinqalaʼ sitwazzjoni fil-kongregazzjoni li tagħmilhielek diffiċli biex tattendi l-laqgħat? Forsi ma stajtx tkompli taqdi f’xi privileġġ taʼ servizz, u għalhekk tħossok imbarazzat. Inkella forsi kellek xi nuqqas taʼ qbil maʼ xi ħu jew oħt. Jekk inhu hekk, l-eżempju taʼ Ħanna għandu mnejn jgħinek. (Aqra l-1 Samwel 1:4-8.) Il-mara l-oħra taʼ żewġha, Peninna, spiss kienet tnikkitha ferm lil Ħanna. Is-sitwazzjoni kienet issir speċjalment diffiċli għal Ħanna f’dak iż-żmien tas-sena meta l-familja kienet tmur toffri sagrifiċċji lil Ġeħova f’Silo. Tant kienet tkun imdejqa li “kienet tibki u ma tikolx.” Imma Ħanna xorta baqgħet tmur fil-post fejn setgħet tqim lil Alla Ġeħova. Hi kienet taʼ valur f’għajnejn Ġeħova minħabba l-lealtà tagħha, u hu berikha.—1 Sam. 1:11, 20.
17, 18. (a) B’liema modi nirċievu inkuraġġiment fil-laqgħat tal-kongregazzjoni? (b) Kif tħossok dwar li Ġeħova jieħu ħsiebek bi mħabba?
17 Il-Kristjani llum għandhom jimitaw l-eżempju taʼ Ħanna billi jattendu l-laqgħat regolarment. Bħalma lkoll kemm aħna nafu, il-laqgħat huma sors taʼ inkuraġġiment vitali. (Ebr. 10:24, 25) L-imħabba taʼ sħabna l-Kristjani tfarraġna. Sempliċi espressjoni li tintqal f’taħdita jew f’kumment tistaʼ tmissilna qalbna. Qabel u wara l-laqgħat, sieħeb fit-twemmin jistaʼ joqgħod jismagħna jew jinkuraġġina b’xi kelma taʼ faraġ. (Prov. 15:23; 17:17) Hekk kif ngħollu l-vuċi biex inkantaw lil Ġeħova, nerġgħu nħossuna inkuraġġiti u ferħanin. B’mod speċjali meta jkollna ‘ħsibijiet li jinkwetawna,’ ikollna bżonn l-inkuraġġiment li nieħdu fil-laqgħat. Huwa proprju fil-laqgħat li “l-faraġ” taʼ Ġeħova jgħinna nissaportu u nibqgħu leali.—Salm 94:18, 19.
18 L-imħabba t’Alla ġġegħelna nħossuna fis-sigurtà bħalma ħassu s-salmista Asaf meta kanta lil Ġeħova: “Int qbadtli idi l-leminija. Bil-parir tiegħek tmexxini.” (Salm 73:23, 24) Kemm aħna grati għall-protezzjoni u l-għajnuna li jagħtina Ġeħova biex nissaportu sat-tmiem!
[Mistoqsijiet ta’ Studju]
[Stampa f’paġna 28]
Alla ġibed lilek ukoll lejn il-qima vera
[Stampi f’paġna 30]
Aħna nkunu mħarsin jekk inħallu l-pariri t’Alla jiggwidawna
[Stampa f’paġna 31]
L-inkuraġġiment jgħinna nissaportu