Tħarisx Lejn ‘Dak li Hemm Warajk’
“Ebda bniedem li jkun poġġa idu fuq il-moħriet u jħares lejn dak li hemm warajh m’hu xieraq għas-saltna t’Alla.”—LQ. 9:62.
INT KIF TWIEĠEB?
Għala għandna ‘niftakru f’mart Lot’?
Liema tliet affarijiet għandna nevitaw li nibqgħu nhewdnu fuqhom?
Kif għandna nżommu l-pass mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
1. Ġesù liema twissija ta, u liema mistoqsija tqum?
“FTAKRU f’mart Lot.” (Lq. 17:32) Din it-twissija li ngħatat minn Ġesù Kristu kważi 2,000 sena ilu issa hi importanti iktar minn qatt qabel. Imma Ġesù x’ried jgħid biha din it-twissija serja? Il-Lhud preżenti fl-udjenza kienu jafu eżattament x’kien ġralha mart Lot. Hi u taħrab minn Sodoma mal-familja tagħha, ma kinitx ubbidjenti lejn Ġeħova u ħarset lura, u b’hekk saret kolonna tal-melħ.—Aqra Ġenesi 19:17, 26.
2. Mart Lot għala għandha mnejn ħarset lura, u xi switilha d-diżubbidjenza tagħha?
2 Imma mart Lot għala ħarset lura? Forsi kienet kurjuża dwar dak li kien qed iseħħ. Jistaʼ jkun li ħarset lura għax ma setgħetx temmen li l-belt kienet qed tinqered. Għandu mnejn li l-fidi tagħha kienet dgħajfa. Inkella forsi riedet tmur lura għall-affarijiet li kienet ħalliet warajha f’Sodoma. (Lq. 17:31) Kienet x’kienet ir-raġuni għala ħarset lura, id-diżubbidjenza tagħha switilha ħajjitha. Aħseb ftit! Hi mietet fl-istess jum li fih inqerdu l-abitanti mill-agħar taʼ Sodoma u Gomorra. Mhux taʼ b’xejn li Ġesù qal: “Ftakru f’mart Lot.”
3. Ġesù kif enfasizza l-punt li ma rridux inħarsu lura?
3 Anki aħna qed ngħixu fi żmien meta hu vitali li ma nħarsux lura, jiġifieri, ma nibqgħux naħsbu dwar dak li nkunu ħallejna warajna. Ġesù enfasizza dan il-punt meta wieġeb lil raġel li kien staqsieh jekk setax imur lura għand familtu biex isellmilhom qabel ma jsir dixxiplu. Ġesù qal: “Ebda bniedem li jkun poġġa idu fuq il-moħriet u jħares lejn dak li hemm warajh m’hu xieraq għas-saltna t’Alla.” (Lq. 9:62) Kienet it-tweġiba li Ġesù ta lir-raġel ħarxa wisq jew mhux raġunevoli? Le, għax hu kien jaf li t-talba tar-raġel kienet biss skuża biex ifarfar ir-responsabbiltà tiegħu. Ġesù ddeskriva dan it-tnikkir bħala li kien qed iħares lejn “dak li hemm warajh.” Hu u jaħrat għalqa, individwu jistaʼ jħares lura lejn dak li jkun hemm warajh jew jistaʼ jmidd il-moħriet mal-art u jdur biex iħares lura. Jagħmel x’jagħmel, jiġi aljenat mix-xogħol li suppost ikun qed iwettaq, u ma jagħmilx xogħlu tajjeb.
4. Fuq xiex għandna niffokaw?
4 Aħna għandna niffokaw fuq il-futur u mhux fuq il-passat. Fi Proverbji 4:25, il-Bibbja tgħid ċar u tond: “Inkwantu għal għajnejk, dawn għandhom iħarsu dritt ’il quddiem, iva, b’għajnejk ileqqu għandek tħares fiss quddiemek.”
5. Liema raġuni għandna biex ma nħarsux lejn l-affarijiet li hemm warajna?
5 Għandna raġuni tajba biex ma nħarsux lejn dak li hemm warajna. X’inhi din ir-raġuni? Aħna qed ngħixu fl-“aħħar jiem.” (2 Tim. 3:1) Alla dalwaqt se jeqred is-sistema tad-dinja kollha kemm hi, mhux biss żewġt ibliet mimlijin ħażen. X’se jgħinna nevitaw kwalunkwe ħaġa simili għal dak li ġralha mart Lot? L-ewwel nett, irridu nkunu nafu x’inhuma xi ftit mill-affarijiet li ħallejna warajna li jħajruna nħarsu lejhom. (2 Kor. 2:11) Mela ejja nikkunsidraw x’inhuma u naraw kif nistgħu nevitaw li niffokaw fuqhom.
NIBKU L-IMGĦODDI
6. Għala mhux dejjem għandna nafdaw il-mod kif niftakru fl-imgħoddi?
6 Nistgħu naqgħu fl-iżball li naħsbu li l-ħajja fl-imgħoddi kienet aħjar. Il-mod kif niftakru l-passat jistaʼ ma jkunx il-mod kif kien verament. Bla ma nindunaw, nistgħu nibdew naħsbu li l-problemi tagħna fil-passat ma kinux daqshekk kbar u li konna ħafna iktar ferħanin lura f’dak iż-żmien. Fi kliem ieħor, nibdew naħsbu li l-affarijiet kienu ferm aħjar milli tassew kienu. Jekk nagħmlu dan l-iżball, għandu mnejn nibdew nixtiequ li l-ħajja terġaʼ lura għal li kienet. Iżda l-Bibbja twissina: “Tgħidx: ‘Kif inhi li l-jiem taʼ qabel kienu aħjar minn dawn?’ għax ma jkunx għaqli li tistaqsi dan.” (Ekk. 7:10) Raġunar bħal dan għala huwa daqstant perikoluż?
7-9. (a) Xi ġralhom l-Iżraelin fl-Eġittu? (b) L-Iżraelin liema raġunijiet kellhom biex jifirħu? (ċ) L-Iżraelin dwar xiex bdew jilmentaw?
7 Ikkunsidra x’ġara lill-Iżraelin fi żmien Mosè. Għalkemm għall-ewwel l-Iżraelin kienu meqjusin bħala mistidnin fl-art tal-Eġittu, wara żmien Ġużeppi, l-Eġizzjani “qiegħdu [fuq l-Iżraelin] kapijiet tax-xogħol forzat biex jgħakksuhom b’tagħbija tqila taʼ xogħol.” (Eżo. 1:11) Iktar tard, il-Fargħun saħansitra ordna lin-nies tiegħu biex joqtlu lit-trabi subien tal-Iżraelin għax ma riedx li dan il-poplu joktor. (Eżo. 1:15, 16, 22) Mhux taʼ b’xejn li Ġeħova qal lil Mosè: “Bla dubju jien rajt is-sofferenza tan-nies tiegħi li qegħdin l-Eġittu, u smajt l-għajta tagħhom minħabba dawk li jġegħluhom jaħdmu iebes; għaliex naf tajjeb kemm qed isofru.”—Eżo. 3:7.
8 Tistaʼ timmaġina l-ferħ li ħassew l-Iżraelin meta mill-art fejn kienu fil-jasar ħarġu bħala poplu ħieles? B’mod tal-għaġeb, huma kienu raw il-qawwa taʼ Ġeħova meta ġab l-Għaxar Kastigi fuq il-Fargħun, li kien imkabbar, u fuq in-nies tiegħu. (Aqra Eżodu 6:1, 6, 7) Fil-fatt, l-Eġizzjani mhux talli fl-aħħar ħallew lill-Iżraelin jitilqu bħala poplu ħieles, imma talli ħeġġewhom jagħmlu hekk. U tant tawhom deheb u fidda li setaʼ jingħad li n-nies t’Alla “neżżgħu lill-Eġizzjani.” (Eżo. 12:33-36) L-Iżraelin jerġaʼ ferħu iktar meta raw il-qerda tal-Fargħun u l-qawwiet militari tiegħu fil-Baħar l-Aħmar. (Eżo. 14:30, 31) Il-fidi tagħhom messha ssaħħet bil-kbir wara li raw b’għajnejhom dak kollu li kien għamel Ġeħova!
9 Iżda huwa diffiċli biex temmen li ftit wara li Ġeħova kien ħelishom b’mod mirakoluż, dawn l-istess nies bdew jilmentaw. Dwar xiex? Dwar l-ikel! Ma baqgħux kuntenti b’dak li kien tahom Ġeħova, u qalu: “Kemm niftakruh il-ħut li konna nieklu fl-Eġittu b’xejn, il-ħjar u d-dulliegħ u l-kurrat u l-basal u t-tewm! Imma issa nxifna. Għajnejna ma jarawx ħlief il-manna.” (Num. 11:5, 6) B’hekk, l-imgħoddi ma ftakruhx kif kien verament. Minħabba l-irraġunar żbaljat tagħhom, huma saħansitra riedu jmorru lura lejn l-art fejn kienu lsiera! (Num. 14:2-4) L-Iżraelin ħarsu lejn l-affarijiet li kien hemm warajhom u tilfu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova.—Num. 11:10.
10. Liema tagħlima nieħdu minn dak li ġara lill-Iżraelin?
10 X’inhi t-tagħlima għalina llum? Meta niffaċċjaw diffikultajiet u problemi, ejja ma noqogħdux nhewdnu fuq affarijiet tal-passat—forsi saħansitra taż-żmien meta konna għadna ma nafux il-verità—li jistgħu jidhru li kienu pożittivi. Għalkemm mhuwiex ħażin li nimmeditaw fuq il-lezzjonijiet li nkunu tgħallimna mill-esperjenzi tal-passat jew li niftakru f’xi memorji sbieħ, jeħtieġ inżommu ħarsa bilanċjata u realistika dwar il-passat tagħna. Inkella nistgħu saħansitra nibdew inħossuna inqas kuntenti bil-ħajja tagħna fil-preżent u nkunu rridu nduru lura għall-ħajja li kellna qabel.—Aqra t-2 Pietru 2:20-22.
IS-SAGRIFIĊĊJI LI GĦAMILNA FIL-PASSAT
11. Xi wħud kif iħarsu lejn is-sagrifiċċji li għamlu fil-passat?
11 B’sogħba, xi wħud iħarsu lura lejn is-sagrifiċċji li għamlu fil-passat u jqisuhom bħala opportunitajiet mitlufin. Forsi kellek opportunitajiet biex tieħu edukazzjoni għolja, biex tikseb prominenza, jew biex titfaʼ xi ħaġa tal-flus taħt rasek, imma ddeċidejt li ma tfittixx dawn l-affarijiet. Ħafna minn ħutna ħallew warajhom pożizzjonijiet tajbin li jrendu l-flus fil-qasam tan-negozju, tad-divertiment, tal-edukazzjoni, jew tal-isports. Issa għadda ż-żmien u t-tmiem għadu ma wasalx. Toqgħod toħlom dwar dak li setaʼ ġara li kieku m’għamiltx dawn is-sagrifiċċji?
12. Pawlu kif ħassu dwar l-affarijiet li kien ħalla warajh?
12 L-appostlu Pawlu ħalla ħafna affarijiet warajh sabiex isir segwaċi taʼ Kristu. (Flp. 3:4-6) Kif ħassu dwar dawn l-affarijiet? Hu jgħidilna: “L-affarijiet li kienu qligħ għalija, qisthom bħala telf minħabba l-Kristu.” Għala? Hu jkompli jgħid: “Mhux talli hekk, imma talli jien tabilħaqq inqis ukoll kollox bħala telf minħabba l-valur imprezzabbli taʼ l-għarfien dwar Kristu Ġesù l-Mulej tiegħi. Minħabba fih aċċettajt li nitlef l-affarijiet kollha u nqishom bħala qabda skart, sabiex nirbaħ lil Kristu.” a (Flp. 3:7, 8) Sewwasew bħalma individwu li jarmi l-iskart ma joqgħodx jiddispjaċih għal dak li jkun rema, Pawlu ma ħass l-ebda dispjaċir għall-opportunitajiet sekulari li kien ħalla warajh. Hu ma baqax iħoss li kienu taʼ valur.
13, 14. Kif nistgħu nsegwu l-eżempju li ħalla Pawlu?
13 Jekk nibqgħu nhewdnu fuq l-hekk imsejħin opportunitajiet mitlufin, x’għandna nagħmlu? Għandna nsegwu l-eżempju li ħalla Pawlu. Kif? Ikkunsidra l-valur taʼ dak li għandek issa. Bnejt relazzjoni prezzjuża maʼ Ġeħova u hu jafek bħala persuna leali. (Ebr. 6:10) Id-dinja ma tistaʼ toffrilna xejn li hu taʼ valur daqs dak li jagħtina Ġeħova issa u li se jagħtina fil-futur.—Aqra Marku 10:28-30.
14 Pawlu mbagħad isemmi xi ħaġa li se tgħinna nkomplu mexjin b’lealtà. Hu jgħid li kien qed ‘jinsa l-affarijiet taʼ warajh u jiġġebbed biex jilħaq l-affarijiet li hemm quddiemu.’ (Flp. 3:13) Innota li Pawlu jenfasizza żewġ passi neċessarji. L-ewwel, għandna ninsew l-affarijiet li nkunu ħallejna warajna u ma naħlux l-enerġija u l-ħin prezzjuż tagħna billi noqogħdu ninkwetaw iżżejjed dwar dawn l-affarijiet. It-tieni, bħal ġerrej fit-tmiem taʼ tiġrija, hemm bżonn li niġġebbdu ’l quddiem billi niffokaw fuq dak li hemm quddiemna.
15. Liema benefiċċju niksbu meta nimmeditaw fuq l-eżempji tal-qaddejja leali t’Alla?
15 Meta nimmeditaw fuq l-eżempji tal-qaddejja leali t’Alla—sew tal-passat u sew tal-preżent—nistgħu niġu inkuraġġiti nibqgħu mexjin ’il quddiem minflok ma nħarsu lura lejn l-affarijiet li nkunu ħallejna warajna. Pereżempju, li kieku Abraham u Sara baqgħu jiftakru f’Ur, “kien ikollhom opportunità jerġgħu lura.” (Ebr. 11:13-15) Iżda huma ma marrux lura f’Ur. L-ewwel darba li Mosè telaq mill-Eġittu ħalla warajh ħafna iktar affarijiet minn kwalunkwe Iżraeli li għex warajh. Madankollu, il-Bibbja ma tgħidx li hu ried dawk l-affarijiet lura. Minflok, ir-rakkont tal-Bibbja jgħidilna li hu “qies it-tmaqdir tal-Kristu bħala rikkezzi akbar mit-teżori taʼ l-Eġittu; għax ħares fiss lejn il-ħlas tal-premju.”—Ebr. 11:26.
L-ESPERJENZI NEGATTIVI TAL-PASSAT
16. Kif nistgħu niġu effettwati mill-esperjenzi tal-passat?
16 Iżda mhux l-esperjenzi kollha tal-passat jistgħu jidhru pożittivi. Forsi nħossuna maħkumin minn ħsibijiet dwar dnubiet tal-passat jew żbalji li nkunu għamilna. (Salm 51:3) Għandu mnejn xorta nħossuna rrabjati jew imnikktin għax inkunu ngħatajna xi parir iebes. (Ebr. 12:11) Forsi ma nkunux nistgħu ninsew iż-żmien meta sofrejna xi inġustizzja jew dik li ħsibna li kienet inġustizzja. (Salm 55:2) X’nistgħu nagħmlu biex inkunu ċerti li ma nħallux esperjenzi bħal dawn iġegħluna niffokaw fuq l-affarijiet li nkunu ħallejna warajna? Ejja nikkunsidraw tliet eżempji.
17. (a) Pawlu għala ddeskriva lilu nnifsu bħala “bniedem inqas mill-inqas wieħed fost il-qaddisin kollha”? (b) X’għen lil Pawlu ma jibqax jhewden fuq ħsibijiet negattivi?
17 Żbalji tal-passat. L-appostlu Pawlu ddeskriva lilu nnifsu bħala “bniedem inqas mill-inqas wieħed fost il-qaddisin kollha.” (Efes. 3:8) Għala ħassu hekk? Hu jgħid: “Għax ippersegwitajt il-kongregazzjoni t’Alla.” (1 Kor. 15:9) Tistaʼ timmaġina kif kien iħossu Pawlu meta kien jiltaqaʼ maʼ xi wħud li qabel kien jippersegwitahom? Minkejja dan, minflok ma ħalla dawn il-ħsibijiet negattivi jaħkmuh, Pawlu ffoka fuq il-qalb tajba mhix mistħoqqa li kienet intweriet miegħu. (1 Tim. 1:12-16) Minħabba f’hekk, Pawlu ħassu grat ferm u kien motivat biex ikompli għaddej bil-ministeru tiegħu. Meta Pawlu qal li ried jinsa l-affarijiet li kien ħalla warajh, kien qed jinkludi wkoll l-iżbalji tiegħu tal-passat. Ladarba żball inkunu għamilnieh u ma nistgħux nibdlu l-passat, inkunu biss qed naħlu l-enerġija tagħna jekk nibqgħu nhewdnu fuqu. Minflok, għandna nkomplu niftakru fil-ħniena li Ġeħova wera magħna u nużaw saħħitna biex naqduh fil-preżent.
18. (a) X’jistaʼ jiġri jekk inħarsu lura b’mod negattiv lejn xi parir li nkunu ngħatajna? (b) Kif nistgħu nobdu l-kliem taʼ Salamun dwar li naċċettaw il-pariri?
18 Pariri ibsin. Jistaʼ jkun li nibqgħu nhewdnu fuq xi parir iebes li nkunu ngħatajna fil-passat. Dan jistaʼ mhux biss ikun taʼ wġigħ iżda wkoll idgħajjifna, u b’hekk iġegħelna ‘naqtgħu qalbna.’ (Ebr. 12:5) Sew jekk ‘inċekknu’ l-parir għax inkunu rrifjutajnieh u sew jekk inkunu aċċettajnieh imma mbagħad ‘naqtgħu qalbna,’ ir-riżultat ikun l-istess—ma nkunux tassew qed inħallu l-parir ikun taʼ benefiċċju għalina u jirfinana. Kemm ikun aħjar li nobdu l-kliem taʼ Salamun: “Aqbad sew mad-dixxiplina; titlaqhiex. Ħarisha, għax hi ħajtek.” (Prov. 4:13) Bħal sewwieq li jobdi s-sinjali tat-traffiku, ejja naċċettaw il-parir, napplikawh, u nkomplu mexjin ’il quddiem.—Prov. 4:26, 27; aqra Ebrej 12:12, 13.
19. Kif nistgħu nimitaw il-fidi taʼ Ħabakkuk u taʼ Ġeremija?
19 Inġustizzji jew dawk li jkunu jidhru li huma inġustizzji. Kultant nistgħu nħossuna bħall-profeta Ħabakkuk, li sejjaħ lil Ġeħova bil-ħrara biex issir ġustizzja għax ma fehemx għala Ġeħova kien jippermetti li jiġru ċerti affarijiet inġusti. (Ħab. 1:2, 3) Hu importanti ferm li nimitaw il-fidi tal-profeta, li qal: “Madankollu jien, min-naħa tiegħi, se nifraħ b’Ġeħova; jien se nithenna bl-Alla tas-salvazzjoni tiegħi.” (Ħab. 3:18) Ġeremija kien eżempju ieħor taʼ individwu li wera fidi għax ‘stenna b’attitudni xierqa.’ Nistgħu nimitawh billi jkollna fidi sħiħa li Ġeħova, l-Alla taʼ ġustizzja, se jirranġa l-affarijiet kollha fil-ħin u fil-waqt.—Lam. 3:19-24.
20. Kif nistgħu nagħtu prova li ‘niftakru f’mart Lot’?
20 Qed ngħixu fi żminijiet eċċitanti. Bħalissa qed iseħħu ġrajjiet tal-għaġeb u dalwaqt se jseħħu iktar. Jalla kull wieħed u waħda minna jżomm il-pass mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Ejja nobdu l-parir Skritturali biex inħarsu lejn dak li hemm quddiemna u mhux lejn dak li hemm warajna. B’hekk, se nkunu qed nagħtu prova li ‘niftakru f’mart Lot’!
[Nota taʼ taħt]
a Il-kelma fil-lingwa oriġinali li hawnhekk tiġi tradotta “skart” kienet tfisser ukoll dak “li jintefaʼ lill-klieb,” “demel,” jew “ħmieġ.” Studjuż tal-Bibbja jgħid li Pawlu uża din il-kelma biex jirreferi għal xi ħaġa li persuna tirrifjuta għalkollox. Il-persuna tqisha bħala diżgustanti u li ma tiswa għal xejn, u qatt ma tkun trid terġaʼ taraha b’għajnejha.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]